VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U FIL-ĠAPPUN

(19 - 26 ta' NOVEMBRU, 2019)

LAQGĦA MAL-ĦADDIEMA MEDIĊI TAL-ISPTAR ST LOUIS

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Bangkok - Il-Ħamis, 21 ta' Novembru, 2019

 

Għeżież ħbieb,

jien hieni li għandi l-opportunità niltaqa' magħkom, ħaddiema mediċi, sanitarji u awżiljarji tal-isptar Saint Louis u ta' spatrijiet oħra kattoliċi u ċentri karitattivi.  Irrodd ħajr lid-direttur għall-kliem ġentili li laqgħani bihom.  Għalija hija barka li nassisti personalment, għal dan is-servizz prezzjuż li l-toffri l-Knisja lill-poplu Tajlandiż, speċjalment lil dawk l-aktar fil-bżonn.  Insellem b'imħabba lis Sorijiet ta' San Pawl ta' Chartres, kif ukoll lir-reliġjużi nisa li hawn preżenti u rroddilkom ħajr għad-dedikazzjoni siekta u ferrieħa tagħkom għal dan l-appostolat.  Intom ittuna l-opportunità li nikkuntemplaw il-wiċċ matern tal-Mulej li jmil biex jidlek u jaħji lil uliedu: grazzi.

Ħadt pjaċir nisma kliem id-direttur dwar i-prinċipji li jmexxu dan l-isptar: "Fejn hemm l-imħabba, hemm 'l Alla ssib" ("Ubi caritas, Deus ibi est").  Infatti hu propju permezz tat-tħaddim tal-karità li aħna l-insara msejħin mhux biss biex nuru li aħna dixxipli missjunarji, imma wkoll biex niċċekkjaw il-fedeltà tagħna fis-sekwela u dik tal-istituzzjonijiet tagħna: "Fis-sewwa ngħidilkom: dak kollu li tagħmlu ma wieħed minn dawn iċ-ċkejknin ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi" (Mt 25,40), jgħid il-Mulej.  Dixxipli missjunarji sanitarji miftuħin "għal fraternità mistika, kontemplattiva, li taf tara l-kobor sagru tal-proxxmu, li tagħraf lil Alla f'kull ħlejqa umana (...) biex tfittex l-hena tal-oħrajn kif ifittixa l-Missier twajjeb" (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 92).

Minn dan l-aspett, intom twettqu waħda mil-akbar opri tal-ħniena, għax l-impenn sanitarju tagħkom  imur ferm aktar 'l hinn minn sempliċi prattika medika li ta' min ifaħħarha.  Dan l-impenn ma jistax ikun biss it-tqegħid fis-seħħ ta' xi ħidma jew programmi speċifiċi, imma jeħtieġ li tmorru aktar 'l hinn, tkunu miftuħin għal dak li jista' jinqala';  li tilqa' u tħaddan il-ħajja kif tiġi, fit-taqsima tal-emerġenza tal-isptar u tkun ittrattata bħala pjetà speċjali, li tinbet mir-rispett u l-imħabba lejn id-dinjità tal-bnedmin kollha.  Il-proċessi ta' fejqan ukoll jeħtieġu u jitolbu bi dritt il-qawwa tad-dilka bil-ħila li trodd lura, fis-sitwazzjonijiet kollha li tiltaqgħu magħhom, ħarsa li tagħti dinjità u sservi ta' bastun.

Intom ilkoll, membri ta' dil-komunità sanitarja, intom dixxipli missjunarji għaliex intom u tħarsu lejn pazjent, titgħallmu ssejħulu b'ismu.  Konxju li s-servizz tagħkom jista jkun tqil u ta' għeja: intom tgħixu qalb sitwazzjonijiet estremi, u dan jitlob li intom tkunu akkumpanjati u megħjunin fix-xogħol tagħkom.  Minn hawn tiġi l-importanza li tintiseġ pastorali tas-saħħa li fiha, mhux biss il-pazjenti, imma l-membri kollha ta' dil-komunità jħossuhom akkumpanjati u sostnuti fil-missjoni tagħhom.  Kunu afu li l-isforzi tagħkom ukoll u l-ħidma ta' tant istituzzjonijiet li intom tirrappreżentaw, huma xhieda ħajja tal-kura u l-attenzjoni li aħna msejħin nuru lejn il-persuni kollha, partikolarment l-anzjani, iż-żgħażagħ u min hu l-aktar imweġġa'.

Din is-sena l-isptar St Louis jiċċelebra l-120 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.  Kemm nies inħjew mit-tbatijiet tagħhom, tfarrġu f'dak kollu li kien itaqqalhom u kienu akkumpanjati fis-solitudni tagħhom!  Aħna u niżżu ħajr 'l Alla għad-don tal-preżenza tagħkom tul dawn is-snin, nitlobkom biex taraw li dan l-appostolat, u oħrajn bħalu, jkunu dejjem sinjal u emblema ta' Knisja li toħroġ, li trid tgħix il-missjoni tagħha, li ssib il-kuraġġ li twassal l-imħabba ta' Kristu li tfejjaq lil kull min qiegħed isofri.

Fi tmiem dil-laqgħa jien se nżur lill-morda, lid-diżabbli, u hekk inkun nista' nakkumpanjahom, tal-anqas għal ftit ħin, fid-dwejjaq tagħhom.

Ilkoll nafu li l-mard iġib dejjem miegħu mistoqsijiet kbar.  L-ewwel reazzjoni tagħna tista' tkun li nirribellaw u saħansitra jkollna mumenti ta' tħarbit u niket kbir.  Hija l-għajta ta' uġigh, u tajjeb li jkun hekk: Ġesù nnifsu għadda minn dit-tbatija u għamilha tiegħu.  Bit-talb aħna wkoll nistgħu ningħaqdu mal-għajta tiegħu.

Magħqudin ma' Ġesù fil-passjoni tiegħu niskopru l-qawwa tal-qrubija tiegħu lejn id-dgħufija tagħna u lejn il-ġrieħi tagħna.  Hija stedina biex  niggranfaw ma' ħajtu u mas-sagrifiċċju tiegħu.  Jekk xi drabi ġewwa fina nħossu "il-ħobż tad-djieqa tal-qalb u l-ilma tat-tribulazzjonijiet", nitolbu biex inkunu nistgħu nsibu wkoll, f'id imnewla, l-għajnuna meħtieġa biex niskopru l-faraġ li jiġi mill-Mulej li "ma jibqax moħbi: (cfr Iż. 30,20). imma hu qribna u jakkumpanjana.

Ejjew inqegħedu din il-laqgħa tagħna u ħajjitna taħt il-protezzjoni ta' Marija, taħt il-mant tagħha.  Jalla hi ddawwar lejna ħarsitha mimlija ħniena, speċjalment fil-waqt tat-tbatija, tal-mard u ta' kull xorta ta' vulnerabbiltà. Hi tgħinkom bil-grazzja li tiltaqgħu ma' Binha fil-laħam miġrugħ tal-persuni li taqdu.

Inberikkom ilkoll lilkom u lill-familji tagħkom.  U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tinsewx titolbu għalija.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber