VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U FIL-ĠAPPUN

(19 - 26 ta' NOVEMBRU, 2019)

ŻJARA LILL-PATRIJARKA SUPREM TAL-BUDDISTI

 

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Tempju Wat Ratchabophit Sathit Maha Simaram (Bangkok)

Il-Ħamis, 21 ta' Novembru, 2019

 

Santitā:

Irroddlok ħajr għall-kliem ta' ħbiberija li lqajtni bihom.  Jien hieni li ġejt f'dan it-Tempju Rjali fil-bidu taż-żjara tiegħi f'dan in-nazzjon, Tempju simbolu tal-valuri u tat-tagħlim li jgħati karattru lil dan il-poplu maħbub.  Il-maġġoranza tal-poplu Tajlandiż xorob mill-għejun tal-buddiżmu li twaħħad mal-imġieba tiegħu ta' qima lejn il-ħajja u lejn l-anzjani tiegħu, illi jgħix ħajja  meqjusa msejsa fuq il-kontemplazzjoni, fuq id-distakk, fuq xogħol iebes u d-dixxiplina (Eż. App. post-Sinodali: Ecclesia in Asia, 6), karatteristiċi  li jmantnu dak li jimmarkakom u tant jiddistingwikom: li tkun meqjusin bħala l-poplu tat-tbissima. 

Il-laqgħa tagħna hi mument ieħor fil-mixja ta' stima u għarfien reċiproku mibdi mill-predeċessuri tagħna.  Din iż-żjara qed nagħmilha fuq il-passi tagħhom biex jisseddqu mhux biss ir-rispett imma wkoll il-ħbiberija bejn il-komunitajiet tagħna.  Għaddew kważi ħamsin sena minn mindu s-17-il Patrijarka Suprem, Somdej Phra Wanarat (Pun Punnassiri) flimkien ma ' grupp importanti ta' monaċi buddisti, kienu żaru lill-Papa Pawlu VI fil-Vatikan.  Kien mument ta' bidlu importanti ħafna fl-iżvilupp tad-djalogu bejn it-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna; djalogu ikkultivat illi, 'il quddiem, ippermetta li l-Papa Ġwanni Pawlu II jagħmel żjara lill-Partijarka Suprem, il-Qdusija Tiegħu Somdej Phra Ariyavongsagatanana (Vasana Vasano) f'dan it-Tempju.  Wara, jien kelli l-unur li reċentement nilqa' delegazzjoni ta' monaċi mit-tempju ta' Wat Pho, li rregalawli traduzzjoni ta' manuskritt buddista antik bil-lingwa pali, u li issa jinsab imħares fil-Biblijoteka tal-Vatikan.  Huma passi żgħar li jgħinu biex tingħata xhieda mhux biss lill-komunitajiet tagħna, imma wkoll lid-dinja tagħna, tant ħerqana biex tifrex u tiġġenera firdiet u esklużjoni, li huwa possibbli tagħti xhieda tal-kultura tal-laqgħa.  Meta jkollna l-opportunitā li nagħrfu u napprezzaw lil xulxin, ukoll bid-differenzi ta' bejnietna (cfr Eż App. Il-Ferh tal-Vanġelu, 250), inkunu noffru lid-dinja kelma ta' tama bil-ħila li tagħti kuraġġ u tkun bastun għal kull min qiegħed isib ruħu dejjem aktar miġrugħ minħabba l-firdiet.  Okkażjonijiet bħal din tal-lum ifakkruna kemm huwa importanti li r-reliġjonijiet ikunu dejjem aktar fanali ta' tama għax jinkoraġġixxu u jiggarantixxu l-fraternita.

F'das-sens irrodd ħajr lil dal-poplu għax sa mill-wasla tal-Kristjaneżmu fit-Tajlandja, madwar erba' sekli u nofs ilu, minkejja li huma grupp ta' minoranza, il-kattoliċi gawdew il-libertā biex jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom u għal bosta snin għexu f'armonija ma' ħuthom buddisti.

F'dit-triq ta' fiduċja u fraternitā reċiproka, nixtieq intenni l-impenn personali tiegħi u dak tal-Knisja kollha sabiex jissaħħaħ id-djalogu miftuħ u rispettuz għas-servizz tal-paċi u l-ġid ta' dan il-poplu.  Bis-saħħa ta' skambji akkademiċi, li jgħinu biex nifhmu lil xulxin aħjar, kif ukoll bit-tħaddim tal-kontemplazzjoni, tal-ħniena u tad-dixxerniment - tant komuni bejn it-tradizzjonijiet tagħna - inkunu nistgħu isaħħu l-fiduċja fi stil tal-"qrubija" sana u nikbru fiha.

Bejn il-fidili tar-reliġjonijiet tagħna nistgħu ninkoraġġixxu t-twaqqif ta' proġetti ġodda tal-karitā bil-ħila li jiġġeneraw u jżidu inizjattivi konkreti fit-triq tal-fraternitā, speċjalment mal-aktar foqra u dwar id-dar komuni tagħna tant abbużata.  B'hekk inkunu qed nagħtu sehemna fil-formazzjoni ta' kultura ta' kumpassjoni, fraternitā u laqgħa, kemm hawnhekk kif ukoll fi nħawi oħra tad-dinja (cfr ibid.)  Jien żgur, Santitā, li dil-mixja se tkompli tagħti l-frott u bl-abbundanza.

Għal darb'oħra rroddlok ħajr, Santitā, għal dil-laqgħa.  Nitlob sabiex inti tkun imfawwar b'kull barka divina u għal-saħħtek u l-istat tiegħek personali, u għar-responsabbiltās kbira li għandek li tmexxi lill-fidili buddisti fit-toroq tal-paċi u tas-sliem.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber