VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U L-ĠAPPUN

(19-26 TA’ NOVEMBRU 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Stadju Nazzjonali (Bangkok)

Il-Ħamis 21 ta’ Novembru 2019

 

“Min hi ommi? U min huma ħuti?” (Mt 12:48). B’din il-mistoqsija Ġesù jipprovoka lil dik il-folla kollha li kienet qed tisimgħu biex tistaqsi lilha nfisha fuq xi ħaġa li setgħet tidher tant ovvja daqskemm ċerta: min huma l-membri tal-familja tagħna, dawk li huma tagħna u li aħna tagħhom? Hu ħalla din il-mistoqsija tidwi fihom b’mod ċar u ġdid, u wieġeb: “Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi” (Mt 12:50). B’dan il-mod ikisser mhux biss id-determiniżmi reliġjużi u legali tal-epoka, imma wkoll kull pretensjoni żejda ta’ min kien ħaseb li seta’ jiftaħar bi drittijiet preferenzjali fuqu. Il-Vanġelu hu stedina u dritt b’xejn għal dawk kollha li jridu jagħtu widen.

 

Huwa sorprendenti ninnutaw kif il-Vanġelu hu minsuġ b’mistoqsijiet li jfittxu li jqiegħdu fi kriżi, iċaqilqu u jistiednu lid-dixxipli biex jibdew mexjin, biex jiskopru dik il-verità li kapaċi tagħti u tnissel il-ħajja; mistoqsijiet li jfittxu kif jiftħu l-qalb u x-xefaq għal-laqgħa ma’ ħaġa ġdida u wisq isbaħ milli qatt jistgħu jistħajlu. Il-mistoqsijiet tal-Imgħallem iridu dejjem iġeddu l-ħajja tagħna u dik tal-komunità tagħna b’ferħ li m’hemmx ieħor bħalu (ara Eżortazzjoni appostolika Evangeliii gaudium, 11).

 

Hekk ġralhom l-ewwel missjunarji li bdew mexjin u waslu f’dawn l-artijiet; semgħu l-Kelma tal-Mulej, fittxew li jwieġbu għat-talbiet tiegħu, u setgħu jaraw li huma kienu jagħmlu parti minn familja ħafna ikbar minn dik imnissla bir-rabtiet tad-demm, tal-kultura, tar-reġjun jew ta’ appartenenza għal grupp partikulari. Imqanqla mill-qawwa tal-Ispirtu u bil-ħorġiet tagħhom mimlija bit-tama li titwieled mill-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, bdew mexjin biex ifittxu l-membri ta’ din il-familja tagħhom li mank kienu għadhom jafuhom. Ħarġu jfittxu l-uċuħ tagħhom. Kien hemm bżonn jiftħu l-qalb tagħhom għal qies ġdid, kapaċi jegħlbu l-aġġettivi kollha li dejjem jifirdu, biex jiskopru tant ommijiet u aħwa Thai li ma kinux jiġu fuq il-mejda tagħhom nhar ta’ Ħadd. Mhux biss minħabba dak kollu li setgħu joffrulhom, imma wkoll għal dak kollu li kellhom bżonn jirċievu mingħandhom biex jikbru fil-fidi u fl-għarfien tal-Iskrittura (ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dei Verbum, 8).

 

Mingħajr dik il-laqgħa, il-Kristjaneżmu ma kienx ikollu l-wiċċ tagħkom; kien ikun jonqos il-kant, iż-żfin li jirrappreżenta t-tbissima Thai, hekk tipiku f’dawn l-artijiet. Hekk setgħu jaraw aħjar il-pjan kollu mħabba tal-Missier, li hu bil-wisq ikbar mill-kalkoli u l-previżjonijiet kollha tagħna u ma jirriduċix ruħu għal grupp ta’ persuni jew għal kuntest kulturali wieħed. Id-dixxiplu missjunarju mhuwiex merċenarju tal-fidi u lanqas aġent li jsus wara l-proseliti, imma tallab li jagħraf li għad hemm minn ħutu u ommijietu neqsin, li magħhom jista’ jiċċelebra u jiffesteġġja d-don irrevokabbli tar-rikonċiljazzjoni li Ġesù jagħti lilna lkoll: l-ikla hi lesta, oħorġu u fittxu lil dawk kollha li tiltaqgħu magħhom fit-triq (ara Mt 22:4,9). Dan il-mandat hu għajn ta’ ferħ, gratitudni u hena sħiħ, għax “inħallu lil Alla joħroġna barra minna nfusna biex naslu għal dak li tassew aħna fil-verità” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 8).

 

Għaddew 350 sena mill-ħolqien tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Siam (1669-2019), sinjal tat-tgħanniqa familjari li seħħet f’dawn l-artijiet. Żewġ missjunarji waħidhom għarfu jsibu l-kuraġġ li jixħtu ż-żerriegħa li, sa minn dak iż-żmien imbiegħed, qed jikbru u jwarrdu f’firxa wiesgħa ta’ inizjattivi appostoliċi, li kkontribwew għall-ħajja tan-nazzjon. Dan l-anniversarju ma jfissirx nostalġija tal-passat, imma nar tat-tama biex, fil-preżent, anki aħna nistgħu nwieġbu bl-istess determinazzjoni, saħħa u fiduċja. Hi memorja ta’ festa u gratitudni, li tgħinna noħorġu bil-ferħ biex naqsmu mal-oħrajn il-ħajja ġdida li tiġi mill-Vanġelu mal-membri kollha tal-familja tagħna li għadna ma nafuhomx.

 

Ilkoll kemm aħna dixxipli missjunarji meta niddeċiedu li nkunu parti ħajja mill-familja tal-Mulej u dan nagħmluh billi naqsmuh mal-oħrajn kif għamel hu: ma beżax joqgħod bilqiegħda mal-mejda tal-midinbin, biex jiżgurahom li mal-mejda tal-Missier u tal-ħolqien kien hemm miżmum post għalihom ukoll; mess il-qalb ta’ dawk li ħassewhom impuri u ħalla lilhom ukoll imissu lilu, u hekk għenhom jifhmu l-qrubija ta’ Alla, anzi, jifhmu li huma kienu hienja (ara San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Asia, 11).

 

Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari dawk it-tfal u nisa esposti għall-prostituzzjoni u għat-traffikar, sfigurati fid-dinjità l-iżjed awtentika tagħhom; naħseb f’dawk iż-żgħażagħ ilsiera tad-droga u ta’ ħajja mingħajr sens li tispiċċa ddallam il-ħarsa tagħhom u taħraq il-ħolm tagħhom; naħseb fl-immigranti mneżżgħa mid-djar tagħhom u mill-familji tagħhom, kif ukoll f’tant oħrajn li, bħalhom, jistgħu jħossuhom minsija, iltiema, abbandunati, “mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 49). Jiġuni f’moħħi s-sajjieda sfruttati, it-tallaba injorati.

 

Dawn jagħmlu parti mill-familja tagħna, huma l-ommijiet u l-aħwa tagħna; ejjew ma nċaħħdux il-komunitajiet tagħna mill-uċuħ tagħhom, mill-ġrieħi tagħhom, mit-tbissimiet tagħhom, mill-ħajjiet tagħhom; u ma nċaħħdux il-pjagi u l-ġrieħi tagħhom mid-dilka ħanina tal-imħabba ta’ Alla. Id-dixxiplu missjunarju jaf li l-evanġelizzazzjoni mhix kemm jirnexxielna nkaxkru warajna nies li laqgħu l-fidi u lanqas kemm nidhru qawwija, imma li niftħu bibien biex ngħixu u naqsmu t-tħaddina ħanina u li tfejjaq ta’ Alla l-Missier li jagħmilna familja.

 

Għażiża komunità Tajlandiża: ejjew nibqgħu mexjin f’din it-triq, fuq il-passi tal-ewwel missjunarji, biex niltaqgħu, niskopru u nagħrfu bil-ferħ l-uċuħ kollha ta’ ommijiet, missirijiet u aħwa li l-Mulej irid jirregalalna u huma neqsin minn mal-mejda tal-Ħadd tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard