PELLEGRINAĠĠ EKUMENIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’ĠINEVRA FL-OKKAŻJONI TAS-70 ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF

TAL-KUNSILL EKUMENIKU TAL-KNEJJES

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Palexpo (Ġinevra)

Il-Ħamis 21 ta’ Ġunju 2018

 

Missier, ħobż, maħfra. Tliet kelmiet, li jagħtina l-Vanġelu tal-lum. Tliet kelmiet, li jdaħħluna fil-qalba tal-fidi.

 

“Missierna”. Hekk tibda t-talba. Tista’ tkompli bi kliem differenti, imma l-ewwel kelma ma nistgħux ninsewha, għax il-kelma “Missier” hi l-muftieħ li jdaħħalna fil-qalb ta’ Alla; għax nistgħu biss nitolbu b’“lingwa Nisranija” jekk ngħidu Missier. Nitolbu “bin-Nisrani”: mhux lil Alla ġeneriku, imma lil Alla li qabelxejn hu Missier tagħna. Fil-fatt, Ġesù talabna ngħidu “Missierna li inti fis-smewwiet”, mhux “Alla tas-sema li int Missier”. Qabelxejn, qabel ma hu infinit u etern, Alla hu Missier. Minnu tiġina kull paternità u maternità (ara Efes 3:15). Fih il-bidu tal-ġid kollu u tal-istess ħajja tagħna. “Missierna” allura hi ­l-formula tal-ħajja, dik li tikxef l-identità tagħna: aħna wlied maħbuba. Hi l-formula li ssolvi t-teorema tas-solitudni u l-problema ta’ min iħossu ltim. Hi s-somma li turina kif għandna nagħmlu: inħobbu lil Alla, Missierna, u lill-oħrajn, ħutna. Hi t-talba tal-aħna, tal-Knisja; talba mingħajr jien u mingħajr tiegħi, li ddur kollha lejn l-int ta’ Alla (“ismek”, “saltnatek”, “li trid int”) u li tikkonjuga ruħha biss mal-ewwel persuna fil-plural. “Missierna”, kelma li toffrilna sett ta’ sinjali għall-ħajja spiritwali.

 

Hekk, kull darba li rroddu s-salib fil-bidu tal-ġurnata u qabel kull ħidma importanti, kull darba li llissnu “Missierna”, nerġgħu lura għall-għeruq li fuqhom aħna mwaqqfa. Għandna bżonn tagħhom fis-soċjetajiet tagħna li spiss tilfu għeruqhom. Il-“Missierna” ssaħħaħ mill-ġdid l-għeruq tagħna. Meta hemm il-Missier, ħadd mhu eskluż; il-biża’ u l-inċertezza  ma jgħollux rashom. Terġa’ tfeġġ il-memorja tat-tajjeb, għax fil-qalb tal-Missier m’aħniex dehriet virtwali, imma wlied maħbuba. Hu ma jorbotniex fi gruppi ta’ kondiviżjoni, imma jnissilna mill-ġdid flimkien bħala familja.

 

Ejjew ma negħjew qatt illissnu “Missierna”: hu jfakkarna li ma jeżisti l-ebda iben mingħajr Missier u li għalhekk ħadd minna mhu waħdu f’din id-dinja. Imma jfakkarna wkoll li m’hemmx Missier mingħajr ulied: ħadd minna ma hu iben waħdu, kull wieħed irid jieħu ħsieb tal-aħwa fil-familja waħda tal-bnedmin. Meta ngħidu “Missierna” nkunu naffermaw li kull bniedem hu tagħna, u quddiem tant kefrijiet li jkasbru l-wiċċ tal-Missier, aħna wliedu msejħin nirreaġixxu bħala aħwa, bħala ħarriesa tajba tal-familja tagħna, u nħabirku biex ma jkunx hemm indifferenza lejn l-aħwa, lejn kull wieħed u waħda minn ħutna: tat-tarbija li għadha ma twelditx kif ukoll tal-anzjan li m’għadux jista’ jitkellem, tal-qarib li mhux jirnexxielna naħfrulu kif ukoll tal-fqir li rmejna. Dan hu li jitlobna l-Missier, anzi jordnalna nagħmlu: li nħobbu lil xulxin b’qalb ta’ wlied, li huma aħwa bejniethom.

 

Ħobż. Ġesù jgħidilna biex ta’ kuljum nitolbu l-ħobż lill-Missier. M’hemmx bżonn nitolbu iżjed: biżżejjed il-ħobż, jiġifieri l-essenzjali biex ngħixu. Il-ħobż hu qabelxejn l-ikel li għandna bżonn għal-lum, għas-saħħa tagħna, għall-ħidma tal-lum; dak l-ikel li b’xorti ħażina jonqoshom ħafna minn ħutna. Għalhekk ngħidilkom: gwaj għal min joqgħod jispekula fuq il-ħobż! Il-ħobż, li hu l-ikel bażiku għall-ħajja ta’ kuljum tal-popli, għandu jkunu aċċessibbli għal kulħadd.

 

Nitolbu l-ħobżna ta’ kuljum ifisser ukoll li ngħidu: “Missier, għinni ngħix ħajja iżjed sempliċi”. Il-ħajja saret wisq ikkumplikata. Irrid ngħid li llum għal ħafna hi bħal “iddrogata”: niġru minn xħin jisbaħ sa xħin jidlam, qalb elf telefonata u messaġġi, m’għandniex ħila nieqfu quddiem l-uċuħ, mgħaddsin kif aħna f’kumplessità li ddgħajjifna u f’għaġla li iktar tkebbes l-ansjetà. Hi mitluba minna għażla ta’ ħajja sobrja, ħielsa mit-tagħbijiet żejda u bla siwi. Għażla kontra l-kurrent, kif għamel fi żmienu San Alwiġi Gonzaga, li llum qed infakkru. L-għażla li nħallu warajna tant ħwejjeġ li jimlew il-ħajja imma jbattlu l-qalb. Ħuti, ejjew nagħżlu ­s-sempliċità, is-sempliċità tal-ħobż biex nerġgħu nsibu l-kuraġġ tas-skiet u tat-talb, ħmira ta’ ħajja tassew umana. Nagħżlu l-persuni flok l-oġġetti, biex jitkebbsu relazzjonijiet personali, mhux virtwali. Nerġgħu nibdew inħobbu l-fwieħa ġenwina ta’ dak li għandna madwarna. Meta kont għadni żgħir, id-dar, jekk il-ħobż kien jaqa’ mill-mejda, kienu jgħallmuna niġbruh dritt u nbusuh. Napprezzaw is-sempliċi li għandna ta’ kuljum, u nieħdu ħsiebu: mhux nużaw u narmu, imma napprezzaw u nħarsu.

 

Il-“Ħobżna ta’ kuljum”, imbagħad, ejjew ma ninsewx, hu Ġesù nnifsu. Mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn (ara Ġw 15:5). Hu l-ikel bażiku tagħna biex ngħixu tajjeb. Imma xi drabi lil Ġesù nirriduċuh għal kontorn. Imma jekk ma jkunx hu l-ikel tal-ħajja tagħna, iċ-ċentru tal-jiem tagħna, in-nifs tal-ħajja ta’ kuljum tagħna, kollox jisfa fix-xejn, kollox ikun kontorn. Aħna u nitolbu l-ħobż, ejjew nitolbu lill-Missier u ngħidu lilna nfusna ta’ kuljum: sempliċità tal-ħajja, għożża ta’ dak li għandna madwarna, Ġesù f’kollox u qabel kollox.

 

Maħfra. Iebsa li naħfru, għax fina dejjem inġorru xi ftit tal-morr, tar-rabja, u meta niġu pprovokati minn min diġà ħfirnielu, ir-rabja terġa’ lura bl-interessi. Imma l-Mulej jippretendi bħala don il-maħfra tagħna. Naħsbu ftit kif l-uniku kumment oriġinali għall-Missierna, dak ta’ Ġesù, idur ma’ frażi waħda: “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom” (Mt 6:14-15). L-uniku kumment li jagħmel il-Mulej! Il-maħfra hi dik il-klawżola tal-Missierna li torbot kollox. Alla jeħilsilna qalbna minn kull dnub, Alla jaħfer kollox, kollox, imma ħaġa waħda jitlob lura: li aħna min-naħa tagħna ma negħjew qatt naħfru. Irid minn kull wieħed u waħda minna amnestija ġenerali tal-ħtijiet tal-oħrajn. Hemm bżonn nagħmlu x-ray tajba ta’ qalbna, biex naraw jekk ġewwa fina hemmx xi jżomm u jxekkel il-maħfra, xi ġebel li rridu nneħħu. U allura ngħidu lill-Missier: “Qed taraha din il-ġebla kbira, ħa nafdaha f’idejk u nitolbok għal din il-persuna, għal din is-sitwazzjoni; anki jekk inbati biex naħfer, nitolbok il-qawwa li nasal”.

 

Il-maħfra ġġedded, il-maħfra tagħmel il-mirakli. Pietru daq il-maħfra ta’ Ġesù u sar ragħaj tal-merħla tiegħu; Sawl sar Pawlu wara l-maħfra li rċieva minn Stiefnu; kull wieħed u waħda minna jitwieled bħala ħolqien ġdid meta, maħfur mill-Missier, iħobb lil ħutu. Hekk biss nistgħu nintroduċu fid-dinja ħwejjeġ ġodda tassew, għax ma hemm xejn iġded mill-maħfra, din il-maħfra li tibdel il-ħażin f’tajjeb. Dan naraw fl-istorja Nisranija. Meta naħfru lil xulxin, u nerġgħu niskopru li aħna aħwa wara sekli ta’ kontroversji u qsim, dan kemm għamlilna u jibqa’ jagħmlilna ġid! Il-Missier jithenna meta jarana ninħabbu u naħfru lil xulxin minn qalbna (ara Mt 18:35). U hemm jagħtina l-Ispirtu tiegħu. Nitolbuh din il-grazzja: li ma nwebbsux qalbna u noqogħdu dejjem nippretendu mill-oħrajn, imma mmiddu aħna l-ewwel pass, fit-talb, fil-laqgħa tagħna mal-aħwa, fil-karità konkreta. Hemm insiru dejjem nixbhu iżjed lill-Missier, li jħobb bla ma jistenna xejn lura. U hu jsawwab fuqna l-Ispirtu tal-għaqda.

 


 

Tislima fi tmiem il-Quddiesa

 

Nirringrazzja mill-qalb lil Mons. Morerod u lill-Komunità djoċesana ta’ Losanna-Ġinevra-Friburgo. Grazzi li ltqajtuni, u grazzi tal-preparazzjoni u tat-talb tagħkom, li nitlobkom jekk jogħġobkom biex tkomplu. Anki jien nitlob għalikom, biex il-Mulej isieħeb il-mixja tagħkom, b’mod partikulari dik ekumenika. Nestendi t-tislima grata tiegħi lir-Ragħajja kollha tad-Djoċesi Żvizzera u l-Isqfijiet l-oħra preżenti, kif ukoll lill-fidili li ġew minn bosta partijiet tal-Iżvizzera, minn Franza u minn pajjiżi oħra.

 

Insellem liċ-ċittadini ta’ din il-belt sabiħa, fejn eżattament sitt mitt sena ilu qagħad il-Papa Martin V, u li hi sede ta’ Istituzzjonijiet internazzjonali importanti, fosthom l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, li s-sena d-dieħla tfakkar iċ-ċentinarju mit-twaqqif tagħha.

 

Minn qalbi rrodd ħajr lill-Gvern tal-Konfederazzjoni Żvizzera għall-istedina ġentili u l-kollaborazzjoni mill-aqwa. Grazzi!

 

U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Niltaqgħu!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard