Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku

f’filmat miġbud fil-Belt tal-Vatikan

“f’Anteprima” mondjali għal TED2017

25 ta’ April 2017

 

0:15 Il-lejl it-tajjeb, ma nafx x’ħin hu n-naħa tagħkom!  Però ikun x’ħin ikun, jien dejjem kuntent li nieħu sehem f’laqgħa magħkom.  Għoġobni ħafna t-titlu – “l-int futur” – għax filwaqt li jħares lejn għada, hu stedina għad-djalogu sa mil-lum: filwaqt li jħares lejn il-futur, hu stedina biex induru lejn “l-int”. “L-int futur”, il-futur tagħmlu int, jiġifieri hu magħmul minn laqgħat, għax il-ħajja timxi permezz tar-relazzjonijiet.  Bosta snin ta’ ħajja baqgħu dejjem isaħħu fija l-konvinzjoni li l-eżistenza ta’ kull wieħed u waħda minna hi marbuta ma’ dik tal-oħrajn: il-ħajja mhix żmien li jgħaddi, imma żmien ta’ laqgħa (relazzjonijiet).

 

1:27 Kull meta niltaqa’ ma’, jew nisma, il-morda li jbatu, il-migranti li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet tremendi huma u jfittxu futur aħjar, ħabsin li fi qlubhom għandhom l-infern, persuni – l-aktar żgħażagħ – li m’għandhomx xogħol, inħoss dejjem fija dil-mistoqsija:  “Għaliex huma u mhux jien?”  Jien ukoll twelidt f’familja ta’ emigranti: missieri, nannieti, bħal ħafna Taljani oħra, telqu lejn l-Arġentina u missithom ix-xorti ta’ min jibqa’ bla sold.  Jien ukoll stajt kont wieħed minn dawk “l-iskartati” tal-lum.  Għalhekk ġewwa qalbi tibqa’ dejjem il-mistoqsija: “Għaliex huma u mhux jien?” 

 

2:35 Inkun kuntent, qabel kollox, jekk dil-laqgħa tagħna tgħinna niftakru lil lkoll għandna bżonn xulxin, li ħadd minna m’hu gżira, xi “jien” awtonomu u indipendenti mill-oħrajn, li l-futur nistgħu nibnuh biss flimkien, mingħajr ħadd eskluż.  Spiss ma naħsbuhx dan, imma fir-realtà kollox hu marbut ma’ xulxin u hemm bżonn infejjqu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna; anki dak il-ġudizzju iebes li għandi f’qalbi kontra ħija jew oħti, dik il-ġerħa tnixxi, dak it-tort li qatt ma ħfirt, dik il-mibgħeda li tgħamilli biss deni, dan kollu hu biċċa gwerra żgħira li jien inġorr fija, hu ħuġġieġa f’qalbi li rrid nitfiha, ħalli ma ssirx nirien li warajhom iħallu l-irmied.

  

3:38 Illum, għal ħafna raġunijiet, bosta donnhom ma jemmnux li jista’ jkun hemm futur hieni.  Dawn il-biżgħat irridu neħduhom bis-serjetà.  Imma jistgħu jkunu megħluba.  Nistgħu nissuperawhom jekk ma ningħalqux fina nfusna.  Għax l-hena nħossuha biss bħala don ta’ armonija ta’ xi ħaġa partikolari fil-konfront tal-kollox.  Ix-xjenzi wkoll – tafuh aħjar minni – illum ifehemuna realtà fejn kull ħaġa teżisti f’kollegament, f’interazzjoni kontinwa mal-bqija.

   

4:27 U hawn nasal għat-tieni messaġġ tiegħi.  Kemm ikun sabiħ jekk flimkien mat-tkabbir xjentifiku u teknoloġiku jkun hemm ukoll ekwità u inklużjoni soċjali akbar!  Kemm ikun sabiħ jekk filwaqt li qed niskopru pjaneti ġodda bogħod minna, niskopru x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ ħija, oħti li jduru madwari!  Kemm ikun sabiħ li l-fraternità, dil-kelma tant sabiħa imma li kultant hi skomda, ma titqiesx biss bħala assistenza soċjali, imma ssir atteġġjament fundamentali fl-għażliet fuq livell politiku, ekonomiku, xjentifiku, fir-relazzjonijiet bejn il-persuni, bejn il-popli u bejn il-pajjiżi.  Hu biss bl-edukazzjoni għall-fraternità, għas-solidarjetà konkreta li tista’ tingħeleb “il-kultura tal-iskart”, li m’għandhiex x’taqsam biss mal-ikel u l-ġid, imma qabel kollox mal-persuni li jisfaw imwarrbin mis-sistemi tekno-ekonomiċi fejn ta’ spiss, fiċ-ċentru, mingħajr ma nindunaw, m’hemmx aktar il-bniedem, imma l-prodotti tal-bniedem.

  

6:08 Is-solidarjetà hi kelma li ħafna jixtiequ jneħħuha mid-dizzjunarju.  Imma s-solidarjetà mhix mekkaniżmu awtomatiku, ma tistax tkun programmata jew kontrollata: hi tweġiba ħielsa li tinbet mill-qalb ta’ kull persuna.  Iva, tweġiba ħielsa!  Jekk bniedem jifhem li fost il-ħafna kuntradizzjonijiet, ħajtu hi rigal, li l-imħabba hija l-għajn u s-sens tal-ħajja, kif jista’ jxekkel ix-xewqa li jagħmel il-ġid mal-oħrajn?

  

6:50 Biex inkunu attivi fil-ġid jeħtieġ il-fakra, il-kuraġġ u l-kreattività wkoll.  Qaluli li fit-TED hemm bosta nies kreattivi ħafna.  Iva, l-imħabba titlob tweġiba kreattiva, konkreta, inġenjuża.  L-intenzjonijiet tajbin u l-formuli ritwali mhumiex biżżejjed.  Ta’ spiss dawn iservu biss biex irraqqdu l-kuxjenzi.  Ngħinu lil xulxin, flimkien, biex niftakru li l-oħrajn mhumiex statistiċi jew numri: l-oħrajn għandhom wiċċ, “l-int” hu dejjem wiċċ konkret, ħija li għandi nieħu ħsiebu.

  

7:52 Hemm storja li Ġesù kien irrakkuntaha biex ifiehem x’inhi d-differenza bejn min ma jridx jiskomda ruħu u min jieħu ħsieb ħaddieħor.  Probabbilment smatju dwarha: hija l-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb.  Meta lil Ġesù staqsewh, “Min hu l-proxxmu?” – jiġfieri: lil min għandna nieħdu ħsiebu? – Ġesù rrakkonta din l-istorja, l-istorja ta’ bniedem li kienu daru għalih il-ħallelin, serquh, sawwtuh u abbandunawh fil-ġenb tat-triq.  Żewġ persuni li fi żmienhom kienu rispettabbli ħafna, saċerdot u levita, rawh, imma baqgħu għaddejjin mingħajr ma waqfu.  Imbagħad wasal Sammaritan, li kien ġej minn etnija disprezzata.  U das-Sammaritan, malli ra lil dak ir-raġel miġrugħ fl-art, ma baqax għaddej bħalma għamlu l-oħrajn, qiesu ma ġara xejn, imma tħassru.  Ġietu ħniena u dil-ħniena ġagħalitu jagħmel ġesti konkreti ħafna:  dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid, ħadu f’lukanda u ħallas minn butu l-għajnuna li dak kien jeħtieġ.

  

9:26 L-istorja tas-Sammaritan it-Tajjeb hi l-istorja tal-umanità tal-lum.  Fil-mixja tal-popli hemm feriti ġejjin mill-fatt li fiċ-ċentru hemm il-flus, l-affarijiet.  Mhux il-persuni.  U hemm id-drawwa li ta’ spiss min iħossu “komdu”, ma jagħtix każ ħaddieħor, u jħalli tant bnedmin, popli sħaħ, lura, mal-art fit-triq.  Imma hemm ukoll min qed iniedi dinja ġdida, jieħu ħsieb l-oħrajn anki jekk iħallas minn butu.  Infatti, Madre Tereża ta’ Kalkutta kienet tgħid, ma tistax tħobb jekk ma tagħtix minnek innifsek.

  

10:26 Għandan ħafna x’nagħmlu u rridu nagħmluh flimkien.  Imma kif, bil-ħażen li jidħol fina man-nifs?  Għall-grazzja t’Alla, ebda sistema ma tista’ xxejjen il-ftuħ lejn dak li hu tajjeb, il-ħniena, il-ħila tar-reazzjoni kontra l-ħażen, li jinbtu mill-qalb tal-bniedem.  Issa tgħiduli: “iva, dan kliem sabiħ, imma jien m’inix is-Sammaritan it-tajjeb u lanqas Madre Tereża ta’ Kalkutta”.  Iżda kull wieħed u waħda minn aħna prezzjużi: kull wieħed u waħda minna aħna insostitwibbli f’għajnejn Alla.  Fid-dalma tal-kunflitti li qed nassitu għalihom bħalissa, kull wieħed u waħda minna jista’ jkun xemgħa mixgħula li tfakkar li d-dawl jegħleb id-dlam, mhux bil-maqlub.  

 

11:27 Għalina l-Insara l-futur għandu isem, u dan l-isem hu tama.  Li jkollok it-tama ma jfissirx li tkun ottimist, inġenwu, u tinjora d-dramma tal-ħażen tal-umanità.  It-tama hi l-virtù ta’ qalb li ma tingħalaqx fid-dlam, ma tieqafx fil-passat, ma tgħixx il-preżent kemm kemm tgħaddi, imma taf tħares lejn il-futur.  It-tama hi bieb miftuħ lejn il-futur.  It-tama hi żerriegħa ta’ ħajja umli u moħbija, li però biż-żmien tinbidel u ssir siġra kbira; hi bħall-ħmira li ma tidhirx, li tgħolli l-għaġna kollha, li tagħti togħma lill-ħajja kollha.  U tista’ tagħmel ħafna, għax biżżejjed dawl ċkejken biex iżoqq it-tama u d-dlam ma jibqax ċappa.  Biżżejjed bniedem wieħed biex ikun hemm it-tama, u dak il-bniedem jista’ jkun int.  Imbagħad hemm “int” ieħor u “int” ieħor, u b’hekk inisu “aħna”.  U meta hemm “l-aħna” tinbet it-tama.  Mhux dik mibdija bl-“int”.  Meta hemm “l-aħna” tibda rivoluzzjoni!

  

13:16  It-tielet u l-aħħar messaġġ li nixtieq naqsam magħkom illum hu propju dwar ir-rivoluzzjoni: ir-rivoluzzjoni tat-tenerezza.  X’inhi t-tenerezza?  Hija l-imħabba li ssir ħajja u konkreta.  Hi ċaqliqa li tibda mill-qalb u tasal fl-għajnejn, fil-widnejn, fl-idejn.  It-tenerezza hi l-użu tal-għajnejn biex naraw lill-ieħor, l-użu tal-widnejn biex nisimgħu lill-ieħor, biex nisimgħu l-għajta taż-żgħar, tal-foqra, ta’ min jibża’ mill-futur; is-smigħ ukoll tal-għajta siekta tad-dar komuni tagħna, tal-Art imniġġsa u marida.  It-tenerezza tfisser l-użu tal-idejn u l-qalb biex immellsu lill-ieħor, nieħdu ħsiebu. 

  

14:13 It-tenerezza hi l-lingwaġġ tal-iżgħar, ta’ min jeħtieġ l-għajnuna tal-ieħor.  Tifel, tifla, jaffezzjonaw ruħhom u jagħrfu lil missierhom, lil ommhom, mit-tmellis, mill-ħarsa, mil-leħen, mit-tenerezza.  Jien inħobb nisma’ missier jew omm jitkellmu ma’ uliedhom ċkejknin u jsiru tfal huma wkoll, jitkellmu bħalhom, bħat-tfal.  Din hi t-tenerezza: li titbaxxa biex tasal fil-livell tal-ieħor.  Din hi t-triq li mexa fiha s-Sammaritan it-Tajjeb.  Din hi t-triq li mexa Ġesù, li tbaxxa, ġarrab fuqu l-ħajja kollha tal-bniedem bil-lingwaġġ konkret tal-imħabba.

  

15:23 Iva, it-tenerezza hi t-triq li mxew fiha l-irġiel u n-nisa l-aktar kuraġġużi u qawwijin.  Din mhix dgħufija, it-tenerezza hi qawwa.  Hi t-triq tas-solidarjetà, it-triq tal-umiltà.  Ippermettuli ngħidha ċar: aktar ma int setgħan, aktar l-azzjonijiet tiegħek iħallu impatt fuq in-nies, u aktar int imsejjaħ biex tkun umli.  Għax inkella s-setgħa tirvinak u int tirvina lill-oħrajn.  Fl-Arġentina konna ngħidu s-setgħa hi bħall-gnibru li tixrob fuq stonku vojt.  Jisturdik, itellfek il-bilanċ u jwasslek biex tagħmel ħsara lilek innifsek u lill-oħrajn, jekk ma tgħaqqadx kollox mal-umiltà u t-tenerezza.  Iżda, bl-umiltà u l-imħabba konkreta, is-setgħa – l-aktar għolja, l-aktar qawwija – issir servizz u xxerred il-ġid.  

  

16:52 Il-futur tal-umanità ma jinsabx biss f-idejn il-politiċi, il-mexxejja l-kbar, l-ażjendi l-kbar.  Iva, ir-responsabbiltà tagħhom hi enormi.  Imma l-futur jinsab, fuq kollox, f’idejn il-persuni li fl-ieħor jaraw “l-int”, u lilhom infushom bħala “aħna”.  Għandna bżonn xulxin.  U għalhekk, jekk jogħġobkom, ftakru fija wkol bit-tenerezza, ħalli nkun nista’ naqdi d-dmir li ġie afdat f’idejja għall-ġid tal-oħrajn, ta’ kulħadd.  Ta’ kulħadd, tagħna lkoll.  Grazzi.

 

 Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber