SOLENNITÀ TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

ATT TA’ QIMA LILL-IMMAKULATA FI PIAZZA DI SPAGNA

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LIL MARIJA IMMAKULATA

 

Piazza di Spagna

Il-Ħadd 8 ta’ Diċembru 2019

 

Marija Immakulata,

mill-ġdid erġajna nġbarna madwarek.

Iktar ma nimxu ’l quddiem fil-ħajja,

iktar tikber il-gratitudni tagħna lejn Alla

li, lilna li aħna midinbin, tana bħala omm

lilek, li int l-Immakulata.

Fost il-bnedmin kollha, inti l-unika

li ġejt meħlusa mid-dnub, għax omm ta’ Ġesù,

il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.

Imma dan il-privileġġ waħdieni tiegħek

ingħatalek għall-ġid tagħna lkoll, uliedek.

Fil-fatt, meta nħarsu lejk, aħna nilmħu r-rebħa ta’ Kristu,

ir-rebħa tal-imħabba ta’ Alla fuq il-ħażen:

fejn kotor id-dnub, jiġifieri fil-qalb tal-bniedem,

kotrot fuq li kotrot il-grazzja,

bil-qawwa umli tad-Demm ta’ Ġesù.

Int, Omm, tfakkarna li aħna midinbin,

imma m’għadniex iktar ilsiera tad-dnub!

Ibnek, bis-Sagrifiċċju tiegħu,

farrak il-ħakma tal-ħażen, rebaħ fuq id-dinja.

Dan hu li tirrakkonta lil kull nisel il-qalb tiegħek

safja bħas-sema fejn ir-riħ keċċa kull sħaba.

 

U hekk int tfakkarna li mhix l-istess ħaġa

nkunu midinbin u nkunu korrotti: hemm differenza kbira!

Ħaġa naqgħu, imma mbagħad, niedma,

nerġgħu nqumu bl-għajnuna tal-ħniena ta’ Alla.

Ħaġa oħra l-kompliċità ipokrita mal-ħażen,

il-korruzzjoni tal-qalb, li minn barra tidher li hi bla dnub,

imma minn ġewwa hi mimlija b’fehmiet ħżiena u egoiżmu msejken.

Is-safa ċar tiegħek isejħilna mill-ġdid għas-sinċerità,

għat-trasparenza, għas-sempliċità.

Kemm hemm bżonn li ninħelsu

mill-korruzzjoni tal-qalb, li hija l-agħar periklu!

Dan jidher impossibbli f’għajnejna, tant kemm drajnieha,

imma fil-verità din mhix ħaġa daqshekk ’il bogħod minna.

Biżżejjed nerfgħu ħarsitna lejn it-tbissima tiegħek ta’ Omm,

lejn il-ġmiel tiegħek mhux minsus,

biex inħossuna mill-ġdid li ma ġejniex maħluqa għall-ħażen,

imma għat-tajjeb, għall-imħabba, għal Alla!

 

Għalhekk, o Verġni Marija,

illum nafdalek lil dawk kollha li, f’din il-belt,

u fid-dinja kollha, huma magħfusin min-nuqqas ta’ fidi,

mill-qtigħ il-qalb minħabba d-dnub;

lil dawk kollha li jaħsbu li għalihom m’għadx hemm tama,

li l-ħtijiet tagħhom huma wisq u wisq kbar,

u li Alla żgur m’għandux ħin x’jaħli magħhom.

Lilek nafdahom, għaliex int mhux biss inti omm

u allura ma tieqaf qatt tħobb lil uliedek,

imma int ukoll l-Immakulata, il-mimlija bil-grazzja,

u sa fl-eħxen dlamijiet taf iddawwal

bir-raġġ tad-dawl ta’ Kristu Rxoxt.

Hu, u hu biss, jista’ jfarrak il-ktajjen tal-ħażen,

jeħles mill-eħrex dipendenzi,

iħoll ir-rabtiet tal-ikbar atti kriminali,

irattab il-qlub l-aktar iebsa.

U jekk dan iseħħ fil-persuni,

kemm iżjed kapaċi jibdel wiċċ il-belt!

Fil-ġesti ċkejkna u fl-għażliet kbar,

iċ-ċrieki vizzjużi naqra naqra jibdew isiru tajbin,

il-kwalità tal-ħajja titjieb,

u l-klima soċjali terġa’ tibda tista’ tieħu n-nifs fiha.

 

Irroddulek ħajr, Omm Immakulata tagħna,

li qed tfakkarna li, għall-imħabba ta’ Ġesù Kristu,

aħna m’aħniex iżjed ilsiera tad-dnub,

imma ħielsa, ħielsa biex inħobbu, biex nixtiequ l-ġid lil xulxin,

biex ngħinu li xulxin bħal aħwa, imqar jekk differenti minn xulxin

– għall-grazzja ta’ Alla aħna differenti minn xulxin!

Grazzi li, bis-safa tiegħek, tagħmlilna l-qalb

biex mhux minn dak li hu tajjeb nistħu, imma mill-ħażen,

tgħinna nżommu bogħod minna lill-ħażin,

li bil-qerq irid jiġbidna lejh, fi ċrieki tal-mewt;

u tagħtina l-memorja ħelwa li aħna wlied Alla,

Missier ta’ tjieba bla tarf,

għajn eterna ta’ ħajja, ta’ ġmiel u ta’ mħabba. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard