QUDDIESA GĦALL-FESTA TAD-DEDIKAZZJONI

TAL-BAŻILIKA TA’ SAN ĠWANN FIL-LATERAN

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran

Is-Sibt 9 ta’ Novembru 2019

 

Test tat-Talba tal-Fidili li għamel il-Papa quddiem il-lapida ddedikata lill-foqra fuq barra tal-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran

 

Għall-miljuni ta’ tfal marsusa taħt il-morsa tal-ġuħ li tilfu t-tbissima tagħhom imma għadhom jixtiequ jħobbu.

 

Nitolbuk, Missier, ibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħek.

 

Għall-miljuni ta’ żgħażagħ li, mingħajr ebda raġuni għaliex għandhom jemmnu jew jgħixu, qed ifittxu għalxejn ġejjieni f’din id-dinja kiefra.

 

Nitolbuk, Missier, ibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħek.

 

Għall-miljuni ta’ rġiel, ta’ nisa, ta’ tfal, bi qlub li għadhom iħabbtu bil-qawwa għat-taqbida, li l-ispirtu tagħhom irid jeħodha kontra x-xorti kiefra imposta fuqhom, li bil-kuraġġ kollu qed jitolbu d-dritt tagħhom għad-dinjità prezzjuża li għandhom.

 

Nitolbuk, Missier, ibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħek.

 

Għall-miljuni ta’ tfal, ta’ nisa, ta’ rġiel li ma jridux jisħtu, imma jħobbu u jitolbu, jaħdmu u jingħaqdu, biex ikollna art solidali. Art, l-art tagħna, fejn kull bniedem jagħti l-aħjar li jista’ qabel imut.

 

Nitolbuk, Missier, ibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħek.

 

Biex dawk kollha li jitolbu, iħossu li Alla qed jagħtihom widen u jirċievu mingħandu l-qawwa li jeqirdu l-miżerja minn ġo nofs umanità maħluqa xbieha tiegħu.

 

Nitolbuk, Missier, ibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħek.

 


 

OMELIJA

 

Illejla, f’din iċ-ċelebrazzjoni tad-Dedikazzjoni, nixtieq naqbad mill-Kelma ta’ Alla tliet versi biex nagħtikom, biex tistgħu tagħmlu minnhom oġġett ta’ meditazzjoni u ta’ talb.

 

L-ewwel wieħed inħossu indirizzat lil kulħadd, lill-komunità djoċesana kollha ta’ Ruma. Huwa l-versett tas-Salm Responsorjali: “Hemm xmara li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla” (46:5). L-Insara li jgħixu f’din il-belt huma bħax-xmara li ħierġa mit-Tempju: iwasslu Kelma ta’ ħajja u ta’ tama li kapaċi twarrad id-deżerti tal-qlub, bħall-ilma ġieri mfisser fil-viżjoni ta’ Eżekjel (ara kap. 47) li jagħti l-ħajja lid-deżert tal-Għaraba u jibdel f’ħelwa l-ilmijiet mielħa u bla ħajja tal-Baħar il-Mejjet. L-importanti hu li n-nixxiegħa tal-ilma toħroġ mit-Tempju u tmur lejn l-artijiet li jidhru bla ħajja. Il-belt ma tistax ma tifraħx meta tara l-Insara jsiru ħabbara hienja, determinati li jaqsmu mal-oħrajn it-teżori tal-Kelma ta’ Alla u jħabirku b’risq il-ġid komuni. L-art li kienet tidher iddestinata għal dejjem li tibqa’ niexfa, turi li għandha potenzjalità straordinarja: issir ġnien b’siġar li dejjem iħaddru u weraq u frott li għandu l-qawwa li jfejjaq. Eżekjel ifisser l-għaliex ta’ tant ħajja: “Għax l-ilma tagħhom ħiereġ mit-tempju” (47:12). Huwa Alla s-sigriet ta’ din il-qawwa ta’ ħajja ġdida!

 

Jalla l-Mulej ikun jista’ jifraħ jarana niċċaqilqu, lesti biex nagħtu widen bil-qalb għall-foqra tiegħu li jitkarrbulu. Jalla l-Knisja Omm ta’ Ruma tista’ ġġarrab il-faraġ li tara għal darb’oħra l-ubbidjenza u l-kuraġġ ta’ wliedha, mimlija ħeġġa għal dan l-istaġun ġdid ta’ evanġelizzazzjoni. Niltaqgħu mal-oħrajn, nidħlu fi djalogu magħhom, nisimgħuhom b’umiltà, bla nitolbu ebda ħlas lura u b’qalb fqajra… Nistedinkom tgħixu dan kollu mhux bħala xi sforz tqil, imma b’ħeffa spiritwali: flok tħallu l-ansjetà dwar kif ħa tagħmlu din il-ħaġa jew l-oħra taħkimkom, huwa iżjed importanti twessgħu l-perċezzjoni tagħkom biex tilqgħu l-preżenza u l-azzjoni ta’ Alla fil-belt. Hi kontemplazzjoni li tinbet mill-imħabba.

 

Lilkom il-presbiteri nixtieq niddedikalkom versett mit-Tieni Qari, mill-Ewwel Ittra lill-Korintin: “Pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu” (3:11). Din hi l-ħidma tagħkom, il-qalba tal-ministeru tagħkom: tgħinu lill-komunità toqgħod dejjem f’riġlejn il-Mulej biex tisma’ l-Kelma tiegħu; iżżommuha bogħod minn kull xejra tad-dinja, mill-kompromessi ħżiena; tħarsu l-pedament u l-għeruq qaddisa tal-binja spiritwali; tiddefenduha mill-ilpup ħattafa, minn min irid jiżvijaha mit-triq tal-Vanġelu. Bħal Pawlu, intom ukoll kunu “bennejja għaqlin” (ara 3:10), għaqlin għax tafu tajjeb li kull idea jew realtà oħra li nistgħu nqiegħdu bħala pedament tal-Knisja flok il-Vanġelu, forsi tista’ tiggarantilna iżjed suċċess, forsi anki gratifikazzjonijiet immedjati, imma bla dubju ta’ xejn twassalna biex nikkrollaw, biex tikkrolla l-binja spiritwali kollha!

 

Minn meta sirt Isqof ta’ Ruma sirt naf iżjed mill-qrib lil ħafna minnkom, għeżież presbiteri: ammirajt il-fidi u l-imħabba għall-Mulej, il-qrubija lejn il-persuni u l-ġenerożità fl-għożża tal-foqra. Il-kwartieri ta’ Ruma tafuhom kif ma jafhom ħadd iżjed u fil-qalb tagħkom intom tħarsu l-uċuħ, it-tbissim u d-dmugħ ta’ tant nies. Warrabtu għall-ġenb kuntrasti ideoloġiċi u protagoniżmi personali biex tagħmlu wisa’ għal dak li Alla qed jitlob minnkom. Ir-realiżmu ta’ min għandu saqajh mal-art u jaf “kif jimxu l-affarijiet tad-dinja” ma żammkomx milli ttiru fl-għoli mal-Mulej u milli toħolmu kbir. Alla jberikkom. Ħa jkun il-ferħ tal-intimità miegħu l-ħlas l-aktar veru għall-ġid kollu li tagħmlu ta’ kuljum.

 

U fl-aħħar nett għandi versett għalikom, membri tal-équipes pastorali, li qegħdin hawn biex tirċievu mandat partikulari mill-Isqof. Ma stajtx ma nagħżlux mill-Vanġelu (Ġw 2:13-22), fejn Ġesù jġib ruħu b’mod divinament provokattiv. Biex iriegħed ir-ras iebsa tal-bnedmin u jwassalhom għal bidliet radikali, xi kultant Alla jagħżel li jaġixxi b’mod qawwi, biex iġib qtugħ fis-sitwazzjoni. Ġesù bl-azzjoni tiegħu jrid iġib bidla fil-pass, idawwar ir-rotta. L-istess stil kellhom ħafna qaddisin: ċerti mġibiet tagħhom, ma jinftehmux bil-loġika umana, kienu frott ta’ intuwizzjonijiet li qanqal fihom l-Ispirtu u riedu jipprovokaw lin-nies ta’ żmienhom u jgħinuhom jifhmu li “l-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom”, kif jgħid Alla permezz tal-profeta Iżaija (55:8).

 

Biex nifhmu sew l-episodju tal-Vanġelu tal-lum, jeħtieġ nagħfsu fuq dettall importanti. Il-bejjiegħa kienu fil-bitħa tal-pagani, il-post aċċessibbli għal min ma kienx Lhudi. Proprju din il-bitħa kienet inbidlet f’suq. Imma Alla jrid li t-Tempju tiegħu jkun dar tat-talb għall-popli kollha (ara Iż 56:7). Minn hawn toħroġ id-deċiżjoni ta’ Ġesù li jaqleb l-imwejjed tas-sarrafa u jkeċċi l-bhejjem. Din il-purifikazzjoni tas-santwarju kienet meħtieġa biex Iżrael jiskopri mill-ġdid il-vokazzjoni tiegħu: li jkun dawl għall-ġnus kollha, poplu żgħir magħżul biex jaqdi s-salvazzjoni li Alla jrid jagħti lil kulħadd. Ġesù jaf li din il-provokazzjoni se tiswielu qares. U meta jistaqsuh: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” (v. 18), il-Mulej iweġibhom u jgħidilhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (v. 19).

 

U huwa proprju dan il-versett li llejla nixtieq ngħadilkom, équipes pastorali. Intom fdati bil-missjoni li tgħinu lill-komunitajiet tagħkom u lill-operaturi pastorali jilħqu lin-nies kollha li jgħixu fil-belt, billi tindividwaw toroq ġodda biex tiltaqgħu ma’ min hu mbiegħed mill-fidi u mill-Knisja. Imma, intom u tagħtu dan is-servizz, ġorru fikom dan l-għarfien, din il-fiduċja: ma hemmx qalb umana li fiha Kristu ma jridx u ma jistax jitwieled mill-ġdid. Fil-ħajja tagħna ta’ midinbin spiss jiġrilna li nitbiegħdu mill-Mulej u nxejnu l-Ispirtu. Neqirdu t-tempju ta’ Alla li hu kull wieħed u waħda minna. Imma din qatt mhi sitwazzjoni tal-aħħar: biżżejjed tlitt ijiem għall-Mulej biex jibni mill-ġdid it-tempju tiegħu fina!

 

Ħadd, ikun kemm ikun midrub mill-ħażen, ma hu kkundannat fuq din l-art biex ikun għal dejjem mifrud minn Alla. B’mod spiss misterjuż imma reali l-Mulej jiftaħ fil-qlub xquq ġodda, xewqat ta’ verità, ta’ ġid u ta’ ġmiel, li jagħmlu wisa’ għall-evanġelizzazzjoni. Xi drabi jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ suspetti u ostilità: ma rridux inħallu lil min jimblukkana, imma nħasu l-konvinzjoni li għal Alla biżżejjed tlitt ijiem biex iqajjem lil Ibnu fil-qalb tal-bniedem. Din hija wkoll l-istorja ta’ xi wħud minna: konverżjonijiet profondi frott tal-azzjoni imprevedibbli tal-grazzja! Jiġini f’moħħi l-Konċilju Vatikan II: “Billi Kristu miet għal kulħadd, u billi s-sejħa aħħarija tal-bniedem fil-fatt hija waħda biss, jiġifieri dik ta’ Alla, għandna nżommu li l-Ispirtu s-Santu joffri lil kulħadd il-possibbiltà li, bil-manjiera magħrufa lil Alla, jingħaqad ma’ dan il-misteru tal-Għid” (Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 22).

 

Jalla l-Mulej jagħtina li nduqu dan kollu, fl-azzjoni tagħna ta’ evanġelizzazzjoni. Jalla nikbru fil-fidi fil-Misteru tal-Għid u niġu assoċjati maż-“żelu” tiegħu għad-dar tagħna! Il-mixja t-tajba!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard