Għeżież ħuti,

 

Hu pjaċir tiegħi li niltaqa’ magħkom u nirringrazzjakom tal-merħba sabiħa li tajtuni. B’mod partikulari, ninsab grat lejn is-Segretarju Ġenerali, ir-Reverendu Dr Olav Fykse Tveit, u lejn il-Moderatriċi, id-Dottoressa Agnes Abuom, tal-kelmtejn tagħhom u tal-istedina li għamluli fl-okkażjoni tas-70 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes.

 

Biblikament, sebgħin sena huma perjodu ta’ żmien komplut, sinjal ta’ barka divina. Imma sebgħin hu wkoll numru li jfakkar f’żewġ siltiet ċelebri tal-Vanġelu. Fl-ewwel waħda, il-Mulej ordnalna naħfru mhux sa seba’ darbiet, imma “sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22). Bla dubju dan in-numru mhuwiex hemm biex jindika limitu kwantitattiv, imma biex jiftaħ xefaq kwalitattiv: mhux ikejjel il-ġustizzja, imma jiftaħ beraħ il-kejl ta’ mħabba bla qies, li kapaċi taħfer bla limiti. Hu permezz ta’ din l-imħabba li, wara sekli ta’ tilwim, nistgħu noqogħdu bilqiegħda flimkien, bħal aħwa rrikonċiljati u grati lejn Alla Missierna.

 

Jekk qegħdin hawn, dan grazzi wkoll għal dawk kollha li ġew qabilna fil-mixja, u għażlu t-triq tal-maħfra u ħabirku biex iwieġbu għar-rieda tal-Mulej: li “jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Imkebbsa mix-xewqa ħerqana ta’ Ġesù, ma ħallewx iżommuhom lura l-għoqiedi kkumplikati tal-kontroversji, imma kellhom il-kuraġġ iħarsu iktar lil hemm u jemmnu fl-għaqda, u qabżu l-ħitan tas-suspetti u tal-biża’. Huwa minnu dak li stqarr missier antik tal-fidi: “Jekk tassew l-imħabba jirnexxielha teqred il-biża’ u dan jinbidel fi mħabba, allura niskopru li dak li jsalva hu sewwasew l-għaqda” (San Girgor ta’ Nissa, Omelija 15 fuq l-Għanja tal-Għanjiet). Aħna qed ingawdu mill-fidi, mill-imħabba u mit-tama ta’ tant oħrajn li, bil-qawwa paċifika tal-Vanġelu, kellhom il-kuraġġ ireġġgħu lura d-direzzjoni tal-istorja, dik l-istorja li kienet wasslitna biex ma nafdawx iżjed f’xulxin u nqisu lil xulxin b’barranin, u minflok daħħlitna fiċ-ċirku vizzjuż tal-firdiet kontinwi. Grazzi għall-Ispirtu s-Santu, li jnebbaħ u jmexxi l-ekumeniżmu, id-direzzjoni nbidlet u b’għaġeb kbir erġajna qbadna triq li hi ġdida daqskemm qadima: it-triq tal-komunjoni rrikonċiljata, lejn il-manifestazzjoni viżibbli ta’ dik il-fraternità li diġà xxierek flimkien lil dawk li jemmnu.

 

In-numru sebgħin joffri t-tieni spunt mill-Vanġelu. Ifakkarna f’dawk id-dixxipli li, matul il-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù bagħathom f’missjoni (ara Lq 10:1) u li huma ċċelebrati mil-Lvant Nisrani. In-numru ta’ dawn id-dixxipli jfakkarna f’dak tal-ġnus magħrufa, imniżżla fil-bidu tal-Iskrittura (ara Ġen 10). X’jissuġġerilna dan? Li l-missjoni hi indirizzata għall-ġnus kollha u li kull dixxiplu, biex ikun tali, għandu jsir appostlu, missjunarju. Il-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes twieled bħala strument ta’ dak il-moviment ekumeniku mqanqal minn sejħa qawwija għall-missjoni: kif jistgħu l-Insara jevanġelizzaw jekk huma mifruda bejniethom? Din il-mistoqsija urġenti tibqa’ tindirizza l-mixja tagħna u tittraduċi t-talba tal-Mulej biex inkunu magħqudin “ħalli d-dinja temmen” (Ġw 17:21).

 

Ippermettuli, għeżież ħuti, li barra r-radd il-ħajr sinċier tiegħi għall-impenn tagħkom b’riżq l-għaqda, nurikom ukoll bit-tħassib li għandi. Dan ġej mill-impressjoni li ekumeniżmu u missjoni m’għadhomx daqshekk marbuta strettament bħalma kienu fil-bidu. Imma l-mandat missjunarju, li hu iżjed mid-diakonia u mill-promozzjoni tal-iżvilupp uman, ma jistax jintesa u lanqas jitbattal. Joħroġ mill-identità tagħna. It-tħabbira tal-Vanġelu sal-ibgħad trufijiet tal-art hi ħaġa waħda man-natura tagħna ta’ Nsara. Bla dubju, il-mod li bih inħaddmu l-missjoni jvarja skont iż-żminijiet u l-postijiet u, quddiem it-tentazzjoni, pjuttost rikorrenti, li nimponu ruħna skont il-loġika tad-dinja, hemm bżonn niftakru li l-Knisja ta’ Kristu tikber bl-attrazzjoni.

 

Imma fiex tikkonsisti din il-qawwa li tiġbed? Żgur mhux fl-ideat, l-istrateġiji jew il-programmi tagħna: f’Ġesù Kristu ma nemmnux permezz ta’ ġabra ta’ kunsensi, u l-Poplu ta’ Alla ma nistgħux nirriduċuh għal-livell ta’ organizzazzjoni mhux governattiva. Le, il-qawwa li tiġbed qiegħda kollha f’dak id-don sublimi li rebaħ lill-Appostlu Pawlu: “Irrid nagħraf lilu [lil Kristu] u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu” (Fil 3:10). Dan hu l-uniku ftaħir tagħna: “l-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu” (2 Kor 4:6), mogħti lilna mill-Ispirtu li jagħti l-ħajja. Dan hu t-teżor li aħna, ġarar dgħajfa tal-fuħħar (ara v. 7), irridu noffru lil din id-dinja tagħna maħbuba u mġarrba. Ma nkunux fidili għall-missjoni fdata f’idejna jekk nirriduċu dan it-teżor għall-valur ta’ umaniżmu purament immanenti, adattabbli għall-moda tal-mument. U nkunu ħarriesa ħżiena jekk ikun moħħna biss kif sa nippreservawh, u nidfnuh għax nibżgħu mill-provokazzjonijiet tal-isfidi tad-dinja (ara Mt 25:25).

 

Dik li tassew neħtieġu hi qabża ġdida ta’ evanġelizzazzjoni. Aħna msejħin inkunu poplu li jgħix u jaqsam flimkien il-ferħ tal-Vanġelu, li jfaħħar lill-Mulej u jaqdi lill-aħwa, b’qalb imkebbsa bix-xewqa li tiftaħ ixfqa ta’ tjieba u ta’ ġmiel dejjem ġodda lil min għadu ma kellux il-grazzja li jagħraf tassew lil Ġesù. Jiena konvint li, jekk tikber il-ħeġġa missjunarja, toktor ukoll l-għaqda bejnietna. Bħalma fil-bidu t-tħabbira mmarkat ir-rebbiegħa tal-Knisja, hekk l-evanġelizzazzjoni tista’ timmarka t-twarrid ta’ rebbiegħa ekumenika ġdida. Bħal fil-bidu, ejjew ningħaqdu flimkien f’komunjoni madwar l-Imgħallem, mhux mingħajr ma niregħxu mħabba t-tidwir kontinwu tagħna, u ngħidulu, flimkien ma’ Pietru: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68).

 

Għeżież ħuti, xtaqt nieħu sehem personalment fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju tal-Kunsill anki biex intenni l-impenn tal-Knisja Kattolika fil-kawża ekumenika u biex inħeġġeġ iktar il-koperazzjoni mal-Knejjes-membri u mas-sieħba ekumeniċi. Hawn nixtieq nieqaf jien ukoll xi ftit fuq il-motto magħżul għal dan il-jum: Nimxu – Nitolbu – Naħdmu flimkien.

 

Nimxu: iva, imma lejn fejn? Fid-dawl ta’ dak li għidt, nissuġġerixxi moviment doppju: ’il ġewwa u ’l barra. ’Il ġewwa, biex kontinwament nimxu lejn iċ-ċentru, biex nagħrfu li aħna friegħi mlaqqma fl-unika dielja li hu Ġesù (ara Ġw 15:1-8). Ma nistgħux nagħmlu frott mingħajr ma ngħinu lil xulxin biex nibqgħu magħquda miegħu. ’Il barra, lejn l-għadd ta’ periferiji eżistenzjali tal-lum, biex flimkien inwasslu l-grazzja li tfejjaq tal-Vanġelu lill-umanità li qed tbati. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex tabilħaqq mexjin jew dan hux biss tpaċpiċ, jekk aħniex inressqu lil ħutna għand il-Mulej u huma tassew għal qalbna jew inkella humiex imbiegħda mill-interessi veri tagħna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna wkoll jekk il-mixja tagħna hix lura fuq l-istess passi tagħna jew hix waħda li b’konvinzjoni ħierġa lejn id-dinja biex twasslilha lill-Mulej.

 

Nitolbu: anki fit-talb, bħal fil-mixi, ma nistgħux nimxu ’l quddiem waħidna, għax il-grazzja ta’ Alla, aktar milli skont il-keffa tal-individwu, tixtered fl-armonija bejn dawk li jemmnu u jinħabbu. Meta ngħidu “Missierna” tidwi fina l-identità tagħna ta’ wlied, imma anki l-fatt li aħna aħwa. It-talb hu l-ossiġnu tal-ekumeniżmu. Mingħajr it-talb, il-komunjoni tibda taqtgħalna n-nifs u ma timxix ’il quddiem, għax inkunu nżommu lin-nifs tal-Ispirtu milli jmexxiha ’l quddiem. Nistaqsu lilna nfusna: kemm qed nitolbu għal xulxin? Il-Mulej talab biex inkunu ħaġa waħda: qed nixbhuh f’dan?

 

Naħdmu flimkien. Hawn nixtieq intenni li l-Knisja Kattolika tagħraf l-importanza speċjali tal-ħidma li qed twettaq il-Kummissjoni Fidi u Kostituzzjoni u tixtieq tkompli tikkontribwixxi permezz tal-parteċipazzjoni ta’ teologi tal-ogħla kwalifika. It-tiftix ta’ Fidi u Kostituzzjoni għal viżjoni komuni tal-Knisja u l-ħidma tagħha fuq id-dixxerniment tal-kwistjonijiet morali u etiċi jmissu punti kruċjali tal-isfida ekumenika. Bl-istess mod, il-preżenza attiva tal-Kummissjoni għall-Missjoni u l-Evanġelizzazzjoni; il-kollaborazzjoni mal-Uffiċċju għad-Djalogu Interreliġjuż u l-Koperazzjoni, dan l-aħħar fuq it-tema importanti tal-edukazzjoni għall-paċi; it-tħejjija konġunta tat-testi għall-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Insara u bosta forom oħra ta’ sinerġija, huma elementi kostituttivi ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha u ppruvata. Barra minn hekk, napprezza r-rwol essenzjali tal-Istitut Ekumeniku ta’ Bossey fil-formazzjoni ekumenika tal-ġenerazzjonijiet żgħar ta’ responsabbli pastorali u akkademiċi ta’ tant Knejjes u Konfessjonijiet Insara mad-dinja kollha. Il-Knisja Kattolika issa ilha ħafna snin tikkollabora f’din l-opra edukattiva bil-preżenza ta’ professur Kattoliku fil-Fakultà; u kull sena ikolli l-pjaċir li nsellem il-grupp ta’ studenti li jagħmlu ż-żjara ta’ studju f’Ruma. Nixtieq insemmi wkoll, bħala sinjal tajjeb ta’ “relazzjoni ekumenika”, is-sehem dejjem jikber ta’ ħafna fil-Jum ta’ talb għall-għożża tal-ħolqien.

 

Barra minn dan kollu, il-ħidma tipikament ekkleżjali għandha sinonimu magħruf sewwa: id-djakonija. Hi t-triq li fiha nimxu wara l-Imgħallem, li “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi” (Mk 10:45). Is-servizz varjat u intent tal-Knejjes-membri tal-Kunsill isib espressjoni emblematika fil-Pellegrinaġġ ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Il-kredibbiltà tal-Vanġelu tiġi ppruvata mill-mod kif l-Insara jwieġbu għall-għajta ta’ dawk kollha, f’kull rokna tad-dinja, li jisfaw inġustament vittmi taż-żieda traġika ta’ esklużjoni li, waqt li tnissel il-faqar, tkebbes il-ġlied. Id-dgħajfin dejjem huma iżjed imwarrba, bla ħobż, xogħol u futur, waqt li l-għonja huma dejjem inqas fin-numru u dejjem jistagħnew iżjed. Inħossuna sfidati mill-karba ta’ dawk li qed ibatu, u tiġina ħniena minnhom, għax “il-programm tan-Nisrani hu qalb li tara” (Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est, 31). Ejjew naraw x’nistgħu nagħmlu konkretement, pjuttost milli naqtgħu qalbna mħabba dak li mhux possibbli. Inħarsu wkoll lejn ħafna minn ħutna li, f’bosta partijiet tad-dinja, speċjalment fil-Lvant Nofsani, qed ibatu għax huma Nsara. Inkunu qrib tagħhom. U niftakru li qabel il-mixja ekumenika tagħna u magħha, hemm ekumeniżmu li diġà twettaq, l-ekumeniżmu tad-demm, li jsejħilna biex nibqgħu mexjin ’il quddiem.

 

Nagħmlu l-qalb lil xulxin biex negħlbu t-tentazzjoni li nassolutizzaw paradigmi kulturali determinati u li nħallu l-interessi personali jirkbuna. Ngħinu lill-bnedmin ta’ rieda tajba jagħtu spazju ikbar lil sitwazzjonijiet u ġrajjiet li jolqtu tant partijiet tal-umanità, imma li jokkupaw post wisq fil-ġenb tad-dinja kbira tal-informazzjoni. Ma nistgħux ma nagħtux kas, u ta’ min jinkwieta meta xi Nsara jidhru indifferenti għal min qed ibati. Iżjed ta’ swied il-qalb hi l-konvinzjoni ta’ dawk li jaħsbu li l-ġid li għandhom hu sinjal ċar ta’ preferenza divina, flok sejħa biex jaqdu b’responsabbiltà lill-familja tal-bnedmin u jħarsu l-ħolqien. Fuq l-imħabba għall-proxxmu, għal kull proxxmu, il-Mulej, is-Samaritan it-tajjeb tal-umanità (ara Lq 10:29-37), jisfidana (ara Mt 25:31-46). Mela ejjew nistaqsu: x’nistgħu nagħmlu flimkien? Jekk hemm servizz li hu possibbli, għax ma nippjanawhx u nwettquh flimkien, biex nibdew induqu minn fraternità iżjed intensa fit-tħaddim tal-karità konkreta?

 

Għeżież ħuti, inġedded ir-radd il-ħajr tiegħi lilkom. Ħa ngħinu lil xulxin fil-mixja, it-talb u l-ħidma tagħna flimkien biex, bl-għajnuna ta’ Alla, l-għaqda toktor u d-dinja temmen. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard