VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U L-ĠAPPUN

(19-26 TA’ NOVEMBRU 2019)

 

QUDDIESA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Katidral tal-Assunta (Bangkok)

L-Erbgħa 22 ta’ Novembru 2019

 

 

Noħorġu niltaqgħu mal-Mulej li ġej!

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jistedinna nitħarrku minn postna u nħarsu lejn il-futur biex niltaqgħu mal-isbaħ ħaġa li jrid jirregalalna: il-miġja defenittiva ta’ Kristu f’ħajjitna u fid-dinja tagħna. Nagħtuh merħba f’nofsna b’ferħ u mħabba kbira, kif intom iż-żgħażagħ biss tafu tagħmlu! Qabel ma mmorru nfittxuh aħna, nafu li l-Mulej qed ifittixna hu, jiġi jiltaqa’ magħna u jsejħilna nitilqu mill-bżonn ta’ storja li rridu nagħmlu, noħolqu, nivvintaw. Nimxu ’l quddiem bil-ferħ għax nafu li hemm hu qed jistenniena.

 

Il-Mulej jaf li permezz tagħkom, żgħażagħ, jidħol il-futur f’dawn l-artijiet u fid-dinja, u qed iserraħ fuqkom biex imexxi ’l quddiem il-missjoni tiegħu (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 174). Kif kellu pjan għall-poplu l-magħżul, hekk Alla għandu pjan ukoll għal kull wieħed u waħda minnkom. Huwa l-ewwel wieħed li joħlom li jistedinna lkoll għal ikla li jeħtieġ inħejju flimkien, hu u aħna, bħala komunità: l-ikla tas-Saltna tiegħu li minnha ħadd m’għandu jitħalla barra.

 

Il-Vanġelu tal-lum ikellimna fuq għaxar xebbiet mistiedna biex iħarsu lejn il-futur u jipparteċipaw fil-festa tal-Mulej. Il-problema kienet li xi wħud minnhom ma kinux lesti biex jirċevuh; mhux għax kienu reqdin, imma għax naqsilhom iż-żejt meħtieġ, il-fjuwil interjuri biex setgħu jżommu mixgħul in-nar tal-imħabba. Kellhom ħeġġa u motivazzjoni kbar, riedu jieħdu sehem fis-sejħa li għamlilhom l-Imgħallem, imma maż-żmien is-saħħa u r-rieda kienu ntfew, kienu nħlew, u għalhekk waslu tard. Parabbola fuq x’jista’ jiġri lill-Insara kollha meta, mimlija ħeġġa u xewqa, nisimgħu s-sejħa tal-Mulej biex inkunu parti mis-Saltna tiegħu u naqsmu fil-ferħ tiegħu mal-oħrajn. U hawn spiss jiġri li, quddiem il-problemi u x-xkiel, li tant drabi huma ħafna, kif kull wieħed u waħda minnkom jaf tajjeb fil-qalb tiegħu; quddiem it-tbatija ta’ persuni għeżież, jew meta nħossuna ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem sitwazzjonijiet li jidhru impossibbli nibdluhom, in-nuqqas ta’ fidi u d-dwejjaq jistgħu jidħlu huma u jinfiltraw baxx baxx fil-ħolm tagħna, u hekk il-qalb tagħna tibred, nitilfu l-ferħ u naslu tard.

 

Għalhekk nixtieq nistaqsikom: Tixtiequ żżommu ħaj in-nar li jista’ jdawwalkom qalb id-dlam u qalb id-diffikultajiet? Tridu tħejju ruħkom biex twieġbu għas-sejħa tal-Mulej? Tridu tlestu ruħkom biex tagħmlu r-rieda tiegħu?

 

Kif ħa tagħmlu biex iġġibu ż-żejt li jista’ jżommkom għaddejjin u jħeġġiġkom biex tfittxu lill-Mulej f’kull sitwazzjoni?

 

Intom werrieta ta’ storja mill-isbaħ ta’ evanġelizzazzjoni li għaddiet għandkom bħal teżor sagru. Dan il-Katidral sabiħ hu xhieda tal-fidi li kellhom fi Kristu l-antenati tagħkom: il-fedeltà tagħhom, b’għeruqha mniżżla fil-fond, wasslithom biex jagħmlu opri tajba, jibnu t-tempju l-ieħor, wisq isbaħ, magħmul minn ġebel ħaj biex jista’ jwassal l-imħabba ħanina ta’ Alla lill-bnedmin kollha ta’ żmienhom. Dan setgħu jagħmluh għax kienu konvinti minn dak li l-profeta Hosegħa ħabbar fl-Ewwel Qari tal-lum: Alla kien kellimhom bil-ħlewwa, kien ħaddanhom bi mħabba qawwija, għal dejjem (ara Hos 2:16,21).

 

Għeżież ħuti, biex in-nar tal-Ispirtu s-Santu ma jintefiex, u intom tistgħu żżommu ħajja l-ħarsa u l-qalb, hemm bżonn inniżżlu għeruqna fil-fidi tal-anzjani tagħna: missirijiet, nanniet, għalliema. Mhux biex nibqgħu lsiera tal-passat, imma biex nitgħallmu jkollna dak il-kuraġġ li jista’ jgħinna nwieġbu għas-sitwazzjonijiet storiċi ġodda. Dik tagħhom kienet ħajja li żammet wieqfa quddiem ħafna provi u ħafna tbatija. Imma, tul it-triq, skoprew li s-sigriet ta’ qalb ferħana hi ċ-ċertezza li nsibu meta aħna ankrati, b’għeruqna f’Ġesù, b’għeruqna fil-ħajja ta’ Ġesù, fi kliemu, fil-mewt u l-qawmien tiegħu.

 

“Ġieli rajt siġar żgħar, sbieħ, bil-friegħi tagħhom merfugħa lejn is-sema dejjem jogħlew ’il fuq, u kienu qishom għanja ta’ tama. Imbagħad, wara xi tempesta, sibthom fl-art, bla ħajja. Billi għeruq ftit kellhom, kienu firxu l-friegħi tagħhom mingħajr ma niżżlu għeruqhom fil-fond tal-art, u hekk ċedew għall-ħbit tan-natura. Għalhekk qalbi tingħafas meta nara li hemm min qed jipproponi liż-żgħażagħ biex jibnu futur mingħajr għeruq, bħallikieku d-dinja bdiet issa. Għax impossibbli li wieħed jikber jekk ma jkollux għeruq sodi u jkun wieqaf dritt u marbut mal-art”. Għeżież żgħażagħ, “faċli li titħawwad meta ma jkollokx ma’ fejn taqbad, ma’ fejn tiggranfa” (Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 179).

 

Mingħajr dan is-sens qawwi ta’ għeruq, nistgħu nibqgħu mifxula mill-“ilħna” ta’ din id-dinja, li jagħmlu minn kollox biex jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Ħafna minn dawn huma tentazzjoni, proposti “rtukkjati” tajjeb, li għall-bidu jidhru sbieħ u jinftiehmu, imma maż-żmien jispiċċaw biex iħallu biss il-vojt, l-għeja, is-solitudni u n-nuqqas ta’ aptit (ara ibid., 142) u jispiċċaw jitfu x-xrara tal-ħajja li l-Mulej darba qabbad f’kull wieħed u waħda minna.

 

Għeżież żgħażagħ! Intom ġenerazzjoni ġdida, b’tamiet ġodda, ħolmiet ġodda u mistoqsijiet ġodda; żgur ukoll b’xi dubji, imma, b’għeruqkom imniżżla fi Kristu, nistedinkom iżżommu ħaj il-ferħ u ma tibżgħux tħarsu lejn il-futur b’fiduċja. B’għeruqkom fi Kristu, ħarsu bil-ferħ u ħarsu b’fiduċja. Din il-kundizzjoni titwieled mill-fatt li aħna nafu li aħna mixtieqa, li l-Mulej iħobbna għal dejjem u jiġi jiltaqa’ magħna. Il-ħbiberija li nrawmu bejna u bejn Ġesù hija ż-żejt meħtieġ biex idawwal il-mixja, il-mixja tagħkom, imma wkoll dik ta’ dawk kollha li għandkom madwarkom: ħbieb, qraba, sħabkom tal-istudju u tax-xogħol, imqar dik ta’ min hu għalkollox f’nuqqas ta’ qbil magħkom.

 

Noħorġu niltaqgħu mal-Mulej li ġej! La tibżgħux mill-futur u tħallux lil min jintimidakom; bil-maqlub, kunu afu li fil-futur il-Mulej qed jistenniekom biex tħejju u tiċċelebraw il-festa tas-Saltna tiegħu.

 


 

Ringrazzjament tal-Papa fi tmiem il-Quddiesa maż-żgħażagħ

 

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li għamlu possibbli ż-żjara tiegħi fit-Tajlandja u li kkollaboraw għat-twettiq tagħha.

 

Inġedded l-espressjoni tal-gratitudni tiegħi lejn il-Maestà Tiegħu r-Re Rama X, lejn il-Gvern u lejn l-Awtoritajiet l-oħra tal-pajjiż għall-merħba sabiħa li tawni. Nirringrazzja minn qalbi lil ħuti l-Isqfijiet u b’mod partikulari lill-Kardinal Francis Xavier, kif ukoll lis-saċerdoti, ir-reliġjużi, il-fidili lajċi, u speċjalment lilkom, iż-żgħażagħ!

 

Grazzi minn qalbi lill-voluntiera li kkollaboraw b’tant ġenerożità; u lil dawk kollha li akkumpanjawni bit-talb u s-sagrifiċċji tagħhom, b’mod partikulari lill-morda u l-ħabsin.

 

Il-Mulej iħallaskom lura hu bil-faraġ u s-sliem tiegħu li hu biss jista’ jagħti. U nħallikom b’biċċa xogħol: tinsewx titolbu għalija. Grazzi ħafna!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard