PELLEGRINAĠĠ FL-ART IMQADDSA FL-OKKAŻJONI TAL-50 ANNIVERSARJU MIL-LAQGĦA F’ĠERUSALEMM BEJN IL-PAPA PAWLU VI U L-PATRIJARKA ATENAGORA

(24-26 TA’ MEJJU 2014)

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Stadju Internazzjonali (Amman)

Is-Sibt 24 ta’ Mejju 2014

 

Fil-Vanġelu għadna kemm smajna l-wegħda ta’ Ġesù lid-dixxipli: “U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġw 14:16).  L-ewwel Difensur hu Ġesù nnifsu; l-“ieħor” hu l-Ispirtu s-Santu.  Hawn m’aħniex imbegħdin mill-post fejn l-Ispirtu s-Santu niżel bil-qawwa fuq Ġesù ta’ Nazareth, wara li Ġwanni għammdu fix-xmara Ġordan (ara Mt 3:16), u l-lum jien sa nżur dan l-imkien.  Għalhekk il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd, u anki dan il-post li fih għall-grazzja ta’ Alla ninsab pellegrin, jistednuna nimmeditaw fuq l-Ispirtu s-Santu, fuq dak li Hu jwettaq fi Kristu u fina, u li nistgħu niġbruh hekk: l-Ispirtu jwettaq tliet għemejjel: iħejji, jidlek u jibgħat.

 

Dak il-ħin tal-Magħmudija, l-Ispirtu qagħad fuq Ġesù biex iħejjih għall-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni; missjoni mmarkata mill-istil tal-Qaddej umli u twajjeb, lest biex jaqsam u jagħti lilu nnifsu għal kollox.  Imma l-Ispirtu s-Santu, li hu preżenti sa mill-bidu ta’ l-istorja tas-salvazzjoni, kien ġa ħadem f’Ġesù fil-mument tat-tnissil tiegħu fil-ġuf safi ta’ Marija ta’ Nazareth, biex hekk wettaq il-ġrajja ta’ l-għaġeb ta’ l-Inkarnazzjoni: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, jixħet id-dell tiegħu fuqek – jgħidilha l-Anġlu lil Marija – u int tnissel fi ħdanek u jkollok Iben u ssemmih Ġesù” (ara Lq 1:35).  Iktar tard, l-Ispirtu s-Santu ħadem ukoll fi Xmun u Anna dak in-nhar tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju (ara Lq 2:22).  It-tnejn li huma fl-istennija tal-Messija; it-tnejn li huma mnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, Xmun u Anna meta lemħu t-Tarbija dritt fehmu f’qalbhom li dan kien il-Mistenni mill-poplu kollu.  Fl-imġiba profetika taż-żewġ xwejħin jinħass il-ferħ tal-laqgħa mal-Feddej u f’ċertu sens naraw titwettaq tħejjija għal-laqgħa bejn il-Messija u l-poplu.

 

L-għadd ta’ interventi ta’ l-Ispirtu s-Santu jagħmlu lkoll parti minn azzjoni armonjuża, minn proġett divin waħdieni ta’ mħabba.  Il-missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, fil-fatt, hi li jnissel l-armonija – Hu nnifsu hu armonija – u li jġib il-paċi fid-diversi kuntesti u bejn id-diversi suġġetti.  Id-diversità tal-persuni u tal-ħsieb m’għandhiex twassal għal rifjut jew xkiel, għax il-varjetà hi dejjem mod kif nistagħnew.  Mela, il-lum, ejjew b’qalb imħeġġa nsejħu lill-Ispirtu s-Santu, u nitolbuh iħejji t-triq għall-paċi u l-għaqda.

 

It-tieni nett, l-Ispirtu s-Santu jidlek.  Lil Ġesù dilku minn ġewwa, u jidlek lid-dixxipli, biex ikollhom l-istess sentimenti ta’ Ġesù u hekk f’ħajjithom ikunu jistgħu jagħmlu tagħhom l-atteġġjamenti li jġibu l-paċi u l-għaqda.  Bid-dilka ta’ l-Ispirtu, l-umanità tagħna tiġi mmarkata mill-qdusija ta’ Ġesù Kristu u tagħmilna kapaċi nħobbu lil ħutna bl-istess imħabba li biha Alla jħobb lilna.  Mela hu meħtieġ infittxu ġesti ta’ umiltà, ta’ fratellanza, ta’ maħfra, ta’ rikonċiljazzjoni.  Dawn il-ġesti huma premessa u kundizzjoni għall-vera paċi, soda u fit-tul.  Nitolbu lill-Missier jidlikna biex insiru wlied tiegħu b’mod sħiħ, dejjem iżjed nixbhu lil Kristu, biex inħossuna lkoll aħwa u hekk inbiegħdu minna kull mibegħda u firda ħa nkunu nistgħu ninħabbu tassew bħal aħwa.  Dan hu li talabna Ġesù fil-Vanġelu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.  U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġw 14:15-16).

 

U fl-aħħar nett, l-Ispirtu s-Santu hu dak li jibgħat.  Ġesù hu l-Mibgħut, mimli bl-Ispirtu tal-Missier.  Midluka mill-istess Spirtu, anki aħna mibgħutin bħala ħabbâra u xhieda tal-paċi.  Kemm teħtieġna d-dinja bħala ħabbâra tal-paċi, bħala xhieda tal-paċi!  Hu bżonn kbir li għandha d-dinja.  Anki l-istess dinja titolbu minna dan: li nġibu l-paċi, li nagħtu xhieda tal-paċi!

 

Il-paċi ma tistax tixtriha, ma tinbiegħx.  Il-paċi hi don li rridu nfittxu bis-sabar u nibnu “bis-sengħa” permezz ta’ ġesti kbar u żgħar fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Il-mixja lejn il-paċi tissaħħaħ jekk nagħrfu li lkoll kemm aħna għandna l-istess demm u nagħmlu parti mill-familja tal-bnedmin; jekk ma ninsewx li għandna l-istess Missier fis-Sema u li aħna lkoll uliedu, maħluqa xbieha tiegħu.

 

Hu f’dan l-ispirtu li rrid ngħannaqkom ilkoll miegħi: il-Patrijarka, l-Isqfijiet ħuti, is-saċerdoti, l-erwieħ ikkonsagrati, il-fidili lajċi, il-bosta tfal li l-lum ħa jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-qraba tagħhom.  B’qalbi ndur ukoll fuq l-għadd ta’ rifuġjati Nsara; u anki aħna, ilkoll kemm aħna, induru bil-qalb tagħna lejhom, lejn l-għadd ta’ rifuġjati Nsara ġejjin mill-Palestina, mis-Sirja u mill-Iraq: wasslu lill-familji u l-komunitajiet tagħkom it-tislima tiegħi u l-imħabba tiegħi.

 

Għeżież ħbieb, għeżież ħuti, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq Ġesù fil-Ġordan u ta bidu għall-opra tiegħu tal-fidwa biex jeħles id-dinja mid-dnub u mill-mewt.  NitolbuH biex iħejji l-qlub tagħna għal-laqgħa ma’ ħutna, lil hemm mid-differenzi ta’ l-ideat, l-ilsien, il-kultura, ir-reliġjon; biex jidlek l-essri kollu tagħna biż-żejt tal-ħniena tiegħu li jfejjaq il-ġrieħi ta’ l-iżbalji, tan-nuqqas ta’ ftehim, tal-kontroversji; il-grazzja li jibgħatna b’umiltà u tjieba tul il-mogħdijiet impenjattivi imma għammiela tat-tiftixa għall-paċi.  Amen!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard