Eminenzi, Beatitudnijiet, Eċċellenzi, ħuti,

 

Nilqagħkom minn qalbi għal din il-laqgħa u rroddilkom ħajr għall-preżenza u l-assistenza premuruża u kwalifikata tagħkom.

 

F’isimkom, nixtieq nesprimi l-ħajr sinċier tiegħi lill-persuni kollha li stinkaw b’dedikazzjoni kbira, b’sabar u b’kompetenza, għal xhur sħaħ, jaqraw, jivvalutaw u jelaboraw it-temi, it-testi u l-ħidmiet ta’ din l-Assemblea Ġenerali Straordinarja.

 

Ippermettuli b’mod partikulari nirringrazzja minn qalbi lill-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, lil Mons. Fabio Fabene, Sotto-segretarju, u flimkien magħhom lir-relaturi, il-kittieba, il-konsulturi, it-tradutturi u l-personal kollu tas-segreterija tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet.  Ħadmu bla waqfien, u se jkomplu jaħdmu, għas-suċċess ta’ dan is-Sinodu: verament grazzi ħafna u jalla l-Mulej iħallaskom lura hu!

 

Daqshekk ieħor irrid nirringrazzja lill-Kunsill Post-Sinodali, ir-relatur u s-Segretarju Ġenerali; il-Konferenzi Episkopali li tassew ħadmu ħafna u, flimkien magħhom, nirringrazzja lit-tliet Presidenti delegati…

 

Nirringrazzja wkoll lilkom, għeżież kardinali, patrijarki, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, lajċi rġiel u nisa, tal-preżenza tagħkom u s-sehem tagħkom li jagħni l-ħidma u l-ispirtu ta’ kolleġġjalità u ta’ sinodalità għall-ġid tal-Knisja u tal-familji!  Dan l-ispirtu ta’ sinodalità ridtu jidher ukoll fil-ħatra tar-relatur, tas-segretarju ġenerali u tal-presidenti delegati.  L-ewwel tnejn ġew eletti direttament mill-Kunsill Post-Sinodali, anki dan elett mill-parteċipanti ta’ l-aħħar Sinodu.  Min-naħa l-oħra, billi l-presidenti delegati jiġu magħżula mill-Papa, tlabt lill-istess Kunsill Post-Sinodali jipproponili xi ismijiet, u ħtart lil dawk li pproponieli l-Kunsill.

 

Intom qed twasslu hawn il-leħen tal-Knejjes partikulari, miġbura bħala Knejjes lokali permezz tal-Konferenzi Episkopali.  Il-Knisja universali u l-Knejjes partikulari huma ta’ istituzzjoni divina; il-Knejjes lokali kif nifhmuhom aħna huma ta’ istituzzjoni umana.  Dan il-leħen intom se ġġorruh f’sinodalità.  Hi responsabbiltà kbira: dik li twasslu r-realtajiet u l-problematiċi tal-Knejjes, biex tgħinuhom jimxu f’dik it-triq li hi l-Vanġelu tal-familja.

 

Kundizzjoni ġenerali bażilari hija din: li titkellmu ċar.  Ħadd m’għandu jgħid: “Din ma ngħidhiex; għax min jaf x’jaħsbu fuqi…”.  Għandkom tgħidu dak kollu li tħossu b’parresia.  Wara l-aħħar Konċistorju (Frar 2014), fejn tkellimna fuq il-familja, kien hemm Kardinal li kitibli jgħidli: ħasra li xi Kardinali, b’rispett tal-Papa, ma kellhomx il-kuraġġ jgħidu ċerti affarijiet, għax ħasbu li forsi l-Papa kien jaħsibha differenti.  Dan m’hux sew, din m’hix sinodalità, għax trid tgħid dak kollu li fil-Mulej tħoss li għandek tgħid: mingħajr rispett uman, mingħajr biża’ żejjed.  U fl-istess waqt, trid tisma’ bl-umiltà u tilqa’ b’qalb miftuħa dak li qed jgħidu ħutek.  B’dawn iż-żewġ atteġġjamenti nħaddmu s-sinodalità.

 

Għalhekk nitlobkom, jekk jogħġobkom, li jkollkom dawn l-atteġġjamenti ta’ aħwa fil-Mulej: tkellmu b’parresia u isimgħu b’umiltà.

 

U dan agħmluh b’ħafna trankwillità u paċi, biex is-Sinodu jiżvolġi dejjem cum Petro et sub Petro, u l-preżenza tal-Papa hi garanzija għal kulħadd u tħares il-fidi.

 

Għeżież ħuti, nikkollaboraw flimkien ilkoll ħaġa waħda biex b’ċarezza kbira tissaħħaħ id-dinamika tas-sinodalità.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard