“Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15:4). Dawn il-kelmiet, imlissna minn Ġesù fil-kuntest tal-Aħħar Ċena, jiġbduna lejn il-qalb ta’ Kristu ftit qabel l-għotja sħiħa tiegħu fuq is-salib. Nistgħu nħossu t-taħbitiet ta’ mħabbtu għalina u x-xewqa tiegħu li dawk kollha li jemmnu fih ikunu ħaġa waħda bejniethom. Qed jgħidilna li hu d-dielja vera u aħna l-friegħi; u li, kif hu ħaġa waħda mal-Missier, hekk aħna jeħtieġ nibqgħu magħqudin fih, jekk irridu nagħmlu l-frott.

 

F’din il-laqgħa ta’ talb, hawn f’Lund, nixtiequ nuru x-xewqa komuni tagħna li nibqgħu ħaġa waħda fih biex ikollna l-ħajja. Nitolbuh: “Mulej, bil-grazzja tiegħek għinna nkunu iktar magħqudin miegħek biex flimkien nagħtu xhieda iżjed qawwija ta’ fidi, tama u mħabba”. Hu wkoll il-mument li rroddu ħajr lil Alla għall-ħidma ta’ tant aħwa, ta’ bosta komunitajiet ekkleżjali, li ma rrassenjawx ruħhom għall-firda, imma żammew mixgħula t-tama tar-rikonċiljazzjoni bejn dawk kollha li jemmnu f’Mulej wieħed.

 

Kattoliċi u Luterani bdejna mexjin flimkien fit-triq tar-rikonċiljazzjoni. Issa, fil-kuntest tal-koemmemorazzjoni komuni tar-Riforma tal-1517, għandna opportunità ġdida li nilqgħu din il-mixja komuni, li ħadet sura fl-aħħar ħamsin sena fid-djalogu ekumeniku bejn il-Federazzjoni Luterana Dinjija u l-Knisja Kattolika. Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna għall-firda u għad-distanza li l-firda ħolqot bejnietna. Għandna l-possibbiltà li nsewwu mument kruċjali tal-istorja tagħna, negħlbu l-kontroversji u n-nuqqas ta’ ftehim li spiss żammewna milli nifhmu lil xulxin.

 

Ġesù jgħidilna li l-Missier hu sid id-dielja (ara v. 1), li jieħu ħsiebha u jiżborha biex tagħti l-frott (ara v. 2). Il-Missier il-ħin kollu ħsiebu fir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, biex jara jekk aħniex tassew magħqudin miegħu (ara v. 4). Iħares fuqna, u b’ħarstu kollha mħabba jagħmlilna l-qalb biex insaffu l-imgħoddi tagħna u llum nitħabtu biex inwettqu dak il-ġejjieni ta’ għaqda li tant jixtieq għalina.

 

Aħna wkoll għandna nħarsu bi mħabba u onestà lejn l-imgħoddi tagħna u nagħrfu l-iżbalji li għamilna u nitolbu maħfra għalihom: Alla waħdu hu l-imħallef tagħna. Bl-istess onestà u mħabba rridu nagħrfu li l-firda ta’ bejnietna kienet qed tbegħidna mill-intuwizzjoni oriġinarja tal-poplu ta’ Alla, li b’mod naturali jixxennaq biex jibqa’ magħqud, u ġiet imġebbda fl-istorja minn bnedmin ta’ poter ta’ din id-dinja iktar milli b’rieda tal-poplu fidil, li dejjem u kullimkien għandu bżonn jitmexxa biċ-ċertezza u l-ħlewwa tar-Ragħaj it-Tajjeb tiegħu. Madankollu, miż-żewġ naħat kien hemm rieda sinċiera li jistqarru u jħarsu l-fidi vera, imma konxji wkoll li aħna magħluqin fina nfusna minħabba fil-biża’ jew il-preġudizzju lejn il-fidi li jistqarru l-oħrajn b’aċċent u lingwaġġ differenti minn tagħna. Il-Papa Ġwanni Pawlu II qal: “M’għandniex inħallu jmexxina l-ħsieb li nogħlew ’il fuq qisna konna l-imħallfin tal-istorja, imma biss dak li nifhmu aħjar il-ġrajjiet u li nwasslu l-verità” (Messaġġ lill-Kardinal Johannes Willebrands, President tas-Segretarjat għall-Għaqda tal-Insara, 31 ta’ Ottubru 1983). Alla hu sid id-dielja, u bi mħabba tal-għaġeb isaqqiha u jħarisha; inħallu l-ħarsa ta’ Alla tqanqalna; l-unika ħaġa li hu jixtieq hi li nibqgħu magħqudin bħal friegħi ħajja ma’ Ibnu Ġesù. B’din il-ħarsa ġdida lejn l-imgħoddi m’aħniex nippretendu li nistgħu nwettqu korrezzjoni impossibbli ta’ dak li seħħ, imma li “nirrakkontaw din l-istorja b’mod differenti” (Kummissjoni Luterana-Kattolika Rumana għall-għaqda, Mill-kunflitt għall-komunjoni, 17 ta’ Ġunju 2013, 16).

 

Ġesù jfakkarna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Hu dak li jweżinna u jinkuraġġina nfittxu l-modi biex din l-għaqda nagħmluha realtà dejjem iżjed evidenti. Bla dubju ta’ xejn il-firda kienet għajn kbir ta’ tbatija u ta’ tilwim; imma fl-istess waqt wasslitna biex b’sinċerità nagħrfu li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, u tatna l-possibbiltà li nifhmu aħjar ċerti aspetti tal-fidi tagħna. Bi gratitudni nagħrfu li r-Riforma kellha sehem kbir biex l-Iskrittura Mqaddsa tqiegħdet iktar fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja. Bis-smigħ komuni tal-Kelma ta’ Alla fl-Iskrittura, id-djalogu bejn il-Knisja Kattolika u l-Federazzjoni Luterana Dinjija, li tiegħu qed niċċelebraw il-ħamsin anniversarju, medd passi importanti. Nitolbu lill-Mulej li l-Kelma tiegħu żżommna magħquda, għax hi għajn ta’ ġid u ta’ ħajja; mingħajr it-tnebbiħ tagħha ma nistgħu nagħmlu xejn.

 

L-esperjenza spiritwali ta’ Martinu Luteru tisfidana u tfakkarna li mingħajr Alla ma nistgħu nagħmlu xejn. “Kif jista’ jkolli Alla ħanin?”. Din hi l-mistoqsija li l-ħin kollu kienet tħabbat lil Luteru. Fil-fatt, il-kwistjoni tar-relazzjoni tajba ma’ Alla hi l-kwistjoni deċiżiva tal-ħajja. Kif hu magħruf, Luteru skopra lil dan Alla ħanin fil-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu inkarnat, mejjet u rxoxt. Il-kunċett ta’ “bil-grazzja ta’ Alla waħdu” jfakkarna li hu dejjem Alla li jieħu l-inizjattiva u li hu jkun hemm qabel kull tweġiba umana, fl-istess mument li fih ifittex iqanqal din it-tweġiba. Għalhekk id-duttrina tal-ġustifikazzjoni tesprimi l-essenza tal-ħajja tal-bniedem quddiem Alla.

 

Ġesù jidħol għalina bħala medjatur quddiem il-Missier, u jitolbu għall-għaqda tad-dixxipli tiegħu “biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21). Dan hu li jfarraġna u jwassalna biex ningħaqdu ma’ Ġesù biex nitolbu bil-ħeġġa: “Agħtina d-don tal-għaqda biex id-dinja temmen fil-qawwa tal-ħniena tiegħek”. Din hi x-xhieda li d-dinja qed tistenna minna. Bħala Nsara nkunu xhieda kredibbli tal-ħniena skont kemm il-maħfra, it-tiġdid u r-rikonċiljazzjoni jkunu esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum bejnietna. Flimkien nistgħu nxandru u nuru konkretement u bil-ferħ il-ħniena ta’ Alla, waqt li nħarsu u naqdu d-dinjità ta’ kull persuna. Mingħajr dan is-servizz lid-dinja u fid-dinja, il-fidi Nisranija tibqa’ mhix sħiħa.

 

Luterani u Kattoliċi, nitolbu flimkien f’dan il-Katidral, konxji li mingħajr Alla ma nistgħu nagħmlu xejn; nitolbu l-għajnuna tiegħu biex inkunu membri ħajjin magħqudin miegħu, dejjem fil-bżonn tal-grazzja tiegħu biex nistgħu flimkien inwasslu l-Kelma tiegħu lid-dinja, li teħtieġ il-ħlewwa u l-ħniena tiegħu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard