(Padre Lombardi)

Hawn aħna.  Mela, diġà ninsabu fit-titjira lura ta’ dan il-vjaġġ qasir imma intens ħafna.  Segwejna b’ammirazzjoni ż-żewġ diskorsi twal u impenjattivi li għamilt; diġà għidtilna ħafna affarijiet.  Imma l-ġurnalisti dejjem jifdlilhom xi mistoqsija x’jagħmlu.  Aħna ħejjejna ħamsa: ara int tridx twieġeb għall-ħamsa li huma.  Allura, għandna żewġ Franċiżi – billi qegħdin fi Franza, f’ċertu sens – u ngħaddu l-kelma mill-ewwel lil Renaud Bernard mill-France Télévision:

 

(Renaud Bernard)

Santità, il-lejla t-tajba.  Bi pjaċir qed nagħmillek din il-mistoqsija f’isem il-ġurnalisti Franċiżi.  Dal-għodu, quddiem il-Parlament Ewropew, int tajt diskors bi kliem pastorali imma bi kliem li jista’ jinstema’ bħala kliem politiku, u li fil-fehma tiegħi wieħed jista’ jqarrbu lejn sentiment soċjo-demokratiku.  Nista’ naqbad eżempju qasir, meta int tgħid li rridu nevitaw li l-qawwa reali espressiva tal-popli tixxejjen quddiem il-qawwiet multinazzjonali.  Nistgħu ngħidu li int Papa soċjo-demokratiku?

 

(Il-Papa Franġisku)

Għażiż, dan hu riduzzjoniżmu!  Jien hemm inħossni f’kollezzjoni ta’ insetti: “Dan hu insett soċjo-demokratiku…”.  Le, ma naħsibx: ma nafx jekk hux Papa soċjo-demokratiku jew le…  Jien ma nissograx nikkwalifika lili nnifsi fuq naħa jew fuq oħra.  Nissogra ngħid biss li dan ġej mill-Vanġelu: dan hu l-messaġġ tal-Vanġelu, applikat mid-Duttrina Soċjali tal-Knisja.  Jien fil-konkret, f’dan u fi ħwejjeġ oħra – soċjali jew politiċi – li għidt, qatt ma tbegħidt mid-Duttrina Soċjali tal-Knisja.  Id-Duttrina Soċjali tal-Knisja ħierġa mill-Vanġelu u mit-Tradizzjoni Nisranija.  Dak li għidt – l-identità tal-poplu – hu valur evanġeliku, le?  F’dan is-sens ngħidu.  Imma ġagħaltni nitbissem, grazzi!

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna lilek, Santità.  U issa ngħaddu l-kelma lil Jean-Marie Guénois, ta’ Le Figaro, anki hu f’isem il-Franċiżi:

 

(Jean-Marie Guénois)

Santità, ma kien hemm kważi ħadd dal-għodu fit-toroq ta’ Stasburgu.  Qalu li n-nies ħassitha deluża.  Ma jiddispjaċikx li ma mortx iżżur il-Katidral ta’ Strasburgu, li din is-sena għalaq elf sena?  U meta bi ħsiebek tagħmel l-ewwel vjaġġ tiegħek fi Franza, u fejn?  Forsi Lisieux?

 

(Il-Papa Franġisku)

Le, għadu m’hux ipprogrammat, imma żgur ta’ min imur Pariġi, le?  Imbagħad, hemm proposta li nżur Lourdes…  Jien staqsejt hemmx xi belt li fiha qatt ma mar Papa, biex insellem liċ-ċittadini tal-post.  Imma għad m’hemm l-ebda pjan.  Le, fil-każ ta’ Strasburgu, ħsibna f’dan, imma kieku kelli nżur il-katidral din diġà kienet titqies żjara fi Franza, u din kienet il-problema.

 

(Padre Lombardi)

F’kull każ, l-Isqof ta’ Strasburgu qal li rregala lill-Papa żewġ volumi sbieħ ħafna fuq il-katidral, biex hu jkun jista’ jistudja u jqalleb personalment.

 

Mela, issa ngħaddu l-kelma lil Giacomo Galeazzi minn La Stampa li qed jirrappreżenta xi ftit lill-ġurnalisti Taljani preżenti fuq it-titjira:

 

(Giacomo Galeazzi)

Santità, il-lejla t-tajba.  Fid-diskors lill-Kunsill ta’ l-Ewropa laqatni l-kunċett tat-trasversalità, li int semmejt, u b’mod partikulari rriferejt għal-laqgħat li int kellek ma’ politiċi żgħażagħ minn diversi pajjiżi, u appuntu tkellimt ukoll dwar il-ħtieġa ta’ xi tip ta’ patt bejn il-ġenerazzjonijiet, ta’ ftehim bejn il-ġenerazzjonijiet fuq il-ġnub ta’ din it-trasversalità.  Imbagħad, jekk tippermettili, kurżità personali: veru li int devot ta’ San Ġużepp?

 

(Il-Papa Franġisku)

u żgur

 

(Giacomo Galeazzi)

u li fil-kamra tiegħek għandek statwa tiegħu?

 

(Il-Papa Franġisku)

Iva!  Dejjem, meta tlabt xi ħaġa lil San Ġużepp, tahieli.

 

Il-fatt tat-“trasversalità” hu importanti.  Fid-djalogi tiegħi mal-politiċi żgħażagħ, fil-Vatikan, fuq kollox minn diversi partiti u pajjiżi, rajt li huma jitkellmu b’mużika differenti li tinklina lejn it-trasversalità: dan hu valur!  Huma ma jibżgħux joħorġu mill-appartenenza tagħhom, mingħajr ma jiċħduha, imma joħorġu biex jiddjalogaw.  U huma kuraġġjużi!  Naħseb li din hi xi ħaġa ta’ min jimitaha; u anki d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet.  Dan il-ħruġ biex insibu persuni ta’ appartenenzi oħra u niddjalogaw: l-Ewropa għandha bżonn ta’ dan, il-lum.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Alonso Martínez Javier Maria, li jekk m’iniex sejjer żball dan hu l-ewwel vjaġġ internazzjonali li qed jagħmel.  Qed jirrappreżenta lill-Ispanjoli u nagħtuh dan l-unur li jagħmel mistoqsija lill-Papa:

 

(Alonso Martínez Javier Maria)

Il-lejla t-tajba, Santità.  Din hi mistoqsija min-naħa tal-ġurnalisti Spanjoli, li huma interessati fil-biċċa.  Fit-tieni diskors tiegħek, dak lill-Kunsill ta’ l-Ewropa, int tkellimt dwar id-dnubiet ta’ wlied il-Knisja.  Nixtieq naf kif ħadtha l-aħbar fuq il-biċċa ta’ Granada, li int b’xi mod tfajt dawl fuqha…

 

(Il-Papa Franġisku)

Intbagħtet lili bil-miktub, qrajtha, ċempilt lill-persuna u għidtilha: “Int għada mur għand l-Isqof”; u ktibt lill-Isqof biex jibda x-xogħol, jagħmel l-indaġni u jimxi.  Kif ħadtha?  Bi swied il-qalb kbir, tnikkitt ħafna.  Imma l-verità hi l-verità, u ma nistgħux naħbuha.

 

(Padre Lombardi)

Allura, mistoqsija ta’ l-aħħar tagħmilha Andreas Englisch, f’isem il-ġurnalisti tal-gruppi tal-lingwi l-oħra.

 

(Andreas Englisch)

Santità, għandi l-unur li nagħmel mistoqsija f’isem il-grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali.  Int spiss tkellimt, issa fid-diskorsi fi Strasburgu, kemm dwar it-theddida terroristika u kemm dwar it-theddida ta’ l-iskjavitù: dawn huma atteġġjamenti tipiċi anki ta’ l-Istat Islamiku, li qed jhedded parti kbira mill-Mediterran, qed jhedded anki lil Ruma u anki lilek, lill-persuna tiegħek.  Int temmen li anki ma’ dawn l-estremisti nistgħu niftħu djalogu, jew taħseb li dan hu każ mitluf?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jiena qatt ma ngħid li hu każ mitluf, qatt.  Forsi ma jistax ikollna djalogu, imma qatt ma nistgħu nagħlqu l-bieb.  Hu diffiċli, tista’ tgħid “kważi impossibbli”, imma l-bieb jibqa’ dejjem miftuħ.  Int użajt darbtejn il-kelma “theddida”: veru, it-terroriżmu hu realtà ta’ theddid…  Imma l-iskjavitù hi realtà preżenti fit-tessut soċjali tal-lum, imma ilha!  Ix-xogħol fl-iskjavitù, it-traffikar tal-persuni, il-kummerċ tat-tfal… din drama!  Ma nistgħux nagħlqu għajnejna quddiem dan!  L-iskjavitù l-lum hi realtà, l-isfruttament tal-persuni…  U mbagħad hemm it-theddida ta’ dawn it-terroristi.  Imma hemm anki theddida oħra, u dan hu t-terroriżmu ta’ l-Istat.  Meta l-ħwejjeġ jikbru, jikbru, jikbru u kull Stat waħdu jħossu li għandu d-dritt li jimmassakra t-terroristi, u mat-terroristi jmutu ħafna li huma innoċenti.  U din hi anarkija ta’ l-ogħla livell li hi perikuluża ħafna.  Mat-terroriżmu rridu neħduha, imma ntenni dak li għidt fl-aħħar vjaġġ tiegħi: meta niġu biex inwaqqfu l-aggressur inġust, dan irid isir bil-kunsens internazzjonali.

 

(Padre Lombardi)

Allura, kien għad fadal xi mistoqsija, l-aħħar waħda:

 

(Caroline Pigozzi)

Santità, l-għodwa t-tajba.  Ridt naf jekk int meta vvjaġġajt għal Starsburgu, fil-qalb tiegħek ivvjaġġajtx bħala Suċċessur ta’ Pietru, bħala Isqof ta’ Ruma, jew inkella bħala Arċisqof ta’ Buenos Aires…

 

(Il-Papa Franġisku)

Caroline moħħha jilħqilha ħafna  Ma nafx, verament ma nafx.  Immanivvjaġġa, naħseb, bit-tliet affarijiet flimkien, għax qatt m’għamilt lili nnifsi din il-mistoqsija.  Int qed iġġagħalni naħseb ftit!

 

(Caroline Pigozzi)

Mistoqsija ta’ mara

 

(Il-Papa Franġisku)

Le, imma veru  Il-memorja hi ta’ Arċisqof ta’ Buenos Aires, imma dan m’għadux jeżisti.  Issa jien l-Isqof ta’ Ruma u s-Suċċessur ta’ Pietru, u nemmen li qed nivvjaġġa b’dik il-memorja imma b’din ir-realtà: nivvjaġġa b’dawn il-ħwejjeġ.  Lili l-Ewropa bħalissa tħassibni; u dan jgħinni nibqa’ miexi ’l quddiem, u dan bħala Isqof ta’ Ruma u Suċċessur ta’ Pietru: hemm jien Ruman.

 

Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom!  Kienet tassew ġurnata importanti.  Grazzi, grazzi ħafna.  Tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi lilek, Santità, li sibt anki dan il-ħin biex toqgħod magħna wara din il-ġurnata hekk mimlija.

 

(Il-Papa Franġisku)

Grazzi lilkom.  L-ikla t-tajba.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard