Għeżież familji, il-lejla t-tajba!

 

X’jiswa li nixegħlu xemgħa ċkejkna fid-dalma li biha mdawrin?  M’huwiex ħafna iżjed dak li neħtieġu tassew biex inneħħu d-dalma?  Imma d-dlamijiet jistgħu jintrebħu?

 

F’ċerti staġuni tal-ħajja – imqar jekk din il-ħajja hi mogħnija b’riżorsi stupendi – mistoqsijiet bħal dawn jagħfsu fuqna b’ċerta qawwa.  Quddiem il-ħtiġijiet kbar tal-ħajja, it-tentazzjoni twassalna biex immiddu pass lura, nitilqu kollox u ningħalqu fina nfusna, forsi f’isem il-prudenza u r-realiżmu, u hekk naħarbu r-responsabbiltà li nagħmlu l-parti tagħna sa l-aħħar.

 

Tiftakruha l-esperjenza ta’ Elija?  Il-kalkolu uman jimla lill-profeta bil-biża’ li jwasslu biex jaħrab ifittex kenn.  Il-biża’.  “U baża, u qabad u telaq biex isalva ħajtu […]  Baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih.  U waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu:Hawn xinti tagħmel, Elija?’” (1 Slat 19:3,8-9).  Imbagħad, fuq il-Ħoreb, isib it-tweġiba mhux fir-riħ qawwi li jfarrak il-blat, u la fit-tħeżżiża u lanqas fin-nar.  Il-grazzja ta’ Alla ma tgħollix leħinha; hi tpespisa ħelwa, li għand dawk li lesti jisimgħuha tasal fiż-żiffa ħelwa – dik il-ħajta silenzju li minnha hu jitkellem – u li tordnalhon joħorġu, jerġgħu lura fid-dinja, xhieda ta’ l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, biex id-dinja temmen…

 

B’dan in-nifs, sewwa sew sena ilu, f’din l-istess Pjazza, sejjaħna lill-Ispirtu s-Santu, u tlabnieh biex – bit-tema tal-familja quddiem għajnejhom – il-Padri Sinodali jagħrfu jisimgħu u jitfarrġu billi jqiegħdu ħarsithom kollha fuq Ġesù, l-aħħar Kelma tal-Missier u kriterju ta’ interpretazzjoni ta’ kollox.

 

Il-lejla t-talba tagħna ma tistax tkun oħra.  Għax, kif fakkarna l-Patrijarka Atenagora, mingħajr l-Ispirtu s-Santu, Alla hu mbiegħed, Kristu jibqa’ ħaġa ta’ l-imgħoddi, il-Knisja ssir sempliċi organizzazzjoni, l-awtorità ssir ħakma, il-missjoni propaganda, il-kult tifkira tal-passat, u għemil l-Insara morali li tjassar.

 

Mela ejjew nitolbu biex is-Sinodu li sa jiftaħ għada jagħraf iwassal mill-ġdid l-esperjenza konjugali u familjari għal xbieha sħiħa tal-bniedem; jagħraf jagħtiha l-valur tagħha u jipproponi kull ma sabiħ, tajjeb u qaddis fiha; iħaddan is-sitwazzjonijiet ta’ dgħufija, li jgħadduha mill-prova: il-faqar, il-gwerra, il-mard, il-luttu, ir-relazzjonijiet miġruħa u mkissra li minnhom jiġu d-diqa, il-korla u t-tifrik; ħa jfakkar lil dawn il-familji, u lill-familji kollha, li l-Vanġelu jibqa’ “aħbar tajba” li dejjem għandna nfittxu nitilqu minnha.  Ħa jagħrfu l-Padri, mit-teżor tat-Tradizzjoni ħajja, jisiltu kliem ta’ faraġ u orjentamenti ta’ tama għall-familji li fi żmienna huma msejħa jibnu l-ġejjieni tal-komunità ekkleżjali u tal-belt ta’ Alla.

 

Kull familja, fil-fatt, hi dejjem dawl, bati kemm hu bati, qalb id-dalma tad-dinja.

 

L-istess ħajja ta’ Ġesù fost il-bnedmin tissawwar fi ħdan familja, li fiha baqa’ għal tletin sena sħaħ.  Familja bħal ħafna oħrajn, din tiegħu, f’raħal minsi fi truf l-Imperu.

 

Ftit kienu dawk li daqs Charles de Foucauld irnexxielhom jagħrfu l-kobor ta’ l-ispiritwalità li tgelgel minn Nazareth.  Dan l-esploratur kbir malajr telaq il-karriera militari tiegħu, miġbud kif kien mill-misteru tal-Familja Mqaddsa, mir-relazzjoni ta’ kuljum ta’ Ġesù mal-ġenituri u l-qraba tiegħu, il-ħidma fis-skiet, it-talb umli.  Hu u jħares lejn il-Familja ta’ Nazareth, Fra Charles seta’ jħoss kemm hi vojta l-ġibda għall-għana u s-setgħa; bl-appostolat tat-tjieba sar kollox għal kulħadd; miġbud mill-ħajja ta’ eremita, hu fehem li ma tistax tikber fl-imħabba ta’ Alla jekk taħrab il-qadi tar-relazzjonijiet umani.  Għax jekk tħobb lill-oħrajn biss tista’ titgħallem tħobb lil Alla; u jekk tieħu ħsieb tal-proxxmu tista’ togħla lejn Alla.  Fittex li jkun qrib l-aħwa u solidali ma’ dawk l-iżjed foqra u mitluqa, u hekk fehem li fl-aħħar mill-aħħar huma sewwa sew huma li jevanġelizzaw lilna, u jgħinuna nikbru bħala bnedmin.

 

Biex il-lum nistgħu nifhmu lill-familja, ejjew nidħlu aħna wkoll – bħal Charles de Foucauld – fil-misteru tal-Familja ta’ Nazareth, fil-ħajja moħbija tagħha, ta’ kuljum, komuni, kif inhi dik tal-parti l-kbira tal-familji tagħna, bit-tbatijiet u l-ferħ sempliċi tagħhom; ħajja minsuġa mis-sabar seren imqar qalb il-kuntrarju, mir-rispett lejn il-qagħda ta’ kull wieħed u waħda, minn dik l-umiltà li teħles u twarrad fil-qadi; ħajja ta’ fraternità ħierġa mill-fatt li nħossuna parti minn ġisem wieħed.

 

Il-familja hi l-post tal-qdusija Evanġelika, li nistgħu naslu għaliha fil-qagħdiet l-iżjed ordinarji tal-ħajja.  Fiha nieħdu n-nifs tal-memorja tal-ġenerazzjonijiet u nsibu dawk l-għeruq li jħalluna nterrqu ’l bogħod.  Hi l-post tad-dixxerniment, fejn niġu mgħallma nagħrfu l-pjan ta’ Alla dwar ħajjitna u nħaddnuh b’fiduċja.  Hi l-post fejn kollox hu b’xejn, l-imkien tal-preżenza diskreta, fraterna u solidali, li jgħallimna noħorġu minna nfusna biex nilqgħu lill-persuna l-oħra, biex naħfru u nħossuna maħfura.

 

***

 

Ejjew nerġgħu lura lejn Nazareth biex minn hemm immiddu l-ewwel passi ta’ dan is-Sinodu li, iktar milli jitkellem dwar il-familja, irid jagħraf joqgħod fl-iskola tagħha, fid-disponibbiltà biex jagħraf dejjem iżjed id-dinjità, is-sustanza u l-valur tagħha, minkejja t-tant taħbit u kuntradizzjonijiet li jistgħu jolqtuha.

 

Fil-“Galilija tal-ġnus” ta’ żmienna nsibu mill-ġdid il-qawwa ta’ Knisja li hi omm, kapaċi tnissel għall-ħajja u attenta biex kontinwament tagħti l-ħajja, issieħeb b’dedikazzjoni, ħlewwa u fibra morali.  Għax jekk ma nafux ngħaqqdu l-ħniena mal-ġustizzja, nispiċċaw severi bla bżonn u profondament inġusti.

 

Knisja li hi familja taf toffri lilha nfisha bil-qrubija u l-imħabba ta’ missier, li jħaddan ir-responsabbiltà tal-ħarries, li jipproteġi bla ma jross iżżejjed, jikkoreġi bla ma jumilja, jeduka bl-eżempju u s-sabar.  Xi drabi, sempliċiment bis-silenzju ta’ stennija fit-talb u miftuħa.

 

U fuq kollox, Knisja ta’ wlied li jagħrfu f’xulxin aħwa qatt m’hi ħa tasal biex tqis lil xi ħadd biss bħala piż, problema, prezz, preokkupazzjoni jew riskju: il-persuna l-oħra hi essenzjalment don, li jibqa’ hekk anki meta jaqbad toroq oħra.

 

Hi dar miftuħa, il-Knisja, ’il bogħod mill-pompa ta’ barra, li bl-istil sempliċi tal-membri tagħha kapaċi tilqa’ u, propju għalhekk, hi aċċessibbli għat-tama tal-paċi li tinsab f’kull bniedem, inklużi dawk li – ippruvati mill-ħajja – għandhom qalbhom miġruħa u qed tbati.

 

Din il-Knisja tista’ tabilħaqq iddawwal il-lejl tal-bniedem, tindikalu b’mod kredibbli l-mira li għandu jilħaq u taqsam miegħu l-passi mterrqa, sewwa sew għax hi l-ewwel waħda li tgħix l-esperjenza tat-tnissil mill-ġdid tagħha dejjem fil-qalb ħanina tal-Missier.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard