VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U FIL-ĠAPPUN

(19 - 26 ta' NOVEMBRU, 2019)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Sala “Inner Santi Maitri” fil-Government House (Bangkok)

Il-Ħamis 21, ta' Novembru, 2019

 

Sur Prim Ministru,

Membri tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,

Distinti responsabbli politiċi, ċivili e reliġjużi,

Sinjuri!

Jine grat għall-opportunità li ninsab fostkom u li stajt inżur din l-art, għanja b'tant mervavilji naturali, u ħarriesa straordinarja tat-tradizzjonijiet spiritwali u kulturali anċestrali bħalma hi dik tal-ospitalità, li llum qed inġarrab personalment u li jien nixtieq nagħmel tiegħi biex inxerred u nsaħħaħ ir-rabtiet tal-ħbiberija kbira bejn il-popli.

Grazzi ħafna, Sur Prim Ministru, tal-akkoljenza, tal-kliem ta' merħba u tal-ġest tiegħek ta' umiltà responsabbli.  Grazzi għax illum waranofsinhar se jkolli l-opportunità li nagħmel żjara ta' kortesija lill-Majestà Tiegħu r-Re Rama X u lill-familja rjali.  Inġedded ir-radd il-ħajr tiegħi lill-Majestà Tiegħu għall-istedina ġentili biex inżur it-Tajlandja, u nagħtih l-awguri minn qiegħ qalbi flimkien ma' tislima sinċiera lill-memorja ta' missieru li ħalliena.

Inħossni hieni li nista' nsellmilkom u niltaqa' magħkom, awtoritajiet governattivi, reliġjużi u tas-soċjetà ċivili, u permezz tagħkom inwassal it-tislijiet tiegħi b'mod speċjali lill-poplu tat-Tajlandja kollu.  Is-sliem ukoll lill-Korp Diplomatiku.  F'din l-okkażjoni ma nistax ma nesprimix il-kumplimenti tiegħi għall-elezzjonijiet li għadhom kif saru u li kienu jfissru ritorn lejn proċess demokratiku normali.

Grazzi lil kull min ħadem biex setgħet isseħħ din iż-żjara.

Nafu li llum il-problemi li qed taffaċċja d-dinja tagħna, fil-fatt huma problemi globali; jolqtu lill-familja umana kollha u jesiġu li lkoll nagħmlu sforz kbir biex ikun hemm il-ġustizzja internazzjonali u s-solidarjetà bejn il-popli.  Inħoss li hu rilevanti nfakkar li f'dal-ġranet, it-Tajlandja qed ittemm iż-żmien ta' presidenza tal-ASEAN, espressjoni tal-impenn storiku dwar il-firxa tal-problemi l-kbar li jolqtu lill-popli tal-inħawi kollha fix-xlokk asjatiku u anki għall-interessament ma jaqta' xejn biex jiffavorixxi l-koperazzjoni politika, ekonomika u kulturali fir-reġjun.

Bħala nazzjon multikulturali u karatteriżżat mid-diversità, it-Tajlandja, diġà ilha żmien, tagħraf l-importanza li tibni l-armonija u l-koeżistenza paċifika fost l-għadd kbir ta' gruppi etniċi tagħha, billi turi rispett u apprezzament lejn id-diversi kulturi, grupppi reliġjużi, filosofiji u ideat.  Il-karatteristika tal-epoka li qed ngħixu fiha hi l-globaliżżazzjoni, wisq ta' spiss meqjusa f'termini strettament ekonomiko/finanzjarji u disposta illi telimina s-sinjali essenzjali li jsawwru u jiġġeneraw is-sbuħija u r-ruħ tal-popli tagħna; iżda, l-esperjenza konkreta ta' għaqda li tirrispetta u tilqa' d-differenzi sservi biex tkun ispirazzjoni u xprun għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom id-dinja kif nixtiequ nħalluha lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

Nifirħilkom għall-inizjattiva meta ħloqtu "Kummissjoni Etiko-Soċjali", li fiha stedintu l-parteċipazzjoni tar-reliġjonijiet tradizzjonali tal-pajjiż, bl-għan li tiġbru l-kontribut tagħhom u żżommu ħajja l-memorja spiritwali tal-poplu tagħkom.  F'das-sens se jkolli opportunità niltaqa' mal-Patrijarka Suprem Buddista, bħala sinjal ta' kemm hu importanti u urġenti li nseddqu l-ħbiberija u d-djalogu inter-reliġjuż u, minbarra dan, bħala servizz lejn l-armonija soċjali u l-bini ta' soċjetajiet ġusti, sensittivi u inklussivi.  Personalment niżgurakom li żgur se ssibu l-kollaborazzjoni sħiħa mill-komunità kattolika ċkejkna imma vivaċi biex jinżammu u jitmexxew 'il quddiem il-karatteristiċi tant speċifiċi tat-Thai, li intom tfakkru fl-innu nazzjonali: paċifiċi u mimlijin imħabba, imma qatt beżżiegħa; u bir-rieda soda li jaffrontaw dak kollu li jinjora l-għajta ta' tant ħutna mxennqin għall-ħelsien mill-madmad  tal-faqar u tal-inġustizzja.  Din l-art jisimha 'libertà'.  Nafu illi din hi possibbli biss dment li jkollna ħila nħossuna ko-responsabbli ta' xulxin u dment li negħlbu kull għamla ta' nuqqas ta' ugwaljanza.  Għalhekk meħtieġa ħidma biex il-persuni u l-komunitajiet ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, għal xogħol xieraq, għall-għajnuna sanitarja biex b'hekk jilħqu l-livelli minimi indispensabbli tal-għixien li jagħmlu possibbli l-iżvilupp uman integrali.

Għal dan il-għan, irrid nieqaf ftit fuq il-movimenti migratorji, li huma wieħed mill-karatteristiċi li jimmarkaw żmienna.  Mhux tant minħabba ċ-ċaqliq fih innifsu daqskemm dwar il-kundizzjonijiet li fihom isir daċ-ċaqliq, fenomenu li jirrappreżenta waħda mill-problemi morali ewlenin li qed taffronta l-ġenerazzjoni tagħna.  Ma nistgħux ngħalqu għajnejna quddiem dil-kriżi migratorja.  L-istess Tajlandja, magħrufa għall-akkoljenza li tat lill-migranti u lir-rifuġjati, għandha quddiemha dil-kriżi minħabba l-ħarba traġika tar-rifuġjati minn pajjiżi ġirien.  Nawgura, għal darb'oħra, li l-komunità internazzjonali timxi bir-responsabbiltà u tħares 'il bogħod, biex jissolvew dawn il-problemi li jwasslu għal dan l-eżodu traġiku u tara li jkun hemm migrazzjoni sigura, bl-ordni u regolata.  Jalla kull nazzjon iħejji ruħu b'mod effikaċi bl-għan li jipproteġi d-dinjità u d-drittijiet tal-migranti u tar-rifuġjati li jħabbtu wiċċhom ma' perikli, inċertezzi u sfruttament huma u jfittxu l-libertà u ħajja aħjar għall-familji tagħhom.  Dawn mhumiex biss migranti, huma wkoll il-wiċċ li aħna rridu nagħtu lis-sooċjetajiet tagħna.

U f'das-sens naħseb f'dawk in-nisa u t-tfal ta' żmienna li huma miġrugħin b'mod partikolari, vittmi tal-vjolenza u miftuħin għal kull għamla ta' sfruttament, skjavitu, vjolenza u abbuż.  Nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi lill-gvern tat-Tajlandja għall-isforzi li għamel biex jeqred darba għal dejjem dal-flaġell, kif ukoll nuri r-rikonoxxenza tiegħi lejn dawk il-persuni u l-organiżżazzjonijiet li jaħdmu bla heda biex iqaċċtu dil-pjaga u joffru ħajja ta' dinjità.  Dis-sena, li tulha qed niċċelebraw it-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar il-Drittijiet tal-Infanzja u l-Adoloxxenza, aħna mistednin nirriflettu u naħdmu bid-determinazzjoni, bla heda u malajr dwar il-ħtieġa li nħarsu s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal tagħna, l-iżvilupp soċjali u intellettwali tagħhom, id-dritt għall-edukazzjoni kif ukoll dwar it-tkabbir fiżiku, psikoloġiku u spiritwali (1).  Il-futur tal-popli tagħna hu marbut, fil-parti kbira tiegħu, mal-mod kif aħna se niggarantixxu futur ta' dinjità lil uliedna.

Sinjuri, illum, aktar minn qatt qabel is-soċjetajiet tagħna jeħtieġu 'artiġjani tal-ospitalità', irġiel u nisa li jieħdu ħsieb l-iżvilupp integrali tal-popli kollha, fi ħdan il-familja umana mpenjata bis-sħiħ biex tgħix bil-ġustizzja, bis-solidarjetà u l-armonija fraterna.  Intkom, kull wieħed u waħda mill-pożizzjoni li għandkom, tiddedikaw ħajjitkom u tagħtu l-kontribut tagħkom sabiex is-servizz lejn il-ġid komuni jkun jista' jilħaq l-irkejjen kollha ta' dan-nazzjon: din hi l-aktar biċċa xogħol nobbli li għandha kull persuna.  B'dawn is-sentimenti, filwaqt li nawguralkom li tkunu tistgħu tmexxu 'l quddiem il-missjoni fdata f'idejkom, ninvoka l-abbundanza tal-barkiet divini fuq in-nazzjon tagħkom, fuq l-awtoritajiet u l-abitanti kollha.  U nitlob lill-Mulej li jmexxi lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-familji tagħkom, fit-toroq tal-għerf, tal-ġustizzja u tal-paċi.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

[1] Cfr Diskors lill-Korp Diplomatiku, 7 ta' Jannar, 2019.