“Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb” (ara Eż 3:6).

B’dan l-isem int dhert quddiem Mosè,

meta wrejtu kif int ridt teħles lill-poplu tiegħek mill-jasar tal-Eġittu.

Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb:

Alla li jidħol f’patt mal-bniedem;

Alla li jintrabat b’patt ta’ mħabba fidila, għal dejjem,

Ħanin u kollu mogħdrija

ma’ kull bniedem u ma’ kull poplu maħqur.

“Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi […] smajt il-karba tagħhom […] u għaraft l-uġigħ tagħhom” (Eż 3:7).

Alla tal-uċuħ u tal-ismijiet.

Alla ta’ kull wieħed u waħda mit-tliet mija u ħamsa u tletin ruħ immassakrati hawn fl-24 ta’ Marzu 1944,

li l-fdalijiet tagħhom jistrieħu f’dawn l-oqbra.

Int taf l-uċuħ u l-ismijiet tagħhom.

Ilkoll, anki dawk it-tnax li baqgħu moħbija għalina; għalik ħadd mhu moħbi.

 

Alla ta’ Ġesù, Missierna li int fis-smewwiet.

Grazzi għalih, il-Mislub li qam,

aħna nafu li ismek

“Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb”

ifisser li m’intix Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin (ara Mt 22:32),

li l-patt tiegħek ta’ mħabba fidila hu aqwa mill-mewt

u hu garanzija ta’ qawmien.

 

Agħmel, o Mulej, li f’dan il-post

ikkonsagrat b’tifkira ta’ dawk li mietu għal-libertà u l-ġustizzja,

neħilsu mill-ktajjen tal-egoiżmu u tal-indifferenza

u mill-għollieq jaqbad ta’ dan il-mafkar

nisimgħu fis-sikta l-isem tiegħek:

“Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb”,

Alla ta’ Ġesù,

Alla tal-ħajjin.

Amen.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard