Laqgħa mal-mexxejja ta’ Knejjes Insara u dawk ta’ Reliġjonijiet oħra

DISKORS tal-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Chulalongkorn University (Bangkok)
Il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2019

 

 

Eminenza,
Ħuti fl-Episkopat,
Rappreżentanti Distinti ta’ twemmin reliġjuż differenti,
Rappre
żentanti tal-Komunità Universitarja,
Għeżież ħbieb!

Grazzi tal-merħba sabiħa li tajtuni. Nirringrazzja lill-Isqof Sirisut u lil Dr. Bundit Eua-arporn għall-kliem ġentili tagħhom. Napprezza ħafna anki l-istedina biex inżur din l-Università famuża u lill-istudenti, professuri u staff  li jagħtu l-ħajja lil din id-dar ta’ studju. Grazzi ukoll tal-opportunità li qed toffruli biex niltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ diversi Komunitajiet Insara u ma’ dawk responsabbli  ta’ reliġjonijiet oħra, li qed jonorawna bil-preżenza tagħhom. Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-preżenza tagħkom hawnhekk, flimkien ma’ stima speċjali u rikonoxximent għall-wirt kulturali prezzjuż u għat-tradizzjonijiet spiritwali li intom ulied u xhieda tagħhom.

Fl-1897, mija u tejn u għoxrin sena ilu, ir-re Chulalongkorn, li mingħandu ħadet l-isem din l-ewwel Università, għamel żjara f’Ruma u kellu udjenza mal-Papa Ljun XIII. Kienet l-ewwel darba li Kap ta’ Stat mhux Nisrani, kien milqugħ fil-Vatikan. It-tifkira ta’ dik il-laqgħa importanti, kif ukoll  taż-żmien li fih saltan, immarkat b’tant merti, fosthom l-abolizzjoni tal-iskjavitù, jitolbu minna u jħeġġuna biex inkunu fuq quddiem fit-triq tad-djalogu u tal-ftehim reċiproku. Dan hemm bżonn nagħmluh fi spirtu ta’ aħwa li jgħin biex jiefqu dawk il-ħafna forom ta’ skjavitù li jeżistu fi żmenijietna, speċjalment il-flaġell tat-traffikar tal-persuni umani.    

Il-ħtieġa ta’ rikonoxximent u stima reċiproka, kif ukoll dik ta’ koperazzjoni bejn ir-reliġjonijiet, qed issir dejjem aktar urġenti għall-umanità tal-lum. Id-dinja tal-lum qed tiffaċċa problemi kumplessi, bħall-globalizzazzjoni ekonomika u finanzjarja u l-konsegwenzi gravi li din iġġib magħha fl-iżvilupp tas-soċjetajiet lokali; il-progress mgħaġġel li għalkemm jidher li qed jippromwovi dinja aħjar, qed iġib miegħu l-persistenza traġika ta’ kunflitti ċivili:  dwar l-immigranti, ir-refuġjati, il-ġuħ u l-gwerer. Imbagħad hemm ukoll  it-taħsir u l-qerda tad-dar komuni tagħna.    

Dawn is-sitwazzjonijiet kollha juruna u jfakkruna li ma hemm ebda reġjun jew settur tal-familja umana li jista’ jaħseb għalih innifsu jew għall-futur tiegħu bla ma jkollu x’jaqsam  u jiżola ruħu mill-oħrajn. Huma kollha sitwazzjonijiet li jitolbu minna li nkunu kuraġġjużi u naraw kif ser insibu modi ġodda biex nibnu l-istorja ta’ żmienna  mingħajr ma nagħmlu ħsara lill-oħrajn u nonqsu mir-rispett lejhom. Spiċċaw iż-żmenijiet meta l-mod insulari tal-ħsieb kien jiddetermina l-idea ta’ żmien u spażju u jimponi ruħu bħala għodda valida għas-soluzzjonijiet  tal-kunflitti. Illum hu żmien meta b’kuraġġ jeħtieġ  naħsbu li t-triq hi dik tal-laqgħa u d-djalogu bejnietna, li l-kodiċi tal-imġiba tagħna jinsab fil-kollaborazzjoni komuni, u li l-metodu u l-kriterju huwa l-għarfien reċiproku. B’dan il-mod inkunu nistgħu noffru paradigma ġdida għas-soluzzjonijiet tal-kunflitti, nagħtu s-sehem tagħna  biex in-nies jifhmu lil xulxin u nħarsu l-ħolqien. Nemmen li r-reliġjonijiet, kif ukoll l-universitajiet, għandhom ħafna x’joffru f’dan il-qasam, mingħajr ma jiċċaħdu mill-karatteristiċi speċjali tagħhom jew mid-doni partikulari li għandhom. Dak kollu li nagħmlu f’dan il-qasam hu pass sinfikattiv biex niggarantixxu d-dritt għall-ġejjieni li għandhom il-ġenerazzjonjiet żagħżugħa, kif ukoll inkunu ta’ servizz għall-ġustizzja u l-paċi. B’hekk biss nistgħu nkunu l-għodda li ż-żgħażagħ jeħtieġu biex  huma jkunu l-protagonisti fil-mod kif jiġġeneraw stil ta’ ħajja sostenibbli u inklużiva.

Dawn iż-żmenijiet jesiġu li nibnu sisien solidi, ankrati fuq ir-rispett u l-għarfien tad-dinjità tal-bniedem, fuq il-promozzjoni ta’ umaniżmu integrali li kapaċi jħoss il-bżonn tal-ħarsien tad-dar komuni tagħna u fuq amministrazzjoni responsabbli li tħares il-ġmiel u l-għana tan-natura għax tagħraf li dan hu dritt fundamentali tal-ħajja. It-tradizzjonijiet reliġjużi il-kbar fid-dinja tagħna jagħtu xhieda ta’ patrimonju spiritwali, traxxendenti  u li jista’ jinqasam ma’ ħafna oħrajn. Dan il-patrimonju jista’ joffri sehem b’saħħtu ħafna jekk aħna nkunu kapaċi nirriskjaw li niltaqgħu bejnietna bla biża’.

Aħna lkoll imsejħin mhux biss biex nisimgħu b’attenzjoni l-leħen tal-foqra li jinsabu madwarna: lill-imwarrbin, lill-maħqura, lill-popli indiġeni, lill-minoranzi reliġjużi, imma wkoll  biex ma nibżgħux  noħolqu opportunitajiet fejn nistgħu ningħaqdu u naħdmu flimkien, kif ġa xi ftit ġa bdejna nagħmlu. Fl-istess waqt aħna mitlubin nassumu d-dmir li niddefendu d-dinjità umana, li nirrispettaw id-drittijiet tal-kuxjenza u tal-libertà reliġjuża, li noħolqu spazji fejn inkunu nistgħu noffru ftit arja friska taċ-ċertezza li “mhux kollox hu mitluf, għax l-istess bnedmin li kapaċi jfarrku lilhom infushom sal-aktar punt estrem, jistgħu anki jirbħu lilhom infushom, u jerġgħu lura għall-għażla tat-tajjeb u jfittxu ħajja ġdida, lil hemm minn kull kundizzjonament psikoloġiku u soċjali impost fuqhom”. (Enc. Laudato si, 205).

Hawnhekk fit-Tajlandja, f’dan il-pajjiż ta’ ġmiel naturali kbir, nixtieq fuq kollox nisħaq  fuq punt distintiv, li nqisu essenzjali, u li sa ċertu punt jagħmel parti minn dik ir-rikkezza li tistgħu “tesportaw” u taqsmu ma’ oħrajn fil-familja tagħna tal-bnedmin. Intom tapprezzaw ħafna lill-anzjani tagħkom u tieħdu ħsiebhom  - din hi rikkezza kbira! Tirrispettawhom u tagħtuhom post ta’ preferenza, għax huma jiżgurawkom mill-għeruq meħtieġa biex il-poplu tagħkom ma jikkorrompix ruħu minn ċertu slogans li jistgħu jaħftu r-ruħ tal-ġenerazzjonijiet ġodda u jizvujtawha. Qed tikber dejjem aktar it-tendenza li wieħed ma jemminx  fil-valuri u  jwarrab il-kulturi lokali biex jimponi mudell uniku. “Illum teżisti t-tendenza li ‘nomoġenizzaw ‘ liż-żgħażagħ, li nneħħu d-differenzi kollha li ġejjin mill-postijiet mnejn huma, biex nibdluhom f’suġġetti manipulabbli  maħluqa f’serje. Hekk inkunu nipproduċu qerda kulturali, li hi gravi daqs il-qerda tal-ispeċi ta’ annimali u pjanti”.  (Esort. ap. Christus vivit, 186).   

Komplu għinu  liż-żgħażagħ tagħkom  jagħrfu l-bagalja  kulturali tas-soċjetà li jgħixu fiha. Meta tgħinuhom jiskopru l-għana ħaj tal-imgħoddi, jiltaqgħu mal-għeruq tagħhom u jgħożżuhom  u jiltaqgħu mal-anzjani, tkunu qed twettqu għemil ta’ mħabba lejhom fid-dawl tal-iżvilupp tagħhom u tal-għażliet li huma msejħa biex jagħmlu. (ara ibid., 187).

Din il-prospettiva titlob li jkun hemm is-sehem neċessarju tal-istituzzjonijiet edukattivi, bħalma hu dak ta’ din l-Università. Ir-riċerka, l-għarfien jgħinu biex jinfetħu toroq ġodda ħalli tonqos id-disugwaljanza bejn il-persuni,  tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali,  tkun imħarsa d-dinjità umana, jinsabu mezzi  ta’ risoluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti u jkunu mħarsa  r-riżorsi meħtieġa  għal-ħajja  ta’ din  l-art tagħna. Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi b’mod partikulari  lejn l-edukaturi u l-akkademiċi ta’ dan il-pajjiż li jaħdmu biex il-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni jkollhom l-kapaċità u fuq kollox is-sapjenza , li għandha l-għeruq tagħha fl-antenati tagħhom u li twassalhom biex jagħtu sehemhom għall-ġid komuni tas-soċjetà.

Għeżież ħuti, aħna lkoll membri tal-familja kbira tal-bnedmin. Kull persuna, hemm fejn tinsab,  hi msejħa biex  flimkien ma’ oħrajn tkun responsabbli  fil-bini ta’ kultura msejsa fuq valuri li aħna lkoll inħaddnu u  li jwasslu għall-għaqda, għar-rispett lejn xulxin u għall-għajxien flimkien b’mod armonjuż.

Mill-ġdid nirringrazzjakom għall-istedina u l-attenzjoni tagħkom. Noffri t-talb tiegħi u nawguralkom minn qalbi għall-isforzi li qed tagħmlu biex it-Tajlandja timxi ‘l quddiem fil-prosperità u l-paċi. Nitlob il-barka divina fuqkom li qegħdin hawn, fuq il-familji tagħkom u fuq dawk kollha li jgawdu mis-servizz tagħkom. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex tagħmlu dan għalija. Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.