Għeżież ħuti,

 

Smajna kliem l-Appostlu Pawlu lill-Galatin, li kienu għaddejjin minn ħafna tiġrib u tilwim intern. Fil-fatt kien hemm gruppi li kienu qed jaffrontaw u jixlu lil xulxin. Hu f’dan il-kuntest li l-Appostlu, għal darba darbtejn fi ftit versi, jistedinhom biex “jimxu fl-Ispirtu” (Gal 5:16,25).

 

Nimxu. Il-bniedem hu essri li jimxi. Ħajtu kollha msejjaħ jimxi, dejjem ħiereġ minn fejn jinsab: minn meta joħroġ minn ġuf ommu sa meta jgħaddi minn età tal-ħajja għal oħra; mill-mument li fih iħalli d-dar tal-ġenituri sa meta joħroġ mill-ħajja fuq din l-art. Il-mixja hi metafora li tikxef is-sens tal-ħajja umana, ta’ ħajja li mhix biżżejjed għaliha nfisha, imma dejjem qed tfittex xi ħaġa iktar. Il-qalb tistedinna mmorru, biex nilħqu destinazzjoni.

 

Imma li nimxu hi dixxiplina, taħbit, titlob is-sabar ta’ kuljum u taħriġ kontinwu. Ikollna nwarrbu tant toroq oħra biex nagħżlu dik li twassalna fid-destinazzjoni li għandna quddiemna u nġeddu l-memorja biex ma nitilfuhiex. Destinazzjoni u memorja. Li nimxu jitlob minna l-umiltà li, meta jkun hemm bżonn, nerġgħu lura fuq il-passi tagħna, kif ukoll l-għożża għas-sieħba fil-vjaġġ tagħna, għax flimkien biss nistgħu nimxu tajjeb. Insomma, li nimxu jitlob minna konverżjoni kontinwa tagħna nfusna. Għalhekk ħafna ma jidħlux għall-mixja, jippreferu l-kwiet tad-dar, fejn joqogħdu bil-kumdità kollha jieħdu ħsieb tal-affarijiet tagħhom mingħajr ma jesponu ruħhom għar-riskji tal-vjaġġ. Imma hekk inkunu qed niggranfaw ma’ sigurtajiet li jgħaddu, li ma jagħtux dik il-paċi u dak il-ferħ li għalihom tixxennaq il-qalb, u li nistgħu nsibuhom biss jekk noħorġu minna nfusna.

 

Alla għal dan qed isejħilna, sa mill-bidu. Diġà lil Abram talbu jħalli artu, jibda miexi, armat biss bil-fiduċja f’Alla (ara Ġen 12:1). Hekk Mosè, Pietru u Pawlu, u l-ħbieb kollha tal-Mulej għexu ħajjithom f’mixja. Imma fuq kollox Ġesù tana l-eżempju. Għalina hu ħareġ mill-qagħda divina tiegħu (ara Fil 2:6-7) u niżel fostna biex jimxi, hu li huwa t-Triq (ara Ġw 14:6). Hu, il-Mulej u l-Imgħallem, sar f’nofsna pellegrin u mistieden tagħna. Lura għand il-Missier, tana bħala don l-istess Spirtu tiegħu, biex hekk aħna wkoll insibu l-qawwa li nimxu fid-direzzjoni tiegħu, li nagħmlu dak li jitlobna Pawlu: nimxu fl-Ispirtu.

 

Skont l-Ispirtu: jekk kull bniedem hu essri f’mixja, u l-għeluq fih innifsu hu ċaħda tal-vokazzjoni tiegħu, iktar u iktar in-Nisrani. Għax, kif jisħaq Pawlu, il-ħajja Nisranija ġġib magħha alternattiva li ma nistgħux nilagħbu magħha: jew nimxu skont l-Ispirtu, billi nimxu fit-triq li fetħitilna l-Magħmudija; jew “naqgħu għall-passjonijiet tal-ġisem” (Gal 5:16). Xi tfisser din l-espressjoni? Tfisser li nippruvaw nirrealizzaw ruħna billi nimxu fit-triq tal-pussess, fil-loġika tal-egoiżmu, li biha l-bniedem ifittex li jikkapparra hawn u issa dak kollu li jrid. Ma jħallix jakkumpanjah bil-ħlewwa lil Alla li jurih fejn, imma jimxi fir-rotta li jrid hu. Nistgħu naraw taħt għajnejna l-konsegwenzi ta’ din il-mixja traġika: bil-kilba tiegħu għall-affarijiet, il-bniedem ma jibqax jara lis-sieħba tiegħu fil-vjaġġ; allura fit-toroq tad-dinja qed issaltan indifferenza kbira. Imqanqal mill-istinti tiegħu, isir ilsir ta’ konsumiżmu bla riedni: hekk il-leħen ta’ Alla jisfa msikket; hekk l-oħrajn, fuq kollox jekk mhumiex kapaċi jimxu fuq riġlejhom, bħaż-żgħar u l-anzjani, isiru skart li jdejjaq; hekk il-ħolqien ma jibqagħlu ebda sens ieħor ħlief dak li jissodisfa l-produzzjoni skont il-bżonnijiet.

 

Għeżież ħuti, illum iżjed minn qatt qabel dawn il-kelmiet tal-Appostlu Pawlu qegħdin hawn biex jisfidawna: nimxu fl-Ispirtu jfisser nirrifjutaw il-mondanità. Ifisser nagħżlu l-loġika tal-qadi u nitgħallmu naħfru iżjed. Ifisser ninxteħtu fl-istorja bil-pass ta’ Alla: mhux bil-pass li jirbombja tal-abbuż tal-poter, imma b’dak ritmiku ta’ “liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’” (v. 14). It-triq tal-Ispirtu fil-fatt hi mmarkata mill-passi fundamentali li jelenka Pawlu: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (vv. 22-23).

 

Aħna msejħin biex flimkien nimxu hekk: it-triq tgħaddi minn konverżjoni kontinwa, għat-tiġdid tal-mentalità tagħna, biex tadatta ruħha għal dik tal-Ispirtu s-Santu. Matul l-istorja, il-firdiet bejn l-Insara spiss seħħew għax fl-għerq tagħhom, fil-ħajja tal-komunitajiet, iddeffset mentalità mondana: l-ewwel jissodisfaw l-interessi tagħhom, imbagħad dawk ta’ Ġesù Kristu. F’dawn is-sitwazzjonijiet l-għadu ta’ Alla u tal-bniedem ma sabhiex bi tqila biex jifridna, għax id-direzzjoni li konna mexjin fiha kienet dik tal-ġisem, mhux tal-Ispirtu. Saħansitra ċerti tentattivi tal-passat biex jintemmu dawn il-firdiet fallew miżerjament, għax kienu mnebbħa prinċipalment minn loġika mondana. Imma l-moviment ekumeniku, li għalih ta sehmu tant il-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, nibet bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu (ara Konċilju ekumeniku Vatikan II, Unitatis redintegratio, 1). L-ekumeniżmu mexxiena skont ir-rieda ta’ Ġesù u jista’ jikber jekk, miexi għad-dawl tal-Ispirtu, jiċħad kull għeluq fih innifsu.

 

Imma – forsi hawn min jista’ joġġezzjona – jekk nimxu b’dan il-mod inkunu naħdmu bit-telf, għax ma nkunux inħarsu kif imiss l-interessi tal-komunitajiet tagħna, spiss marbuta b’mod qawwi ma’ appartenenzi etniċi jew orjentamenti konsolidati, sew jekk huma iktar “konservaturi” jew “progressisti”. Iva, li nagħżlu li nkunu ta’ Ġesù qabel m’aħna ta’ Apollo jew ta’ Kefa (ara 1 Kor 1:12), ta’ Kristu qabel m’aħna “Lhud jew Griegi” (ara Gal 3:28), tal-Mulej qabel ma aħna tal-lemin jew tax-xellug, li nagħżlu f’isem il-Vanġelu lil ħuna qabel lilna nfusna, dan spiss ifisser, f’għajnejn id-dinja, li naħdmu bit-telf. Ejjew ma nibżgħux naħdmu bit-telf! L-ekumeniżmu hu “intrapriża kbira li taħdem bit-telf”. Imma hu telf evanġeliku, skont it-triq li wriena Ġesù: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha” (Lq 9:24). Li ssalva ġildek ifisser timxi skont il-ġisem; li tintilef wara Ġesù jfisser timxi skont l-Ispirtu. Hekk biss nistgħu nagħmlu frott lid-dielja tal-Mulej. Kif jgħallimna Ġesù nnifsu, mhux dawk li jikkapparraw jagħmlu frott fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej, imma dawk li, bil-qadi, jimxu skont il-loġika ta’ Alla, li jkompli jagħtina u jingħata għalina (ara Mt 21:33-42). Din hi l-loġika tal-Għid, l-unika waħda li tagħti l-frott.

 

Jekk inħarsu lejn il-mixja tagħna, nistgħu naraw fiha xi sitwazzjonijiet bħal tal-komunitajiet tal-Galazja ta’ dak iż-żmien: kemm hu diffiċli mmewtu l-animożità u nikkultivaw il-komunjoni, kemm hu iebes li ninqalgħu mit-tilwim u r-rifjut ta’ xulxin li ilhom jitrewħu sekli sħaħ! U iktar u iktar iebsa li nirreżistu għat-tentazzjoni qarrieqa li tiġi minn taħt: dik li noqogħdu ma’ xulxin, nimxu flimkien, imma bl-għan li nissodisfaw xi interess tagħna. Din mhijiex il-loġika tal-Appostlu, imma hi dik ta’ Ġuda, li mexa ma’ Ġesù imma għall-interessi tiegħu. It-tweġiba għall-passi mbandla tagħna hi dejjem l-istess: nimxu fl-Ispirtu, insaffu qalbna mill-ħażen, nagħżlu b’determinazzjoni qaddisa t-triq tal-Vanġelu, u nirrifjutaw it-toroq faċli tad-dinja.

 

Wara ħafna snin ta’ impenn ekumeniku, f’dan is-sebgħin anniversarju tal-Kunsill, nitolbu lill-Ispirtu jsaħħaħ il-passi tagħna. Faċli wisq li neħlu quddiem id-differenzi li għad hemm; spiss neħlu meta nkunu għadna bilkemm tlaqna, mifnija mill-pessimiżmu. Id-distanzi m’għandhomx ikunu skużi, għax diġà possibbli issa li nimxu skont l-Ispirtu: nitolbu, nevanġelizzaw, naqdu flimkien, dan hu possibbli u mogħġub minn Alla! Nimxu flimkien, nitolbu flimkien, naħdmu flimkien: din hi t-triq għalliema tagħna tal-lum.

 

Din it-triq għandha destinazzjoni preċiża: l-għaqda. It-triq kuntrarja, dik tal-firda, twassal għal gwerer u qerda. Biżżejjed naqraw l-istorja. Il-Mulej qed jitlobna nfittxu dejjem it-triq tal-komunjoni, li twassal għall-paċi. Fil-fatt, il-firda “tmur ċar u tond kontra r-rieda ta’ Kristu, hija ta’ skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu” (Unitatis redintegratio, 1). Il-Mulej jitlobna l-għaqda; id-dinja, mifnija minn wisq firdiet li jolqtu fuq kollox lid-dgħajfa, qed titlob minna l-għaqda.

 

Għeżież ħuti, xtaqt niġi hawn, pellegrin li qed infittex l-għaqda u l-paċi. Irrodd ħajr lil Alla li hawn sibt lilkom, aħwa tiegħi li diġà mexjin. Li nimxu flimkien għalina l-Insara mhix strateġija biex nuru li niswew iktar, imma att ta’ ubbidjenza lejn il-Mulej u ta’ mħabba lejn id-dinja. Ubbidjenza lejn Alla u mħabba lejn id-dinja, il-vera mħabba li ssalva. Nitolbu lill-Missier li nimxu flimkien b’iktar ħerqa fit-toroq tal-Ispirtu. Is-Salib jurina l-mixja għax hemm, f’Ġesù, diġà twaqqgħu l-ħitan tal-firdiet u ntrebħet il-mibegħda (ara Efes 2:14); hemm nifhmu li, minkejja d-dgħufijiet kollha tagħna, xejn ma jista’ qatt jifridna minn imħabbtu (ara Rum 8:35-39). Grazzi.

 

 

Miġjub mit-Talljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard