TALBA

 

O Alla li tista’ kollox u tgħix għal dejjem,

Missier twajjeb u ħanin;

Ħallieq tas-sema u ta’ l-art, ta’ kull ma jidher u ma jidhirx;

Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb,

Sultan u Sid ta’ l-imgħoddi, ta’ issa u tal-ġejjieni;

imħallef waħdieni tal-bnedmin kollha,

li tippremja bil-glorja ta’ dejjem lill-fidili tiegħek!

Aħna, ulied Abraham skond il-fidi fiK, Alla wieħed,

Lhud, Insara u Musulmani,

fiċ-ċokon tagħna rsaqna quddiemeK

u qed nitolbuK b’fiduċja

għal dan il-pajjiż, il-Bosnja u l-Ħerzegovina,

biex fih jistgħu jgħixu fis-sliem u l-armonija

rġiel u nisa ta’ twemmin, nazzjonijiet u kulturi differenti.

 

Nitolbuk, o Alla, biex dan iseħħ

fil-pajjiżi kollha tad-dinja!

Saħħaħ f’kull wieħed u waħda minna l-fidi u t-tama,

ir-rispett reċiproku u l-imħabba sinċiera

għal ħutna kollha.

Agħmel li, bil-kuraġġ, inħabirku

biex nibnu l-ġustizzja soċjali,

u nkunu bnedmin ta’ rieda tajba,

li kapaċi nifhmu u naħfru lil xulxin,

u b’sengħa u sabar nibnu d-djalogu u l-paċi.

Ħa jkunu l-ħsibijiet, il-kliem u l-ħidmiet tagħna

f’armonija mar-rieda mqaddsa tiegħeK.

Ħa jkun kollox għall-ġieħ u l-glorja tiegħeK u għas-salvazzjoni tagħna.

Ġieħ u glorja għal dejjem lileK, Alla tagħna!

Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard