Onorevoli Deputati u Senaturi,

Nilqagħkom bil-ferħ u rrodd ħajr lill-President tal-Kummissjoni, l-Onorevoli Bini, għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzatli.

Qabel xejn nixtieq indawwar ħsiebi lejn il-persuni Taljani kollha li ħallsu b’ħajjithom it-taqbida kontra l-mafji.  Infakkar b’mod partikolari tlett maġistrati: Il-Qaddej t’Alla Rosario Livatino, li nqatel fil-21 ta’ Settmebru, 1990; Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, li nqatlu 25 sena ilu flimkien mal-iskorti tagħhom.

Meta kont qed inħejji dil-laqgħa, għaddew minn moħħi xi xeni evanġeliċi, li fihom ma tantx inbatu biex naqraw is-sinjali ta’ dik il-kriżi morali li llum qed taħkem ‘il-persuni u l-istituzzjonijiet.  Tibqa’ dejjem attwali l-verità ta’ kliem Ġesù: «Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.  Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bnidem li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena: żina, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha.   Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem» (Mk 7,20-23).

Il-punt tat-tluq dejjm jibqa’ l-qalb tal-bniedem, ir-relazzjonijiet tiegħu, ir-rabtiet tiegħu.  Qatt ma ngħassu biżżejjed fuq dan l-abbiss, fejn il-persuna hi esposta għat-tentazzjonijiet tal-opportuniżmu, tal-ingann u tal-frodi, li jsiru aktar perikolużi għax (il-bniedem) jirrifjuta li jagħrbel lilu nnifsu.  Meta bniedem jingħalaq fih innifsu u jsir awtosuffiċjenti faċilment jibda’ jiggratifika lilu nnifsu u jidhirlu li hu jkun regola għalih innifsu u għal kulħadd.  Sinjal ta’ dan hi l-politika devjata, moħħha fl-interessi personali u mhedija bil-ftehim xejn trasparenti.  Allura tasal biex toħnoq it-tingiża tal-kuxejnza, tibbanaliżża l-ħażen, ma tagħrafx aktar liema hi il-verità u liema l-gidba u tapprofitta ruħha mir-rwol ta’ responsabblità pubblika li jkollha.

Iżda l-politika awtentika, dik li aħna nagħrfuha bħala forma eminenti tal-karità, taħdem biex tiżgura li l-futur ikun mimli tama u biex tmexxi ‘l quddiem id-dinjità ta’ kulħadd.  Propju għalhekk tħoss bħala projorità l-ġlieda kontra l-mafji, għax dawn jisirqu l-ġid komuni, u lill-persuna jiċħdulha t-tama u d-dinjità.

B’dan il-għan issir ħaġa deċisiva li wieħed b’kull mod jeħodha kontra l-problema gravi tal-korruzzjoni, li filwaqt li tiddisprezza l-interessi ġenerali, hi art għammiela li fuqha jrabbu l-għeruq u jiżviluppaw il-mafji.  Il-korruzzjoni ssib dejjem il-mod kif tiġġustifika lilha nfisha, għax tippreżenta ruħha bħala kundizzjoni “normali”, soluzzjoni “għal min moħħu jilħaqlu”, it-triq li minnha bniedem jgħaddi biex jilħaq l-għanijiet tiegħu.  Min-natura tagħha tittieħed u hi parassita, għax ma tgħixx bit-tajjeb li tipproduċi imma b’dak li jirnexxilna tobrom u tisraq.  Hi għerq velenuż li jiddeforma l-konkorrenza onesta u jbiegħed l-investimenti.  Wara kollox, il-korruzzjoni hi habitus (kundizzjoni) mibnija fuq l-idolatrija tal-flus u l-merċifikazzjoni tad-dinjità umana u għaldaqstant għandha tkun miġġielda b’miżuri xejn anqas inċisivi minn dawk imħejjija għall-ġlieda kontra l-mafji.

It-taqbida kontra l-mafji ma tfissirx biss trażżin.  Tfisser ukoll tisdiq, trasfromazzjoni, bini, u dan jitlob impenn fuq żewġ livelli.  L-ewwel wieħed hu dak politiku, permezz ta’ ġustizzja soċjali akbar, għax għall-mafji hi logħba ħafifa biex jippreżentaw ruħhom bħala sistema alternattiva fit-territorju fejn id-drittijiet u l-opportunitajiet huma nieqsa: ix-xogħol, id-dar, it-tagħlim, l-għajnuna tas-saħħa.

It-tieni livell ta’ mpenn hu dak ekonomiku, billi jkunu koreġuti jew imħassrin il-mekkaniżmi li joħolqu n-nuqqas ta’ ugwaljanza u l-faqar.  Illum ma nistgħux nitkellmu aktar dwar il-ġlieda kontra l-mafji mingħajr ma nqanqlu l-problema enormi tal-finanza li tirrenja sovrana fuq ir-regoli demokratiċi, li bis-saħħa t’hekk ir-realtajiet kriminali jinvestu u jkattru l-profitti enormi li jiksbu mit-traffikar tad-droga, tal-armi, tal-bejgħ tal-persuni, tal-eliminazzjoni tal-iskart tossiku, tal-kundizzjonament tal-kuntratti għall-proġetti kbar, tal-logħob tal-ażżard, tal-isfruttament.

Dan il-livell doppju, politku u ekonomiku, jitlob minna wkoll livell ieħor xejn anqas essenzjali, il-bini ta’ kuxjenza ċivili ġdida, l-unika li tista’ twassal għall-ħelsien veru mill-mafji.  Verament jeħtieġ edukazzjoni u li bniedem jeduka lilu nnifsu biex jikkontrolla bla waqfien lilu nnifsu u l-ambjent li fih jgħix, billi jżid b’aktar reqqa l-perċezzjoni tiegħu dwar il-fenomeni tal-korruzzjoni u jaħdem biex iġib mod ġdid ta’ kif bniedem ikun ċittadin (tajjeb), li jfisser il-kura u r-responsabbiltà ta’ u lejn l-oħrajn u tal-ġid komuni.

L-Italja għandha tkun kburija li għamlet liġijiet kontra l-mafja li ġabu flimkien lill-istat u liċ-ċittadini, lill-amministrazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet, id-dinja lajka u dik Kattolika u reliġjuża f’sens wiesa.  Il-propjetajiet li ttieħdu mingħand il-mafji u li nbidlu biex jaqdu lis-soċjetà, f’das-sens, jirrappreżentaw verament art ta’ taħriġ tal-ħajja.  F’dawn ir-realtajiet iż-żgħażagħ jistudjaw u jiksbu għarfien u responsabbiltà, isibu x-xogħol u s-sodisfazzjon.  F’dawn il-postijiet ukoll tant persuni anzjani, foqra u svantaġġjati, isibu kenn, servizz u dinjità.

Fl-aħħar ma nistgħux ninsew li l-ġlieda kontra l-mafji tfisser ukoll il-ħarsien u l-valoriżżazzjoni  tax-xhieda tal-ġustizzja, persuni li jesponu ruħhom għal riskji gravi meta jagħżlu li jiddenunzjaw il-vjolenza li jkunu xhieda tagħha huma nfushom.  Jeħtieġ jinstab mod li lill-persuna li tkun “nadifa” imma li tkun ġejja minn familja jew ambjent tal-mafja, tkun tista’ toħroġ mis-sitwazzjoni mingħajr ma ssofri vendetti jew tpattija.  Huma ħafna n-nisa, l-aktar ommijiet, li jippruvaw jagħmlu dan bir-rieda li jiċħdu l-loġika kriminali u x-xewqa li lil uliedhom jiggarantulhom futur differenti.  Jeħtieġ li jirnexxilna ngħinuhom, m’hemmx għalfejn ngħidu, bir-rispett lejn il-kors tal-ġustizzja, imma wkoll lejn id-dinjità tal-persuni li jagħżlu t-tajjeb u l-ħajja.

Nitlobkom b’ħerqa kbira, għeżież ħuti, biex tkomplu din il-ħidma afdata f’idejkom għall-ġid ta’ kulħadd. Bid-dedikazzjoni u b’sens ta’ dover filwaqt li ninvoka fuqkom il-barka t’Alla.  Jalla jkun ta’ serħan il-moħħ għalikom li għandkom il-kumpanija tiegħu, Hu, li hu għani fil-ħniena; jalla l-għarfien li Hu ma jissaportix il-vjolenza u l-abbuż tal-poter, jagħmilkom operaturi bla heda tal-ġustizzja.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber