Għeżież ħuti, 

Inħossni kuntent li qed nilqa’ lilkom rappreżentanti tad-dinja tal-isports, flimkien mal-Awtoritajiet u d-delegati ta’ Komunitajiet Reliġjużi oħra, li ġejtu fil-Vatikan biex timmanifestaw, kif juri t-titlu tal-Konferenza Internazzjonali, is-servizz prezzjuż li l-isports jagħti lill-umanità.  Insellmilkom bir-rikonxxenza.  Insellem b’mod partikolari lill-Kardinal Gianfranco Ravasi, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura; lis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda tal-Ġnus, is-Sur Ban Ki-moon; lill-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, is-Sur Thomas Bach. 

L-isports hu attività umana tal-akbar valur, bil-ħila li jgħani l-ħajja tal-persuni, li hu ta’ tgawdija u ferħ tal-irġiel u n-nisa ta’ kull nazzjon, etnija u twemmin reliġjuż.  Propju dawn l-aħħar xhur rajna kif il-Logħob Olimpku u Paralimpiku kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni tad-dinja kollha.  Il-motto olimpiku “altius, citius, fortius” hu stedina għall-iżvilupp tat-talenti mogħtijin minn Alla.  Meta naraw lill-atleti jagħmlu l-almu tagħhom kollu biex juru ħilithom, kważi kważi nħossuba kburin.  Hemm sbuħija kbira fl-armonija ta’ ċerti movimenti kif ukoll fis-saħħa jew fil-logħob tat-timijiet.  F’dawn iċ-ċirkostanti l-isport jittraxxendi l-livell tal-fiżiċità fiha nfisha u jerfgħana fl-arena tal-ispirtu u addirittura tal-misteru.  U dawn il-waqtiet iġorru magħhom ferħ kbir u sodisfazzjon, li jista’ jinqasam bejn kulħadd, minkejja li wieħed ma jkunx hu li kien qed  jikkompeti. 

Karatteristika importanti oħra tal-isports hi li mhuwiex riservat biss għal min għandu ħila jikseb riżultati kbar.  Hemm ukoll sport dilettantistiku, amatorjali, ta’ rikreazzjoni, li m’għandux għan kompetittiv, imma li jippermetti lil kulħadd itejjeb saħħtu u l-kundizzjoni fiżika tiegħu, jitgħallem jaħdem f’tim, isir jaf jirbaħ imma wkoll jitlef.  Għaldaqstant hu importanti li kulħadd ikollu l-possibiltà li jieħu sehem f’attivitajiet sportivi, u jien kuntent li fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħkom, f’dawn il-ġranet, hemm l-impenn li tiżguraw li l-isports isir dejjem aktar inklussiv u li l-benefiċċji tiegħu ikunu verament aċċessibbli għal kulħadd. 

It-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna għandhom aspett komuni bejniethom: li jiżguraw ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna umana. Għalhekk hu sabiħ li nafu li l-istituzzjonijiet sportivi dinjija, huma kommessi biex bil-kyraġġ iseddqu l-valur tal-inklużjoni.  Il-moviment paralimpiku flimkien ma’ assoċjazzjonijiet sportivi oħra li jaħdmu favur il-persuni b’diżabiltà, bħalma huma l-Olimpjadi Speċjali, kellhom rwol deċisiv biex jgħinu lill-pubbliku japprezza u jammira l-kisbiet sportivi straordinarji ta’ atleti b’abbiltajiet u ħiliet differenti.  Dawn l-avvenimenti jtuna esperjenzi li fihom b’mod ammirevoli, jispikkaw il-kobor u l-purezza tal-ġest sportiv. 

Imma f’dal-ħin qed naħseb ukoll f’dawk il-bosta tfal u żgħażagħ li jgħixu fix-xifer tas-soċjetà.   Ilkoll nafu kemm ikunu entużjasti t-tfal li jilgħabu b’ballun mifqugħ jew taċ-ċraret fis-subborgi ta’ xi bliet kbar, jew fit-toroq tal-villaġġi żgħar.  Irrid ninkoraġġixxi lil kulħadd – istituzzjonijiet, soċjetajiet sportivi, realtajiet edukattivi u soċjali, komunitajiet reliġjużi – biex jaħdmu flimkien ħalli dawn it-tfal ikollhom aċċess għall-isports f’kundizzjonijiet dinjitużi, speċjalment dawk li huma esklużi mill-attivitajiet sportivi minħabba l-faqar.  Inħossni hieni li naf li fil-konvenju hemm preżenti l-fundaturi tal-Homeless Cup u fundazzjonijet oħra li permezz tal-isports, joffru possibiltà ta’ żvilupp uman integrali lil min hu l-aktar żvantaġġjat. 

Nixtieq intikom ukoll biċċa xogħol, sfida għalikom, rappreżentanti tal-isports u tal-ażjendi li jisponsoriżżaw l-avvenimenti sportivi. L-isfida hi li żżommu l-isport ġenwin, tħarsuh mill-manipulazzjonijiet u mill-isfruttament kummerċjali.  Ikun ta’ ħsara għall-isports u għall-umanità, jekk in-nies ma jibqgħalhiex fiduċja fil-verità tar-riżultati sportivi, jew jekk iċ-ċiniżmu u l-illużjoni jieħdu post l-entużjażmu u l-parteċipazzjoni ferrieħa u diżinteressata.  Fl-isports, l-istess bħal fil-ħajja, hu importanti li wieħed jitqabad biex jikseb riżultat, imma hu aktar importanti li jilgħab tajjeb u bil-lealtà!  Tinsewx, ilkoll kemm aħna m’għandniex ninsew dik il-kelma sabiħa li tingħad dwar l-isports veru: sport amateur (sports amatorjali). 

Għaldaqstant irroddilkom ħajr ilkoll għall-isforzi li tagħmlu biex teqirdu kull għamla ta’ korruzzjoni u manipolazzjoni.  Naf li għaddejja kampanja mmexxija mill-Ġnus Magħquda biex tiġġieled il-kankru tal-korruzzjoni f’kull qasam tas-soċjetà.  Meta n-nies titħabat biex toħloq soċjetà aktar ġusta u trasparenti, tkun qed tikkollabora ma’ Alla.  Aħna wkoll, li aħna responsabbli minn diversi komunitajiet reliġjużi, irridu nagħtu sehemna f’dan il-proġett.  Fejn għandha x’taqsam, il-Knisja Kattolika hija impenjata fid-dinja tal-isports biex twassal il-ferħ tal-Evanġelju, l-imħabba inklussiva u mingħajr kundizzjoni ta’ Alla, lejn il-bnedmin kollha. 

Nawguralkom li dawn il-ġranet ta’ laqgħa u riflessjoni jtukom iċ-ċans li tesploraw il-ġid lil-isports u l-fidi jistgħu iwasslu fis-soċjetajiet tagħna.  Inħalli kull opra li tagħmlu f’idejn Alla, kull stennija u kull tama, u minn qalbi ninvoka fuq kull wieħed u waħda minnkom il-barka tiegħU; u, nitlobkom biex, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber