MIN HUWA L-PAPA FRANĠISKU

Taqra Cynthia Zerafa


Għal ħafna żmien kien magħruf biss f’parti żgħira tad-dinja . . . madankollu fl-2013 fl-ewwel ftit xhur tal-Pontifikat tiegħu t-Time Magazine innominah bħala l-person of the year! Dan bir-raġun, għax il-Papa Franġisku rnexxielu jidħol fil-qlub ta’ diversi nies madwar id-dinja!

Imma min hu verament Papa Franġisku jew aħjar Jorge Mario Bergoglio?

Nanntu Rosa Margarita Vassallo de Bergoglio magħrufa aħjar fl-Italja bħala Rosa Margarita Vassallo – in-nanna ta’ Papa Franġisku ħalliet l-ewwel impatt f’ħajtu. Bħal ħafna Taljani oħra hija ppjanat li temigra lejn l-Arġentina fil-11 t’Ottubru 1927 bit-tama li hemmhekk ikollha ħajja aħjar għaliha u għall-familja tagħha. Għal dan il-vjaġġ kienet ser timbarka fuq il-vapur famuż ta’ dak iż-żmien Pricipessa Mafalda imma l-pjan tagħha falla għax ma rnexxilhiex tbigħ id-dar fejn kienu joqgħodu. Imma xejn ma jiġri addoċċ – għax fil-vjaġġ tiegħu il-vapur iltaqa’ ma’ xi diffikultajiet u nhar il-25 t’Ottubru 1927 għereq. Il-ħolma tagħha saret realtà erbatax-il xahar wara meta f’Jannar hija telgħet fuq il-Giulio Cesare.

Għalkemm il-Papa jew aħjar Jorge ma esperjenzahomx dawn il-ġrajjiet, żġur li saru tiegħu. Min jaf kemm-il darba n-nanniet u wara missieru rrakuntawlu dawn il-ġrajjiet sal-anqas dettal tant li kien iħossu jgħix fihom ukoll. Ma naqsux imbagħad dawk ir-rakkonti sakemm il-familja Bergoglio ssetiljat f’din l-art ġdida. Mhux ta’ b’xejn jitkellem b’tant passjoni fuq l-problema preżenti tal-imigrazzjoni. Tant hu hekk li fil-messaġġ tat-twitter tiegħu huwa esprima din l-imħabba meta kiteb: “Nitolbu għall-qalb li tilqa’ lill-imigranti. Alla se jiġġudikana fuq il-mod kif aħna trattajna lil dawk l-iktar li għandhom bżonn.” Darb’oħra qal li sfortunatament, f’dan iż-żmien, huma miljuni ta’ familji li jkollhom jitilqu mid-darhom, kif kellhom jaħarbu wkoll Ġużeppi u Marija flimkien mal-Bambin Ġesù lejn l-Eġittu.
Ir-refuġjati, iżda, kompla l-Papa, mhux dejjem ikunu milqugħa u rispettati. Ġesù, saħaq il-Papa, ried ikun parti minn familja li tesperjenza dawn id-diffikultajiet, sabiex juri li ħadd mhu eskluż milli jkun viċin l-imħabba t’Alla.

Mal-imħabba lejn ir-refuġjati għandu żġur l-imħabba lejn in-nanniet. Huwa kien viċin ħafna ta’ nanntu u allura mhux ta’ b’xejn li nhar il-11 ta’ Jannar 2014 esprima u qal li “l-anzjani huma t-teżor tas-soċjeta’ tagħna.”

Franġisku, imwieled bħala Jorge Mario Bergoglio fi Buenos Aires, 17 ta' Diċembru 1936.
Jorge ma kienx imwieled f’familja sinjura. Missieru, Mario José kien ħaddiem tal-ferrovija u ommu, Regina Maria, kienet mara tad-dar. Meta kien żgħir Jorge Mario kien imur inaddaf ġo fabbrika biex jgħin b’xi ftit flus lill-familja tiegħu.

Ir-relazzjoni tiegħu, m’ommu u ħutu kienet waħda tajba. Jiftakar li kull nhar ta’ Sibt wara nofsinhar kienu jisimgħu l-Opera min fuq ir-radju. Dan huwa wieħed mill-iktar mumenti sbieħ li jiftakar minn tfulitu. Kienet familja magħquda mibnija fuq valuri nsari li żgur ħallew marka fuqu. Fuq dan, nhar it-3 ta’ Mejju 2014 huwa qal: “It-talb isaħħaħ il-ħajja tal-familja”. Fl-aħħar Ħadd tas-sena 2013 huwa qal li l-Familja Mqaddsa hija ta’ eżempju għall-familji kollha. Huwa qal “Alla ried jitwieled f’familja umana, sabiex Hu jkollu omm u missier, bħalna”. Kompla jgħid li l-familja għandha tkun komunità ta’ imħabba u rikonċiljazzjoni fejn wieħed jesperjenza tenerezza, għajnuna u maħfra. Il-Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu dakinhar billi qal li fil-familja għandhom jintużaw dawn il-frażijiet “aħfirli, grazzi u jiddispjaċini”.

L-ewwel skola, barra dik tal-familja tiegħu kienet Wilfrid Barón de los Santos Ángeles, skola Sależjana f'Ramos Mejía, Buenos Aires. Wara attenda s-sekondarja teknika Escuela Nacional de Educación Técnica N° 27 Hipólito Yrigoyen u ġab id-diploma ta' tekniku kimiku. Għal xi snin ħadem bħala inġinier kimiku fis-sezzjoni tal-ikel fil-Laboratorju Hickethier-Bachmann.

Bħal ħafna Arġentini huwa dilettant tal-futbol u t-tim favorit tiegħu huwa tim żgħir Arġentin jismu San Lorenzo de Almagro. Huwa jħobb iż-żifna tat-tango u kien jiżfinha meta kien żagħżugħ. Iħobb jara l-films ta' Tita Merello u tan-neorealiżmu u jisma’ l-mużika tradizzjonali tal-Arġentina u l-Urugwaj magħrufa bħala l-milonga. Il-film favorit tiegħu huwa "Babette's Feast", film Daniż tal-1987. L-aktar poeżiji għall-qqalbu huma tal-poeta Ġermaniż Friedrich Hölderlin. Waqt li l-pittura favorita tiegħu hija White Crucifixion ta' Marc Chagall. M’għandniex xi ngħidu, għandu mħabba kbira lejn Ġesu’ li żġur li jarah u jmissu fin-nies ta’ madwaru!

Lit-tfal li jattendu l-Azzjoni Kattolika meta ltaqa’ magħhom fl-20 ta’ Diċembru 2013 qalilhom:
“Għeżież tfal, Ġesù jħobbkom, jixtieq ikun il-ħabib tagħkom; jixtieq ikun il-ħabib tat-tfal kollha! Konvinti minn dan?... veru hekk? Jidher li ma tantx intom konvinti? Konvinti jew le? [It-tfal irrispondew: Iva!] Tajjeb! Jekk intom konvinti minn dan, żgur tafu kif għandkom ixxerdu il-ferħ ta’ din il-ħbiberija ma’ kullimkien fil-dar, fil-parroċċa, l-iskola, mal-ħbieb... u domanda lit-tfal: jien għidt fid-dar, fil-parroċċa, fl-iskola, mal-ħbieb”. U nkunu nafu kif inkunu xhieda Tiegħu meta nġibu ruħna ta’ veri nsara: pronti li noffru l-għajnuna tagħna lil dawk li għandhom bzonnha. U jekk dak li ma jħobbokx għandu bżonn xi ħaġa, inti tgħinu? M’intom ċerti, hux? Iva! Iva! Mingħajr ma tiġġudikaw lill-oħrajn, mingħajr ma tgħidu fuqhom. Hija ħaġa kerha li ngħidu fuq l-oħrajn. Meta npaċpċu kontra l-oħrajn inkunu qed inġibu ruħna ta’ nsara jew le? Le! It-tpaċpiċ huwa talba? Meta npaċpċu bħal meta nitolbu? Le! It-tpaċpiċ huwa ħaġa ħażina. Qatt ma għandna npaċpċu. U għandna nibdew minn issa: ma npaċpċu qatt; qatt ma ngħidu kontra ħadd. Mela nimxu hekk!”

Dan id-diskors il-Papa Franġisku tennieh ħafna drabi!

Jorge  ma kienx xi wieħed ta’ wara l-muntanji. Kien ikellem u jħobb tfajla li kien sar jafha mill-grupp ta' ħbieb li magħhom kien imur jiżfen. Iżda ta' 22 sena wara li kellhom ineħħulu parti mill-pulmun minħabba pnewmonja u tliet ċesti, iddeċieda li jidħol is-seminarju f'Villa Devoto u daħal mal-Ġiżwiti, jew kif inhi magħrufa wkoll is-Soċjetà ta' Ġesù, fil-11 ta' Marzu 1958. Bergoglio hemmhekk kompla jistudja u gradwa fil-Filosofija mill-Colegio Maximo San Josè f'San Miguel fejn għallem il-letteratura u l-psikoloġija fil-Colegio de la Immaculada f'Santa Fe u l-Colegio del Salvador fi Buenos Aries.

Huwa kien ordnat saċerdot fit-13 ta' Diċembru 1969.

Għal din l-okkażjoni n-nanna Rosa kitbitlu ittra  li llum iżommha fid-djarju personali tiegħu u ħadħa miegħu ukoll waqt il-konklali li eleġieh bħala isqof ta’ Ruma li tgħid:-
F’din il-ġurnata sabiħa li fiha tista żomm lil Ġesù fl-idejn ikonsagrati tiegħek triq ġdid se tinfetaħ quddiemek għall-appostolat, jiena nagħtik dan ir-rigal żgħir li ma jiswiex ħafna flus imma għandu valur spiritwali kbir.

J’alla n-neputijiet tiegħi, li jiena għalihom tajt l-isbaħ parti ta’ qalbi jkollhom ħajja twila u ferħana; madanakollu jekk xi darba t-tbatija, l-mard jew it-telfa ta’ xi ħadd għażiż jimliekom bid-dwejjeaq, ftakar li b’ħarsa waħda lejn it-Tabernaklu, fejn hemm l-ikbar martri, u b’ħarsa waħda lejn Marija f’riġeljn is-salib, jitfgħu qatra komfort fuq il-weġgħat l-aktar profondi u tat-tbatija tagħhom.

Wara li sar saċerdot huwa kompla jistudja u sar Professur tat-Teoloġija u Majjistru tan-novizzi. Milquta mill-ħiliet amministrattivi tiegħu, is-Soċjetà ta' Ġesù ħatret lil Bergoglio bħala Provinċjal għall-Ġiżwiti Arġentini fl-1973.

Meta l-Arġentina kienet immexija minn dittatur militiari madwar 30,000 ruħ, ġew ittorturati u maqtula. F’dan iż-żmien lil Bergoglio insibuh jagħmel minn kollox biex bil-moħbi isalva qassisin u ċittadini minn idejn it-torturaturi. Għal dan l-aġir huwa rrispettat ħafna mill-hekk imsejħa "ommijiet ta' Plaza de Mayo", li ma qagħdux lura milli jikkritikaw il-kompliċità tal-ġerarkija Kattolika mar-reġim Arġentin.

Kif ammetta huwa stess f’intervista fuq ir-radju: “L-isbaħ mumenti tiegħi bħala saċerdot kienu dawk li qattajt man-nies. Dawn il-mumenti se jibqgħu dejjem f’qalbi, meta jiena mxejt ma’ persuni li fittxew lil Ġesù.”

Wara seba’ snin Provinċjal tal-Ġiżwiti, Bergoglio intbagħat bħala Rettur fis-Seminarju ta' San Miguel fl-1980 fejn reġa’ beda jgħallem. Wara li lesta d-dottorat tiegħu fil-Ġermanja huwa mar lura f'pajjiżu u serva bħala direttur spiritwali f' Cordoba.Dam direttur tmintax-il sena għax fl-1998 laħaq Arċisqof fl-Arġentina. Kien imbagħad fl-21 ta' Frar 2001 metaBorgoglio nħatar Kardinal mill-Papa Ġwanni Pawlu II. Bħala kardinal, Bergoglio inħatar f'numru ta' pożizzjonijiet amministrattivi fil-Kurja Rumana u serva bħala membru f'numru ta' Kongregazzjonijiet. Lin-nies tal-Arġentina kien talabhom biex ma jmorrux Ruma biex jiċċelebraw il-ħatra tiegħu ta' Kardinal, iżda minflok jagħtu l-flus lill-fqar. F'Ruma "ffesteġġja" kważi waħdu. Il-bijografija tiegħu ta’ nofs paġna, fis-Sala Stampa tal-Vatikan kienet l-iqsar waħda.

Bħala kardinal, Bergoglio kien magħruf għall-umiltà u l-impenn tiegħu għall-ġustizzja soċjali. Il-ħajja sempliċi hija xhieda tal-umiltà tiegħu. Huwa kien jgħix f'appartament żgħir minflok fil-Palazz tal-Isqof, kien juża t-trasport pubbliku flok il-karozza bix-xufier tiegħu, u jsajjar l-ikel tiegħu huwa stess. Fl-2001 ssorprenda lill-istaff tal-Isptar Muñiz Hospital ta' Buenos Aires, meta talabhom buqar ilma, u ħasel u bies riġlejn il-morda bl-AIDS b'sinjal ta' mħabba lejhom, u qal lill-ġurnalisti li "s-soċjetà tinsa lill-foqra u lill-morda". F'Settembru 2012, fi Buenos Aires, Bergoglio ċanfar ukoll lil dawk is-saċerdoti li rrifjutaw li jgħammdu tfal ta’ single-mothers: "Ma nkunux ipokriti. Min jagħmel hekk ikun qed jifred lill-poplu t'Alla mis-salvazzjoni." Huwa ħadem biex jiżdiedu s-servizzi soċjali u l-evanġelizzazzjoni fl-inħawi foqra tal-belt.
Bħala Isqof ma qagħadx lura milli jitkellem fuq il-problemi ekonomiċi, soċjali u politiċi li hemm fl-Arġentina. Fl-omeliji u d-diskorsi tiegħu jisħaq li l-bnedmin huma lkoll aħwa u li l-Istat u l-Knisja għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex kulħadd iħossu milqugħ, rispettat u aċċettat. Bergoglio qatt ma pprova jaħbi l-impatt politiku u soċjali tal-messaġġ tal-Vanġelu f'pajjiż li kien qed jipprova jqum minn kriżi ekonomika gravi.

Matul is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2005 huwa inħatar membru tal-Kunsill ta' Wara s-Sinodu u f'Novembru 2005 kien elett bħala l-President tal-Konferenza Episkopali tal-Arġentina għal terminu ta' tliet snin mill-maġġoranza tal-isqfijiet Argentini, ħatra li kienet imġedda fl-2008.

Bergolgio kien diġà kkunsidrat papabbli waqt il-Konklavi wara l-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II f'April 2005. Jingħad li f'dawk il-konklavi t-taqtigħa bejnu u bejn Ratzinger kienet waħda kbira, tant li finalment kien hu stess li talab lil kardinali biex ma jivvutawlux ħalli jkun elett il-Papa Benedittu XVI. Din xejn ma tatu ġewwa infatti baqa’ li kien jgħallem u jikkumbatti l-mard ikrah ta’ madwaru. L-agħar marda għalih hija l-inġustizzja tant hu hekk li f'laqgħa li kellu mal-Isqfijiet Sud Amerikani fl-2007, Bergoglio kien qalilhom li "It-tqassim inġust tal-ġid qed ikompli joħloq sitwazzjoni ta' dnub soċjali li jgħajjat lejn is-sema u jnaqqas il-possibiltajiet ta' ħajja sħiħa għal bosta minn ħutna."

Kien nhar it-13 ta' Marzu 2013, meta dak li ma sarx wara l-mewt ta’ Ġwanni Pawlu II, bl-għajnuna t’Alla seħħ mar-riżenja ta’ Benedittu 16. Fis-7.06 p.m. miċ-ċumnija tas-Sistina ħarġet daħna bajda u siegħa wara tħabbar mil-Loġġa fi Pjazza San Pietru li l-Papa l-Ġdid kien Jorge Bergoglio. Kien l-ewwel Papa li għażel l-isem Franġisku. Għażel dan l-isem f'ġieħ San Franġisk t'Assisi u f'ġieħ l-imħabba tiegħu lejn il-foqra. Xi kwarta wara, meta l-Papa ġdid ħareġ fil-Loġġa liebes biss il-Libsa bajda mingħajr l-abitu kotali u ebda tiżjin ieħor. Għamel ħin iċċassat lejn il-folla li laqgħetu b'entużjażmu kbir. Wara indirizza lill-folla billi sellmilhom b'sempliċi "buonasera", u qalilhom li l-kardinali sabuh "mill-aħħar tad-dinja". Huwa talab għal u rringrazzja lill-Papa Emeritus Benedittu XVI. Qabel ta l-barka lill-poplu,  l-Papa l-ġdid wera l-umilta’ tiegħu meta, baxxa rasu u talab hu l-barka mingħand il-poplu. Minn hawn tista’tgħid li n-nies ħabbitu mill-ewwel! Ħamest ijiem wara l-ħatra tiegħu, dan il-Papa umli ħatar lill-qassis Malti Alfred Xuereb bħala Segretarju personali tiegħu.
Kummenti dwar dan il-Papa minn diversi nies ma naqsux.

Il-President Amerikan Barack Obama sejjaħlu "paladin ta' dawk fostna li huma l-ifqar u l-iktar vulnerabbli." Kompla jgħid li "bħala l-ewwel Papa mill-Amerki, il-ħatra tiegħu hija ringrazzjament għas-saħħa u għall-vitalità ta' reġjun li iktar ma jgħaddi ż-żmien qed isir mudell għad-dinja, u flimkien ma' miljuni ta' Ispaniċi Amerikani, fl-Istati Uniti naqsmu l-ferħ magħhom f'dan il-jum storiku."

Leonardo Boff li kien patri Franġiskan u magħruf għat-Teoloġija tal-Liberazzjoni ikkummenta hekk fuq l-għażla ta' Bergoglio: “Din l-għażla tagħmilli kuraġġ, sinjal li l-Knisja trid tmur għas-sempliċità. Bergoglio ġej minn pajjiż li qed jiżviluppa, barra mill-ħitan ta' Ruma."

Diego Armando Maradona u Lionel Messi, żewġ plejers kbar Arġentini ferħu għall-ħatra ta' Arġentin bħalhom. Maradona qal li dan huwa ġieħ kbir għall-Arġentini kollha u jixtieq ħafna jkollu udjenza miegħu. Messi qal li jħossu ferħan ħafna u jixtieq jiddedikalu rebħa fit-Tazza tad-Dinja tal-2014.

Papa Franġisku . . . Jorge Mario Bergoglio bniedem li qabel it-13 ta’ Marzu 2013 ftit nies kienu semgħu bih . . . jew semgħuh jitkellem. . . illum il-kliem tiegħu jidwi mal-erbat irjieħ tad-dinja u l-messaġġi tiegħu fuq twitter jaslu għand 3.6 miljun persuni, barra dawk li jsewgwuh fuq il-facebook u networks soċjali oħra. Lesti li nisimgħuh u nħalluh jispirana fl-appostolat tagħna?