PELLEGRINAĠĠ FL-ART IMQADDSA FL-OKKAŻJONI TAL-50 ANNIVERSARJU MIL-LAQGĦA F’ĠERUSALEMM BEJN IL-PAPA PAWLU VI U L-PATRIJARKA ATENAGORA

(24-26 TA’ MEJJU 2014)

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Pjazza tal-Maxtura, Betlehem

Il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2014

 

U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12).

 

Xi grazzja kbira li nista’ niċċelebra l-Ewkaristija fil-post fejn twieled Ġesù!  Irrodd ħajr lil Alla u rrodd ħajr lilkom li lqajtuni f’dan il-pellegrinaġġ tiegħi: il-President Mahmoud Abbas u l-Awtoritajiet l-oħra; il-Patrijarka Fouad Twal, l-Isqfijiet l-oħra u l-Ordinarji ta’ l-Art Imqaddsa, is-saċerdoti, il-bravi Franġiskani, l-erwieħ ikkonsagrati u dawk kollha li qed jaħdmu biex iżommu ħajja l-fidi, it-tama u l-imħabba f’dawn it-territorji; ir-rappreżentanzi tal-fidili li ġejjin mill-Gaża, mill-Galilija, l-immigranti mill-Asja u mill-Afrika.  Grazzi tal-merħba tagħkom!

 

Il-Bambin Ġesù, imwieled Betlehem, hu s-sinjal mibgħut minn Alla lil min kien qed jistenna l-fidwa, u jibqa’ għal dejjem is-sinjal tal-ħlewwa ta’ Alla u tal-preżenza tiegħu fid-dinja.  L-anġlu hekk jgħid lir-rgħajja: “Bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija…”.

 

Anki l-lum it-tfal huma sinjal.  Sinjal ta’ tama, sinjal ta’ ħajja, imma anki sinjal “djanjostiku” biex nistgħu nifhmu kemm hi b’saħħitha familja, soċjetà, id-dinja kollha.  Meta t-tfal huma milqugħa, maħbuba, imħarsa u protetti, il-familja tkun b’saħħitha, is-soċjetà titjieb, id-dinja ssir iżjed umana.  Naħsbu fl-opra li għaddejja fl-Istitut Effetà Paolo VI b’riżq it-tfal Palestinjani torox u muti: hi sinjal konkret tat-tjieba ta’ Alla.  Hu sinjal konkret li s-soċjetà qed titjieb.

 

Il-lum Alla jtenni lilna wkoll, irġiel u nisa tas-seklu wieħed u għoxrin: “Bħala sinjal ikollkom dan”, fittxu t-tarbija…

 

Il-Bambin ta’ Betlehem hu dgħajjef, bħat-trabi kollha li għadhom kemm twieldu.  Ma jafx jitkellem, u safrattant hu l-Kelma li saret laħam, li ġiet biex tbiddel il-qalb u l-ħajja tal-bnedmin.  Dik it-Tarbija, bħal kull tarbija, hi dgħajfa u teħtieġ l-għajnuna u l-protezzjoni.  Anki l-lum it-tfal għandhom bżonn li jiġu milqugħa u mħarsa, sa minn ġol-ġuf ta’ l-omm.

 

B’xorti ħażina, f’din id-dinja li żviluppat l-iżjed teknoloġiji sofistikati, għad fadal tant tfal f’kundizzjonijiet diżumani, li jgħixu fit-truf tas-soċjetà, fil-periferiji tal-bliet il-kbar u fiz-zoni rurali.  Tant tfal għadhom sal-lum il-ġurnata sfruttati, ittrattati ħażin, imjassrin, oġġetti ta’ vjolenza u ta’ traffikar illegali.  Wisq tfal il-lum huma maħruba, rifuġjati, xi kultant mgħarrqa fl-ibħra, speċjalment fl-ilmijiet tal-Mediterran.  Għal dan kollu aħna l-lum inħossuna nistħu quddiem Alla, quddiem Alla li sar Tarbija.

 

U bejnna u bejn ruħna nistaqsu: Aħna min aħna quddiem Ġesù Bambin?  Min aħna quddiem it-tfal tal-lum?  Aħna bħal Marija u Ġużeppi, li jilqgħu lil Ġesù u jieħdu ħsiebu bi mħabba ta’ omm u missier?  Jew aħna bħal Erodi, li jrid jeqirdu?  Aħna bħar-rgħajja, li jmorru jħaffu, jinżlu għarkubbtejhom biex iqimuh u joffrulu d-doni tagħhom?  Jew nibqgħu indifferenti?  Aħna forsi retoriċi u pjetisti, persuni li jisfruttaw l-immaġni tat-tfal foqra għal skop ta’ qligħ?  Għandna ħila noqogħdu ħdejhom, “naħlu l-ħin” magħhom?  Nafu nisimgħuhom, nieħdu ħsiebhom, nitolbu għalihom u magħhom?  Jew nittraskurawhom, biex nieħdu ħsieb l-interessi tagħna?

 

“Bħala sinjal ikollna dan: issibu tarbija…”.  Forsi dik it-tarbija qed tibki.  Tibki għax bil-ġuħ, għax qed itterter bil-bard, għax trid min iħaddanha ma’ dirgħajh…  Anki l-lum it-tfal jibku, jibku ħafna, u l-biki tagħhom jisfidana.  F’dinja li ta’ kuljum tarmi tunnellati ta’ ikel u ta’ mediċini, għandna tfal li qed jibku għalxejn bil-ġuħ u b’mard li faċli jitfejjaq.  F’epoka li tiftaħar bil-ħarsien tal-minuri, qed jinbiegħu armi li jispiċċaw f’idejn it-tfal-suldati; jinbiegħu prodotti mgeżwrin mit-tfal imġiegħla jaħdmu.  Il-biki tagħhom qed jiġi fgat: il-biki ta’ dawn it-tfal qed jiġi fgat!  Ikollhom jiġġieldu, ikollhom jaħdmu, ma jistgħux jibku!  Imma jibku għalihom l-ommijiet, Rakel tal-lum: jibku għal uliedhom, u ma jridux min ifarraġhom (ara Mt 2:18).

 

“Bħala sinjal ikollkom dan”: insibu tarbija.  Il-Bambin Ġesù mwieled Betlehem, kull tarbija li titwieled u tikber f’kull naħa tad-dinja, hi sinjal djanjostiku, li jippermettilna nivverifikaw kemm hi b’saħħitha l-familja tagħna, il-komunità tagħna, pajjiżna.  Minn din id-djanjosi ċara u onesta jista’ jinbet stil ġdid ta’ ħajja, fejn ir-relazzjonijiet ma jkunux iżjed ta’ kunflitt, ta’ ħakma fuq l-oħrajn, ta’ konsumiżmu, imma jkunu relazzjonijiet ta’ bejn l-aħwa, ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni, ta’ qsim ma’ xulxin u ta’ mħabba.

 

O Marija, Omm ta’ Ġesù,

int li lqajt, għallimna nilqgħu;

int li adurajt, għallimna naduraw;

int li mxejt, għallimna nimxu.  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard