Mulej Ġesù ħarsitna mdawwra lejk, mimlija mistħija, sogħba u tama.

Quddiem l-imħabba suprema tiegħek nimtlew bil-mistħija għax ħallejnik tbati waħdek minħabba dnubietna:

il-mistħija għax ħrabna quddiem il-prova minkejja li eluf ta’ drabi għidnilek: “anki jekk jitilqek kulħadd, jien qatt mhu se nħallik waħdek”;

il-mistħija li għażilna lil Barabba u mhux lilek, il-poter u mhux lilek, l-apparenza u mhux lilek, l-alla flus u mhux lilek, il-mondanità u mhux l-eternità;

il-mistħija li ttantajnik bil-fomm u b’qalbna kull darba li sibna ruħna wiċċ imb’wiċċ mal-prova u għidnilek: “jekk int il-Messija, salva lilek innifsek u aħna nemmnu”;

il-mistħija għax tant persuni, u saħansitra ministri tiegħek, ħallew l-ambizzjonijiet u l-vanaglorja jqarrqu bihom u tilfu d-dinjità u l-ewwel imħabba tagħhom’

il-mistħija għax il-ġenerazzjonijiet tagħna qed iħallu liż-żgħażagħ, wirt ta’ dinja mkissra bil-firdiet u l-gwerer, dinja mmermra mill-egoiżmu fejn iż-żgħażagħ, iż-żgħar, il-morda, l-anzjani huma moghtijin il-ġenb;

il-mistħija li tlifna l-mistħija;

Mulej Ġesù tina dejjem il-grazzja tal-mistħija qaddisa!

Ħarsitna mimlija wkoll bis-sogħba li quddiem is-skiet elokwenti tiegħek, titlob bil-ħerqa l-ħniena tiegħek:

is-sogħba li tinbet miċ-ċertezza li Inti biss tista’ ssalvana mill-ħsara, Inti biss tista’ tfejjaqna mill-ġdim tal-mibgħeda tagħna, mill-egoiżmu, mis-suppervja, mill-kilba, mill-vendetta, mir-regħba, mill-idolatrija, inti biss tista’ tħaddanna mill-ġdid biex troddilna lura d-dinjità filjali u l-ferħ li rġajna lura lejn id-dar, lejn il-ħajja;

is-sogħba li tinbet mill-għarfien taċ-ċokon tagħna, tax-xejn tagħna, tal-vanità tagħna u tħalli l-istedina ħelwa u qawwija tiegħek għall-konverżjoni, tmellisna;

is-sogħba ta’ David li mill-fondoq tal-miżerja tiegħu isib fik il-qawwa waħdanija tiegħu;

is-sogħba li tinbet mill-mistħija tagħna, li tinbet miċ-ċertezza li qalbna tibqa’ dejjem bla sabar sakemm ma ssibx lilek u fik l-għajn waħdanija tal-milja u tas-serenità’

is-sogħba ta’ Pietru li xħin iltaqa’ mal-ħarsa tiegħek beka dmugħ jaħraq għax kien ċaħdek quddiem il-bnedmin.

Mulej Ġesù, tina dejjem il-grazzja tas-sogħba qaddisa!

Quddiem il-maestà suprema tiegħek, fid-dlam tad-disperazzjonni tagħna, tixgħel ix-xrara tat-tama għax nafu li l-kejl waħdieni ta’ mħabbtek lejna hu dak li tħobbna bla qies;

it-tama sabiex il-messaġġ tiegħek ikompli jnebbaħ, illum ukoll, lil tant persuni u popli u li t-tajjeb biss jista’ jegħleb il-ħażen u l-kattiverja, il-maħfra biss tista’ ġġarraf il-ħdura u l-vendetta, it-tgħannieqa fraterna biss tista’ tegħleb l-ostilità u l-biża mill-ieħor;

it-tama sabiex is-sagrifiċċju tiegħek ikompli, illum ukoll, inixxi l-fwieħa tal-imħabba divina li tmelles il-qlub ta’ tant żgħażagħ li għadhom jikkonsagrawlek ħajjithom u jsiru dejjem aktar eżempji ħajjin ta’ karità u gratwità f’din id-dinja tagħna mifnija mill-loġika tal-profitt u tal-qligħ faċli;

it-tama sabiex tant missjunarji rġiel u nisa jkomplu, illum ukoll, jisfidaw il-kuxjenza rieqda  tal-umanità biex bir-riskju ta’ ħajithom ikomplu jaqdu lilek fil-foqra, fl-imwarrbin, fl-immigrati, f’min mhux fid-dieher, fl-isfruttati, f’min hu bil-ġuħ u fil-ħabsin;

it-tama sabiex il-Knisja tiegħek, qaddisa u magħmula mill-midinbin, tkompli, illum ukoll, minkejja kull tentattiv biex tittellef il-fiduċja fiha, tkompli ddawwal, tinkoraġġixxi, terfa’ u tagħti xhieda ta’ mħabbtek bla qies lejn l-umanità, tkun mudell ta’ altruwiżmu, arka ta’ salvazzjoni u għajn ta’ ċertezza u verità;

it-tama għaliex mis-salib tiegħek, frott tar-regħba u l-ġjufija ta’ tant dutturi tal-Liġi u ipokriti, feġġ il-Qawmien li bidel id-dlam tal-qabar fl-għamxa taż-żerniq tal-Ħadd bla għabex, u għallimna li mħabbtek hi t-tama tagħna.

Mulej Ġesù, tina dejjem il-grazzja tat-tama qaddisa!

Għinna, Bin il-bniedem, biex ninżgħu mill-arroganza tal-ħalliel li kien fuq ix-xellug tiegħek u minn min għandu vista nieqsa u mill-korrotti, li fik raw opportunità biex jisfruttawha, kundannat x’jikkritikaw, tellief taż-żebliħ, okkażjoni oħra biex ħtijiethom jitfgħuhom fuq l-oħrajn u saħansitra fuq Alla.

Minflok, Iben Alla, nitolbuk li aħna nitwaħħdu mal-ħalliel it-tajjeb li ħares lejk b’għajnejn mimlijin mistħija, indiema u tama’, li bl-għajnejn tal-fidi, f’dik li għalik dehret telfa, hu ra r-rebħa divina u hekk niżel għarkuptejh quddiem il-ħniena tiegħek u bl-onestà seraq il-ġenna!  Ammen

 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber