VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FL-IŻVEZJA

(31 TA’ OTTUBRU – 1 TA’ NOVEMBRU 2016)

 QUDDIESA FL-ISTADJU TA’ SWEDBANK F’MALMÖ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

It-Tlieta 1 ta’ Novembru 2016

 

Mal-Knisja kollha llum qed niċċelebraw is-solennità tal-Qaddisin Kollha. Hekk niftakru mhux biss f’dawk li ġew ipproklamati qaddisin matul l-istorja, imma anki f’tant minn ħutna li għexu l-ħajja Nisranija tagħhom fil-milja tal-fidi u tal-imħabba permezz ta’ ħajja sempliċi u moħbija. Bla dubju, fost dawn, hemm ħafna mill-qraba u l-ħbieb tagħna, u minn dawk li nafu.

 

Għalhekk qed niċċelebraw il-festa tal-qdusija. Dik il-qdusija li, xi kultant, ma tidhirx f’opri kbar jew f’suċċessi straordinarji, imma li taf tgħix fedelment u ta’ kuljum dak li titlob il-Magħmudija. Qdusija magħmula minn imħabba lejn Alla u lejn l-aħwa. Imħabba fidila li tasal biex tinsa lilha nfisha u tingħata għalkollox lill-oħrajn, bħall-ħajja ta’ dawk l-ommijiet u dawk il-missirijiet li jissagrifikaw ħajjithom għall-familji tagħhom u jafu minn qalbhom jiċċaħħdu, imqar jekk dan ma jkunx dejjem faċli, minn tant ħwejjeġ, tant proġetti jew pjanijiet personali.

 

Imma jekk hemm xi ħaġa li tikkaratterizza lill-qaddisin, din hi li huma tabilħaqq hienja. Skoprew is-sigriet tal-hena awtentiku, li jgħammar fil-qiegħ tar-ruħ u għandu l-għajn tiegħu fl-imħabba ta’ Alla. Għalhekk il-qaddisin huma msejħa henjin. Il-Beatitudnijiet huma t-triq tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, lejn is-Sema pajjiżhom. Il-Beatitudnijiet huma t-triq tal-ħajja li l-Mulej jurina, biex nistgħu nimxu fuq il-passi tiegħu. Fil-Vanġelu tal-lum, smajna kif Ġesù jipproklamahom quddiem ġemgħa kbira fuq muntanja qrib l-għadira tal-Galilija.

 

Il-Beatitudnijiet huma l-profil ta’ Kristu u, konsegwentement, tan-Nisrani. Minnhom nixtieq insemmi waħda: “Henjin ta’ qalbhom ħelwa”. Ġesù jgħid hekk dwaru nnifsu: “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Dan hu r-ritratt spiritwali tiegħu u jikxfilna l-għana ta’ mħabbtu. Il-qalb ħelwa hi mod kif inkunu u ngħixu li jqarribna lejn Ġesù u jgħaqqadna miegħu; jgħinna nwarrbu għall-ġenb dak kollu li jifridna u jġellidna, u biex infittxu modi dejjem iktar ġodda kif nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-għaqda, kif għamlu wlied din l-art, fosthom Santa Marija Eliżabetta Hesselblad, ikkanonizzata dan l-aħħar, u Santa Briġida, Brigitta Vadstena, kompatruna tal-Ewropa. Dawn talbu u ħadmu biex jinsġu rabtiet ta’ għaqda u ta’ komunjoni bejn l-Insara. Sinjal elokwenti ħafna hu li propju hawn, f’pajjiżhom, ikkaratterizzat mill-konvivenza ta’ popli differenti ħafna minn xulxin, aħna qed infakkru flimkien il-ħames ċentinarju tar-Riforma. Il-qaddisin iġibu l-bidla grazzi għall-ħlewwa ta’ qalbhom. Biha nifhmu l-kobor ta’ Alla u nqimuh bis-sinċerità; u barra minn hekk dan hu l-atteġġjament ta’ min m’għandu xejn x’jitlef, għax l-għana waħdieni tiegħu hu Alla.

 

Il-Beatitudnijiet huma b’xi mod il-karta tal-identità tan-Nisrani, li tidentifikah bħala dixxiplu ta’ Ġesù. Aħna msejħin inkunu henjin, dixxipli ta’ Ġesù, u naffrontaw it-tbatija u l-uġigħ ta’ żmienna bl-istess spirtu u mħabba ta’ Ġesù. F’dan is-sens, nistgħu nsemmu sitwazzjonijiet ġodda biex ngħixuhom bi spirtu mġedded u dejjem attwali: henjin dawk li jġarrbu bil-fidi l-ħażen li oħrajn iġibu fuqhom u jaħfru mill-qalb; henjin dawk li jħarsu f’għajnejn min hu mwarrab u juruh li huma qrib tiegħu; henjin dawk li jagħrfu lil Alla f’kull persuna u jissieltu biex oħrajn ukoll jiskopruh fiha; henjin dawk li jħarsu u jikkuraw id-dar komuni tagħna; henjin dawk li jiċċaħħdu milli jkunu sew huma għall-ġid tal-oħrajn; henjin dawk li jitolbu u jaħdmu għall-komunjoni sħiħa tal-Insara… Dawk kollha jġorru f’ħoġorhom il-ħniena u l-ħlewwa ta’ Alla, u żgur għad jirċievu minnu l-ħlas mistħoqq.

 

Għeżież ħuti, is-sejħa għall-qdusija hi għal kulħadd u jeħtieġ nilqgħuha mingħand il-Mulej bi spirtu ta’ fidi. Il-qaddisin jagħmlulna l-qalb b’ħajjithom u bl-interċessjoni tagħhom quddiem Alla, u aħna għandna bżonn ta’ xulxin biex insiru qaddisin. Ngħinu lil xulxin insiru qaddisin! Flimkien nitolbu l-grazzja li nilqgħu bil-ferħ din is-sejħa u naħdmu flimkien biex inwassluha sat-tmiem. Lil Ommna tas-Sema, Sultana tal-Qaddisin kollha, nafdawlha l-intenzjonijiet u d-djalogu tagħna għat-tiftix tal-komunjoni sħiħa tal-Insara kollha, biex inkunu mbierka fl-isforzi tagħna u nilħqu l-qdusija fl-għaqda.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard