Gheżież tfal, għeżież żgħażagħ!

Jien ħejjejt dan id-diskors biex ngħidilkom ... imma, huma ħames paġni!  Xi ftit jgħajjik...

Nagħmlu hekk: jien nagħmel ġabra fil-qosor u wara ngħaddih, bil-miktub, lill-Patri Provinċjal, u nagħtih ukoll lill-Patri Lombardi, biex intom ukoll ikollkom kopja bil-miktub.  Wara hemm il-possibilta’ li wħud minnkom jagħmlu mistoqsija u nistgħu nagħmlu djalogu żgħir.  Jgħoġobkom hekk, jew le?  Iva?  Sewwa.  Nimxu f’din it-triq.

L-ewwel punt f’dawn il-folji hu li fl-edukazzjoni li nagħtu lill-Ġiżwiti, iċ-ċavetta hija – għall-iżvilupp tagħna tal-persuna – il-qalb kbira.  Aħna għandna nkunu b’qalb kbira, ikollna qalb kbira, mingħajr biza’.  Naspiraw dejjem għal ideali kbar.  Imma anke ikollna qalb kbira bl-affarijiet żgħar, bl-affarijiet ta’ kuljum.  Il-qalb wiesgha, il-qalb kbira.  U din li jkollna qalb kbira huwa importanti li nsibuha ma’ Ġesu’, fil-kontemplazzjoni ta’ Ġesu’.  Ġesu’ huwa dak li jiftħilna t-twieqi lejn l-oriżżont.  Li jkollok qalb kbira jfisser timxi ma’ Ġesu’, bil-qalb attenta għal dak li jgħidilna Ġesu’.  Fuq din it-triq nixtieq ngħid xi ħaġa lill-edukaturi, dawk li jaħdmu fl-iskejjel, u lill-ġenituri.  Teduka.  Fl-edukazzjoni hemm bilanċ li jrid jinżamm, irid jinżamm il-bilanċ tajjeb meta nimxu:  pass wieħed sod mibni fuq is-sigurta, imma l-ieħor jimxi fiż-żona tar-riskju.  U meta dak ir-riskju jsir sigurta’, il-pass l-ieħor ifittex żona oħra ta’ riskju.  Ma tistax teduka biss fiż-żona tas-sigurta’: le.  Dan hu li jfixkel personalita’ milli tikber.  Imma wkoll ma tistax teduka biss fiż-żona tar-riskju: dan huwa wisq perikoluż.  Ftakruh tajjeb dan il-bilanċ tal-passi.

Wasalna fl-aħħar paġna.  U lilkom, edukaturi, irrid nagħmel kuraġġ ukoll biex tfittxu forom ġodda ta’ edukazzjoni mhux konvenzjonali, skont il-ħtiġijiet tal-postijiet, taż-żminijiet u tal-persuni.  Dan huwa importanti, fl-ispiritwalita’ tagħna Injazjana: immorru dejjem “aktar”, u ma nkunux fil-paċi bil-ħwejjeġ konvenzjonali.  Infittxu forom ġodda skont il-postijiet, iż-żminijiet u l-persuni.  Nagħmlilkom kuraġġ għal dan.

U issa, jien lest biex inwieġeb xi mistoqsijiet li tixtiequ tagħmlu: it-tfal u l-edukaturi.  Jien lest.  Għidt lill-Patri Provinċjal biex jgħinni f’dan.

Patri Provinċjal: Santita’, il-mistoqsijiet ma kienux imħejjija, għalhekk ħudhom hekk kif jiġu?  Ok.  Biex tkun taf, hekku...

Tfajjel:  Jisimni Francesco Bassani, mill-Istitut Leone XIII.  Jien tifel li, kif ktibt fl-ittra tiegħi lilek, Papa, infittex li nemmen.  Jiena nfittex... infittex, iva, biex inkun fidil.  Imma għandi xi diffikultajiet.  Xi drabi jiġuni xi dubbji.  U nemmen li dan huwa assolutament normali fl-eta’ tiegħi.  Issa li inti sirt il-Papa li nemmen li nibqa’ ngħożż aktar fit-tul f’qalbi, fil-ħajja tiegħi, għaliex qed niltaqa’ miegħek f’din il-fażi tal-adolexxenza, meta qed nikber, irrid nitolbok kelmtejn biex isaħħaħni biex u tgħin lit-tfal bħali.

Il-Papa:  Li timxi hija arti, għaliex jekk nimxu dejjem bil-għaġġla, ngħajjew u ma nkunux nistgħu naslu sat-tmiem, sat-tmiem tal-mixja.  Imma jekk nieqfu u ma nimxux, l-anqas naslu sal-aħħar.  Li timxi hija proprju l-arti li tħares lejn l-oriżżont, naħseb fejn jien irrid immur, imma wkoll tissaporti l-għejja tal-mixja.  U f’ħafna okkażżjonijiet, il-mixja tkun diffiċli, mhux ħafifa.  “Jien irrid nibqa’ fidil lejn din il-mixja, imma mhux ħaġa ħafifa, tħoss: hemm id-dlam, hemm jiem ta’ dlam, ta’ jiem ukoll ta’ falliment, u xi ġurnata wkoll meta naqgħu... wieħed jaqa’, jaqa’...”.  Imma aħsbu dejjem f’dan: la tibżgħux mill-fallimenti, la tibżgħux mill-waqgħat.  Fl-arti tal-mixi, dak li jgħodd huwa mhux li ma taqax, imma li “ma nibqgħux imwaqqgħin”.  Inqumu malajr, bla telf ta’ żmien, u kompli miexi.  U dan hu s-sabiħ: dan hu li taħdem kull jum, dan hu li timxi bħala bniedem.  Iżda wkoll: huwa ikrah li nimxu weħidna, ikrah u jdejjqek.  Li nimxu bħala komunita’, mal-ħbieb, ma’ dawk li jridulna l-ġid: dan jgħinna, jgħinna biex naslu proprju fil-għan li fih għandna naslu.  Ma nafx jekk weġibtx għall-mistoqsija tiegħek.  Ftehemna? Tibżax timxi!  Grazzi.

Tfajla:  Hekku jiena Sofia Grattarola mill-Istitut Massimiliano Massimo.  U xtaqt insaqsik, billi inti, bħat-tfal kollha, meta kontu fl-elementari, kellkom ħbieb, hux tassew?  U issa li inti Papa , tarhom issa dawn il-ħbieb...

Il-Papa: Jien issa ili Papa xahrejn u nofs.  Ħbiebi jinsabu 14-il siegħa ajruplan bogħod minn hawn.  Imma rrid ngħidlek xi ħaġa: tlieta minnhom ġew ifittxuni biex isellmuli, u narhom u jiktbuli, u nħobbhom ħafna.  Ma tistax tgħix bla ma jkollok ħbieb; dan huwa importanti, huwa importanti.

Tifla [Tereża]: Imma inti kont tixtieq issir Papa?  Franġisku, imma inti kont tixtieq issir Papa?

Il-Papa: Inti taf xi tfisser li persuna ma tkunx tixtieq ġid hekk kbir għaliha nnifisha?  Persuna  li tixtieq, li jkollha x-xewqa li ssir Papa ma tixtieqx tajjeb lilha nnifisha.  Alla ma jbierkux.  Le, jiena ma ridtx insir Papa.  Inti tajba?  Ejja, ejja, ejja ...

Waħda mara:  Santità, jiena Monica u din Antonella li nagħmlu parti mill-kor tal-Istudenti tas-Sema tal-Istitut Soċjali ta’ Torin.  Nixtiequ nsaqsuk: minħabba l-fatt li aħna, li ġejna edukati fl-iskejjel tal-Ġiżwiti, inkunu spiss mistiedna biex nirriflettu fuq l-ispiritwalita’ ta’ Sant’Injazju, nixtiequ nsaqsuk:  meta inti għażilt il-ħajja konsagrata, x’kienet dik il-ħaġa li mbuttatek biex tkun Ġiżwita u mhux saċerdot djoċesan jew ta’ xi Ordni ieħor?  Grazzi.

Il-Papa: Jiena kont alloġġjat diversi drabi fis-Sociale ta’ Torin.  Nafu tajjeb.  Dak li lili l-aktar għoġobni fil-Kumpannija hija l-missjonarjeta’ u kont nixtieq insir missjunarju.  U meta kont qed nistudja l-filosofija, ktibt lill-Ġeneral – le, waqt it-teoloġija – ktibt lill-Ġeneral, li kien Padre Arruppe, biex jibgħatni l-Ġappun, jew xi mkien ieħor.  Imma huwa ħasibha tajjeb, u qalli b’ħafna mħabba: “Imma inti kont marid fil-pulmun, dak mhux tajjeb għal xogħol hekk iebes”, u bqajt Buenos Aires.  Imma hu kien daqshekk twajjeb, Padre Arruppe, għax ma qallix: “Imma, inti m’intix daqshekk qaddis biex tkun missjunarju”: kien twajjeb, kellu mħabba.  U dak li tani tant qawwa biex insir Ġiżwita hija l-missjonarjeta’: tmur barra, tmur fil-missjonijiet biex tħabbar lil Ġesu’ Kristu.  Nemmen li din hija proprja tal-ispiritwalita’: tmur barra, toħroġ, toħroġ dejjem biex ixxandar lil Ġesu’ Kristu, u mhux tibqa’ xi ftit magħluq fl-istrutturi tagħna, ħafna drabi strutturi li jkunu qed jaqgħu jew għadda żmienhom.  Dan huwa li qanqalni.  Grazzi.

Mara: Hekku, jiena Caterin de Marchis mill-Istitut Leone XIII u nixtaqsi: Għaliex inti, inti, irrinunzjajt għall-għana kollu ta’ Papa, bħal appartament lussuż, jew karozza kbira, u minn flok mort f’appartament żgħir qrib, jew mort bl-awtobus tal-Isqfijiet.  Kif qatt irrinunzjajt għall-għana?

Il-Papa: Imma, nemmen li mhux biss hija ħaġa ta’ għana.  Għalija hija problema ta’ personalita’: din hija.  Jien għandi ħtieġa li ngħix qalb in-nies, u jekk ngħix waħdi, forsi xi ftit maqtugħ, ma jagħmillix tajjeb.  Din il-mistoqsija għamilhieli wieħed professur: “Imma inti għax ma tmurx tgħix hemmhekk?”.  Jien weġibt: “Imma, ismagħni, professur: għal motivi psikjatriċi”.  Hija l-personalita tiegħi.  L-appartament ukoll, dak [tal-Palazz Pontifiċju] mhux daqshekk lussuż, serraħ rasek ... Imma jien ma nistax ngħix waħdi, fhimtni?  U mbagħad, nemmen, iva, iż-żminijiet ikellmuna fuq tant faqar fid-dinja, u dan huwa skandlu.  Il-faqar tad-dinja huwa skandlu.  F’dinja fejn hemm tant u tant rikkezzi, tant riżorsi biex jingħata ikel lil kulħadd, ma tistax tifhem kif hawn tant tfal bil-ġuħ, hawn tant tfal mingħajr edukazzjoni, tant nies fqar!  Il-faqar, illum, huwa għajta.  Aħna lkoll jeħtieġilna naħsbu jekk nistgħux insiru xi ftit aktar fqar:  dan ukoll, ilkoll jeħtieġilna nagħmluh.  Kif jien nista’ nsir ftit aktar fqir biex nixbah aktar lil Ġesu’ li kien l-Imgħallem fqir.  Din hija l-ħaġa.  Imma mhux problema ta’ virtu’ tiegħi personali, hija biss li jiena ma nistax ngħix waħdi, u dik ukoll tal-karozza, li semmejt int: ma jkollokx tant affarijiet u ssir ftit aktar fqir.  Dan hu.

Tifel:   Jien jisimni Eugenio Serafini, jien mill-Istitut Cei, Centru Edukattiv Injazjan.  Nixtieq nagħmillek mistoqsija qasira:  imma kif għamilt meta ddeċidejt li ssir mhux Papa, iżda kappillan, issir Ġiżwita?  Kif għamilt?  Ma kienx diffiċli twarrab u tħalli l-familja, il-ħbieb, ma kienx diffiċli għalik?

Il-Papa:   Isma’, huwa dejjem diffiċli: dejjem.  Għalija kien diffiċli.  Mhix ħaġa ħafifa.  Hemm mumenti sbieħ, u Ġesu’ jgħinek, jagħtik ftit ferħ.  Imma hemm mumenti diffiċli, meta inti tħossok waħdek. Tħossok f’nixfa, mingħajr ferħ ta’ ġewwa.  Hemm mumenti mhux ċari, ta’ dlam interjuri.  Hemm diffikultajiet.  Imma hija ħaġa sabiħa wisq  timxi wara Ġesu’, tmur fit-triq ta’ Ġesu’, li wara inti ssib il-bilanċ u timxi ‘l quddiem.  U mbagħad jaslu mumenti aktar sbieħ.  Imma ħadd m’għandu jaħseb li fil-ħajja ma jkunx hemm diffikultajiet.  Jien ukoll nixtieq nagħmel mistoqsija issa:  Kif taħsbu intom li timxu ‘l quddiem bid-diffikultajiet?  Mhux ħafif.  Imma jeħtieġilna nimxu ‘l quddiem bil-qawwa u bil-fiduċja fil-Mulej, mal-Mulej, kollox nistgħu.

Żgħażugħa:  Salve, jisimni Federica Iaccarino, u ġejja mill-Istitut Pontano ta’ Napli.  Nixtieq nitolbok kelma għaż-żgħażagħ tallum, għall-futur taż-żgħażagħ tallum, meta nafu li l-Italja tinsab f’qagħada ta’ diffikultajiet kbar.  U nixtieq nitolbok għajnuna biex inkunu nistgħu nwassluha biex tkun aħjar, għajnuna għalina biex immexxu ‘l quddiem dawn iż-żgħażagħ, lilna ż-żgħażagħ.

Il-Papa:  Inti tgħid li l-Italja tinsab f’mument diffiċli.  Iva, hemm kriżi.  Imma jiena ngħidlek: Mhux l-Italja biss.  Id-dinja kollha, f’dan il-waqt, hija f’mument ta’ kriżi.  U l-kriżi, il-kriżi mhix ħaġa kerha.  Huwa veru li l-kriżi ġġegħelna nbatu, imma jeħtieġilna – u intom iż-żgħażagħ fuq kollox – jeħtieġilna nagħarfu naqraw il-kriżi.  Din il-kriżi, xi tfisser?  X’għandi x’nagħmel jien biex ngħin noħorġu mill-kriżi?  Il-kriżi li aħna f’dan il-waqt qed ngħixu hija kriżi umana.  Jgħidu: imma hija kriżi ekonomika, hija kriżi tax-xogħol.  Iva, huwa minnu.  Imma għaliex?  Għaliex din il-problema tax-xogħol, din il-problema tal-ekonomija, huma konsegwenzi tal-problema kbira umana.  Dak li huwa fi kriżi huwa l-valur tal-persuna umana, u aħna għandna niddefendu il-persuna umana.  F’dan il-waqt ... imma, jiena ġa rrakkuntajt dan tlitt darbiet, imma ntennieh għar-raba’ darba.  Darba qrajt, darba, rakkont ta’ rabbin medjevali, tas-sena 1200.  Dan ir-rabbin kien ifisser lil-Lhud ta’ dawk iż-żminijiet l-istorja tat-Torri ta’ Babel.  Il-bini tat-Torri ta’ Babel ma kienx ħaġa ħafifa: riedu jħejju l-madum, blokki żgħar, u dawn kif isiru?  Ifittxu t-tajn, it-tiben, iħalltuhom,  jeħduhom fil-forn: kien xogħol kbir.  U wara dan ix-xogħol, kull maduma kienet issir teżor tassew!  Wara kienu jtellgħu l-madum fil-għoli biex jibnu t-Torri ta’ Babel.  Jekk kienet taqa’ xi maduma, kienet traġedja; il-ħaddiem li kienet taqgħalu l-maduma kien jiġi kkastigat, kienet traġedja!  Imma jekk kien jaqa’ xi bniedem, ma kien jiġri xejn!  Din hija l-kriżi li qed ngħixu llum, din: hija l-kriżi tal-persuna. Illum il-persuna ma tgħoddx, jgħoddu l-flus, jgħoddu l-flus.  U Ġesu’, Alla ta l-ħolqien kollu lid-dinja, tah lill-persuna, lir-raġel u lill-mara, biex iġiebuh ‘il quddiem, mhux għall-flus.  Hija kriżi, il-persuna hija fi kriżi għaliex illum il-persuna – isimgħu sewwa dan huwa veru – hija skjava!  U aħna għandna neħilsu lilna nfusna minn dawn l-istrutturi ekonomiċi u soċjali li qegħdin ijassruna.  U dan hu d-dmir tagħkom.

Tifel: Jisimni Francesco Vin, u jien mill-Kulleġġ Sant’Injazju ta’ Messina.  Nixtieq insaqsik jekk qattx kont fi Sqallija.

Il-Papa: Le.  Nista’ ngħid żewġ affarijiet.  Le, u sa issa le.

It-tifel:  Jekk tiġi, nkunu nistennewk!

Il-Papa: Ngħidlek ħaġa waħda: dwar Sqallija naf film tassew sabiħ li kont rajt għaxar snin ilu, li jismu Kaos, bl-ewwel ittra “k”: Kaos Huwa film mibni fuq erba’ rakkonti ta’ Pirandello, u huwa sabiħ ħafna dal-film.  Stajt nara is-sbuħija kollha ta’ Sqallija.  Din hija l-unika ħaġa li naf dwar Sqallija.  Imma hija sabiħa!

Professur: Santita’, jiena professur Jesús Maria Martínez… [f’dan il-waqt kien hemm applaws, li wkoll immarkaw mumenti varji tad-djalogu bejn il-Papa u dawk li ħadu sehem fl-udjenza].

Il-Papa: Imma, għandek is-supporters!

Il-Professur: Jiena ngħallem l-Ispanjol, għax jiena Spanjol: minn San Sebastian.  Ngħallem ukoll ir-reliġjon, u nista’ ngħid li l-għalliema, il-professuri, nixtiequlek ħafna ġid: dan hu żgur.  Mhux qed nitkellem f’isem ħadd, imma waqt li nara ħafna ex-studenti, hafna personalitajiet ukoll, u anke aħna stess adulti, għalliema, edukati mill-Ġiżwiti, insaqsi dwar l-impenna tagħna fil-politika, fis-soċjal, fis-soċjeta’, bħala adulti fl’iskejjel immexxija mill-Ġiżwiti.  Tista’ tgħidilna kelma: kif l-impenn tagħna, ix-xogħol tagħna llum, fl-Italja, fid-dinja, jista’ jkun b’marka ġizwita, jista’ jkun evanġeliku.

 Il-Papa:   Tajjeb ħafna.  Li ninvolvu ruħna fil-politika huwa obbligu għan-nisrani.  Aħna l-insara ma nistgħux “nilgħabu ta’ Pilatu”, naħslu jdejna: ma nistgħux.  Jeħtieġilna ninvolvu lilna nfusna fil-politika, għaliex il-politika hija waħda mill-forom l-aktar għolja tal-imħabba, għaliex tfittex il-ġid komuni.  U l-lajċi nsara għandhom jaħdmu fil-politika.  Inti tgħidli: “Mhux ħaġa ħafifa!”.   Imma anqas li tkun saċerdot ma huwa ħafif.  M’hemmx affarijiet ħfief fil-ħajja.  Mhux ħafif, il-politika tħammġet iżżejjed; imma jiena nsaqsi: tħammġet, għaliex? Għaliex l-insara ma nvolvewx ruħhom fil-politika bi spirtu evanġeliku? Jiena nħallik b’mistoqsija waħda: hija ħaġa ħafifa ngħidu “il-ħtija hija ta’ dak”.  Imma jiena x’qiegħed nagħmel?  Huwa dmir!  Li naħdmu għall-ġid komuni huwa dmir ta’ kull nisrani!  U ħafna drabi t-triq biex naħdmu hija l-politika.  Hemm toroq oħra: professur, per eżempju, hija triq oħra.  Imma l-ħidma politika għall-ġid komuni hija waħda mit-toroq.  Dan huwa ċar.

Żgħażugħ: Padre, jiena jisimni Giacomo.  Tassew jiena hawn minix waħdi, illum, imma ġibt miegħi għadd kbir ta’ tfal, li huma tfal tal-Lega Missjunarja tal-Istudenti.  Huwa moviment li jiġbor fih studenti xi ftit mill-kulleġġi kollha, f’kull kulleġġ għandna xi ftit il-Lega Missjunarja Studenti.  Għalhekk, Padre, qabel xejn ir-radd il-ħajr tiegħi u wkoll tat-tfal kollha li ħassejt ukoll f’dawn il-jiem, għaliex miegħek fl-aħħar sibna dak il-messaġġ ta’ tama li qabel konna nħossuna mġegħela nfittxu mill-ġdid niġġerrew mad-dinja.  Issa, waqt li nistgħu nħossuh f’darna hija xi ħaġa għalina ta’ qawwa kbia ħafna.  Fuq kollox, Padre, jekk tippermettili ngħidlek, minn imkien, minn post, dan id-dawl xegħel f’dan il-post li fih aħna ż-żgħażagħ konna qegħdin tassew nitilfu t-tama.  Għalhekk, grazzi, għaliex wasal tassew fil-fond.  Il-mistoqsija tiegħi hija din: Padre, aħna, kif inti taf sewwa mill-esperjenza tiegġek, tgħallimna nesperimentaw, biex ngħixu ma’ ħafna tipi ta’ faqar, li huma faqar materjali – niftakar mal-faqar tal-ġemellaġġ tagħna fil-Kenya – il-faqar spiritwali – niftakar fir-Rumanija, niftakar fil-pjagi tat-taqlib politiku, niftakar fl-alkoħoliżmu.  Għalhekk, Padre, jien irrid nistaqsik: Kif nistgħu aħna ż-żgħażagħ ngħixu ma’ dan il-faqar?  Kif għandna nġibu rwieħna?

Il-Papa:  qabel xejn, nixtieq ngħid xi ħaġa lilkom ilkoll żgħażagħ: tħallu lil ħadd jisirqilkom it-tama!  Nitlobkom bil-ħniena, tħallux min jisraqielkom!  U min jisraqhielek it-tama?  L-ispirtu tad-dinja, il-għana, l-ispirtu tal-vanita’, is-suppervja, il-kburija.  Dawn il-ħwejjeġ kollha jisirqulek it-tama.  Fejn insibha t-tama?  F’Ġesu’ fqir, Ġesu’ li sar fqir għalina.  U inti tkellimt mill-faqar.  Il-faqar jitlob minna li niżirgħu t-tama, biex jiena wkoll ikolli aktar tama.  Dan jidher li huwa daqsxejn diffiċli biex tifhmu, imma niftakar li Padre arruppe darba kiteb ittra tajba għaċ-Ċentri ta’ tfittix soċjali.  Imma fl-aħħar qalilna, qal lilna lkoll: “Ħarsu, ma nistgħux nitkellmu mill-faqar mingħajr ma nagħmlu l-esperjenza mal-fqar”.  Inti tkellimt mill-ġemellaġġ mal-Kenya:  l-esperjenza mal-fqar.  Ma nistgħux nitkellmu mill-faqar, mill-faqar astratt, dak ma jeżistix!  Il-faqar huwa l-laħam ta’ Ġesu’ fqir, f’dak it-tifel ċkejken li għandu l-ġuħ, f’dak li huwa marid, f’dawk l-istrutturei soċjali li huma nġusti.  Morru, ħarsu lejn il-laħam ta’ Ġesu’.  Imma tħallux il-ġid jisirqilkom it-tama , l-ispirtu tal-ġid li,  fl-aħħar, iwasslek biex issir xejn fil-ħajja.  Iż-żgħażugħ  irid jilgħab ħajtu fuq ideali għoljin: dan hu l-parir.  Imma t-tama fejn insibha?  Fil-ġisem ta’ Ġesu’ li jsofri u fil-faqar veru.  Hemm rabta bejn it-tnejn.  Grazzi.

Issa nagħti lil kulħadd, lilkom ilkoll, lill-familji kollha tagħkom, lil kulħadd, il-Barka tal-Mulej.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap


Diskors li l-Papa kien lesta biex jaqra ...

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Papa qal li jieħu bħallikieku moqri d-diskors li huwa kien ħejja u li kellu jagħti lill-istampa; wara ta ġabra fil-qosor tiegħu u sawwar djalgu ma’ dawk li kienu qed jieħdu sehem fl-Udjenza.

Hawn id-diskors imħejji mill-Papa, imbagħad il-ġabra fil-qosor li hu ta waqt il-laqgħa u mbagħad id-djalgu li seħħ wara.

Għeżież tfal, għeżież żgħażagħ,

Kuntent li qed nilqagħkom flimkien mal-familji tagħkom, l-edukaturi u l-ħbieb tal-familja kbira tal-Iskejjel tal-Ġiżwiti Taljani u tal-Albanija.  Għalikom ilkoll it-tislima tiegħi ta’ mħabba: Merħba bikom!  Magħkom ilkoll inħossni tassew “tal-familja”.  U l-laqgħa tagħna llum f’din is-solennita’ tal-Qalb ta’ Ġesu’ hija motiv ta’ ferħ speċjali.

Nixtieq mill-ewwel ngħidilkom ħaġa li tirreferi għal Sant’Injazju, il-fundatur tagħna.  Fil-ħarifa tal-1537, meta mar Ruma mal-grupp tal-ewwel imseħbin tiegħu, huwa saqsa lilu nnifsu: jekk isaqsuna min aħna, xi nweġbuhom?  It-tweġiba ġiet spontanja: “Ngħidu li aħna il-“Kumpannija ta’ Ġesu’”!  (Fontes Narrativi Societatis Iesu, vol 1, pp 320-322).  Huwa isem impenjattiv, li ried juri relazzjoni ta’ ħbiberija ta’ ġewwa ħafna, ta’ mħabba sħiħa għal Ġesu’ li l-passi tiegħu riedu jimxu fuqhom.  Għalfejn irrakkuntajtilkom dan il-fatt?  Għaliex Sant’Injazju u l-imseħbin tiegħu kienu fehmu li Ġesu’ kien għallimhom kif jgħixu tajjeb, kif jirrealiżżaw ħajja li jkollha sens profond, li tagħti entużjażmu, ferħ u tama; huma kienu fehmu li Ġesu’ huwa mgħallem kbir ta’ ħajja u mudell ta’ ħajja, u mhux biss kien għallimhom, imma li stedinhom biex jimxu warajh f’din it-triq.

Għeżież tfal, kieku issa kelli nagħmlilkom il-mistoqsija: għalfejn tmorru l-iskola, x’kontu tweġbuni?  Probabbli kien ikun hemm ħafna tweġibiet skont is-sensibilita’ ta’ kull wieħed.  Imma jien naħseb li nistgħu niġbru kollox billi ngħidu li l-iskola huwa wieħed mill-ambjenti edukattivi li fihom wieħed jikber biex jitgħallem jgħix, biex insiru rġiel u nisa adulti u maturi, kapaċi li nimxu, li nterrqu fit-triq tal-ħajja.  Kif tgħinkom l-iskola biex tikbru?  Tgħinkom mhux biss fl-iżvilupp tal-intelliġenza tagħkom, imma għal formazzjoni sħiħa ta’ dak kollu li jsawwar il-personalita’ tagħkom.

Meta nimxu fuq dak li jgħallimna Sant’Injazju, l-element ewlieni fl-iskola hu li titgħallem ikollok qalb kbira.  Qalb kbira:  din il-virtu’ tal-kbir u taż-żgħir (Ma tagħmilx b’mod li ddaħħal l-ikbar f’dak li hu iżgħar, hija ħaġa divina), li ġġagħalna nħarsu dejjem lejn l-oriżżont.  Xi jfisser tgħid tkun ta’ qalb kbira?  Ifisser li jkollok il-qalb kbira, ikollok kobor tar-ruħ, ifisser ikollok ideali kbar, ix-xewqa li twettaq ħwejjeġ kbar biex twieġeb għal dak li Alla jitlobna, u proprju minħabba dan inwettqu sewwa il-ħwejjeġ ta’ kuljum, l-azzjonijiet kollha ta’ kuljum, l-impenji, il-laqgħat mal-persuni; tagħmel il-ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum b’qalb kbira miftuħa għal Alla u għall-oħrajn.  Huwa importanti għalhekk li tieħdu ħsieb il-formazzjoni umana li għandha bħala skop li jkollok qalb kbira.  L-iskola ma twessax id-dimensjoni intellettwali biss tagħkom, imma anke dik umana.  U naħseb li b’mod partikulari l-iskejjel tal-Ġiżwiti huma attenti li jiżviluppaw il-virtujiet umani: il-lealta’, ir-rispett, il-fedelta’, l-impenn.  Nixtieq nieqaf fuq żewġ valuru fundamentali: il-liberta’ u s-servizz.  Qabel kollox kunu persuni ħielsa!  Xi rrid ngħid b’dan?  Forsi xi ħadd jaħseb li l-liberta’ tfisser li tagħmel dak kollu li jgħoġbok; jew inkella tidħol f’avventuri ta’ esperjenzi-limitati biex idduq il-pjaċir eċċitanti u tirbaħ id-dwejjaq.  Din mhix liberta’.  Liberta’ tfisser tkun taf tirrifletti fuq dak li nagħmlu, tkun taf tiżen dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, liema huma dawk l-imġibiet li jgħinu biex nikbru, jiġifieri tagħżel dejjem it-tajjeb.  Aħna liberi għat-tajjeb.  U għal dan m’għandkomx tibżgħu tmorru kontra l-kurrent, anke jekk din mhux ħaġa ħafifa!  Li tkun ħieles biex dejjem tagħżel it-tajjeb huwa impenjattiv, imma dan jagħmilkom persuni li jkollkom sinsla, li tagħarfu tiffaċċjaw il-ħajja, persuni ta’ kuraġġ u paċenzja (parresia e ypomoné).  It-tieni kelma hija il-qadi.  Fl-iskejjel tagħkom intom tieħdu sehem f’attivitajiet varji li jdarrukom ma tingħalqux fikom infuskom jew fid-dinja żgħira tagħkom, imma li jiftħukom għall-oħrajn, l-aktar għal dawk l-aktar fqar u fil-ħtieġa, li taħdmu biex ittejbu d-dinja li fiha qed ngħixu.  Kunu rġiel u nisa mal-oħrajn u għall-oħrajn, kampjunu tassew fil-qadi għall-oħrajn.

Biex tkunu ta’ qalb kbira b’ħelsien interjuri u spirtu ta’ qadi hija meħtieġa l-formazzjoni spiritwali.  Għeżież tfal, għeżież żgħażagħ, ħobbu dejjem aktar lil Ġesu’ Kristu!  Il-ħajja tagħna hija tweġiba għas-sejħa tiegħu u intom tkun hienja u tibnu sewwa ħajjitkom jekk tagħarfu twieġbu għal din is-sejħa.  Ħossu l-preżenza tal-Mulej f’ħajjitkom.  Huwa jinsab qrib ta’ kull wieħed u waħda minnkom, bħala kumpann, bħala ħabib, li jaf jgħinkom u jifhimkom, u jinkuraġġikom fil-mumenti diffiċli u qatt ma jabbandunakom.  Fit-talb, fid-djalogu miegħu, fil-qari tal-Iskrittura, tiskopru li Huwa hu tassew qrib.  U tgħallmu wkoll taqraw is-sinjali t’Alla fil-ħajja tagħkom.  Huwa dejjem ikellimna, anke bil-ġrajjiet ta’ żmienna u tal-ħajja tagħna ta’ kuljum; jiddependi minna li nisimgħuh.

Ma rridx inkun twil iż-żejjed, imma nixtieq inwassal kelma speċjali lill-edukaturi wkoll: lill-Ġiżwiti, lill-għalliema, lil dawk li jmexxu l-iskejjel tagħkom u lill-ġenituri.  Taqtgħux qalbkom quddiem id-diffikultajiet li l-isfida edukattiva tippreżenta!  Li teduka mhux xogħol, imma hu atteġġjament, mod li tkun; biex teduka jeħtieġ li wieħed jew waħda joħorġu minnhom infushom u tkunu qalb iż-żgħażagħ, takkumpanjawhom fil-fażijiet meta jkunu qed jikbru u tqegħedu lilkom infuskom ma’ ġenbhom.  Agħtuhom it-tama, ottimiżmu fil-mixja tagħhom fid-dinja.  Għallmuhom jaraw is-sbuħija u t-tjubija tal-ħolqien u tal-bniedem, li dejjem jħaddan ix-xbiha tal-Ħallieq.  Imma fuq kollox kunu xhieda bil-ħajja tagħkom ta’ dak li tikkomunikawlhom.  Edukatur – Ġiżwita, għalliem, ħaddiem, genitur – jittrasmetti kuxjenzi, valuri bil-kelma tiegħu, imma jolqot lit-tfal fil-laħam il-ħaj jekk kliemu jkun akkumpanjat bix-xhieda, bil-koerenza ta’ ħajtu.  Mingħajr koerenza ma nistgħux nedukaw!  Intom ilkoll edukaturi, m’hemmx delega f’dan il-qasam.  Il-kollaborazzjoni għalhekk fi spirtu ta’ għaqda u ta’ komunita’ bejn il-komponenti edukattivi diversi huwa essenzjali u ta’ min jinkuraġġiha u jsaħħaħha.  Il-kulleġġ jista’ u jeħtieġ li jkun il-mutur, ikun il-post fejn tiltaqa’ u tkun flimkien il-komunita’ kollha li teduka bi skop wieħed li tifforma, tgħin u tkabbar f’persuni maturi, sempliċi, kompetenti u onesti, li jkunu jafu jħobbu bil-fedelta’, li jagħarfu jgħixu l-ħajja bħala tweġiba għas-sejħa t’Alla, u l-professjoni futura bħala servizz lis-soċjeta’.   Lill-Ġiżwiti mbagħad irrid ngħidilhom li huwa importanti l-impenn tagħhom fil-qasam edukattiv.  L-iskejjel huma strument prezzjuż biex jingħata sehem fil-mixja tal-Knisja u tas-soċjeta’ kollha.  Il-qasam edukattiv, imbagħad, ma jillimtax ruħu għall-iskola konvenzjonali.  Agħmlu kuraġġ u fittxu forom ġodda ta’ edukazzjoni mhux bħal tas-soltu skont “il-ħtieġa tal-postijiet, taż-żminijiet u tal-persuni”.

Fl-aħaħrnett insellem lill-ex-studenti kollha hawn preżenti, lir-rappreżentanti tal-iskejjel Taljani tal-Fergħa Fe y Alegria, li naf tajjeb minħabba x-xogħol kbir li jwettqu fl-Amerka t’Isfel, l-aktar mal-gruppi l-aktar fqar.  U nsellem b’mod partikulari lid-delegazzjoni tal-Collegio albanese degli Scrutari,  li wara tant snin meta l-istituzzjonijiet reliġjużi kienu kontrolloati, mill-1994 bdew mill-ġdid ħidmiethom, jilqgħu u jedukaw tfal kattoliċi, ortodossi, musulmani u anke tfal imwielda f’kuntesti familjari bla twemmin.  Hekk l-iskola ssir post ta’ djalogu u konfront seren, biex iġibu ‘l quddiem atteġġjamenti ta’ rispett, smiegħ, ħbiberija u spirtu ta ħidma flimkien.

Għeżiez ħbieb, inroddilkom ħajr ilkoll għal din il-laqgħa.  Nirrikmandakom għall-interċessjoni materna ta’ Marija u l-barka tiegħi takkumpanjakom: il-Mulej hu dejjem qrib tagħkom, iqajjimkom fil-waqgħat tagħkom u jsaħħaħkom biex tikbru u tkomplu twettqu għażliet dejjem aktar għolja “b’qalb kbira u bil-liberta’” b’qalb kbira.  Għall-Akbar Glorja t’Alla.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap