QUDDIESA TAL-FTUĦ

TA’ L-XIV-IL ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA

TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-XXVII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 4 ta’ Ottubru 2015

 

Jekk inħobbul xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina (1 Ġw 4:12)

 

Il-qari mill-Iskrittura għal dan il-Ħadd donnu magħżul apposta għall-ġrajja ta’ grazzja li l-Knisja qed tgħix, jiġifieri l-Assemblea Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq it-tema tal-familja li qed tiġi inawgurata b’din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.

 

Dan idur fuq tliet argumenti: it-traġedja tas-solitudni, l-imħabba bejn raġel u mara u l-familja.

 

Is-solitudni

Kif naqraw fl-Ewwel Qari, Adam kien jgħix fil-Ġenna, jagħti l-ismijiet lill-ħlejjaq l-oħra u hekk iħaddem ħakma li turi s-superjorità indiskutibbli u inkomparabbli tiegħu, imma minkejja dan, kien iħossu waħdu, għax “ma nstabet l-ebda għajnuna tgħodd għalih” (Ġen 2:20) u ħassu waħdu.

 

Is-solitudni, it-traġedja li anki l-lum għadha tifni lil tant irġiel u nisa.  Jiġuni f’moħħi l-anzjani abbandunati saħansitra mill-għeżież tagħhom u minn uliedhom stess; ir-romol; tant irġiel u nisa mitluqa minn marthom jew żewġhom; u tant persuni li fil-fatt iħossuhom waħidhom, mhux mifhuma u mhux mismugħa; l-immigranti u r-refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerer u l-persekuzzjonijiet; u tant żgħażagħ vittmi tal-kultura tal-konsumiżmu, ta’ l-“uża u armi”, u tal-kultura ta’ l-iskart.

 

Il-lum qed ngħixu l-paradoss ta’ dinja globalizzata fejn naraw tant djar lussużi u bini għoli, imma qed tonqos dik is-sħana tad-dar u tal-familja; tant proġetti ambizzjużi, imma ftit ħin biex induqu sew dak li rnexxielna nilħqu; tant mezzi sofistikati ta’ divertiment, imma dejjem iktar vojt profond fil-qalb; tant pjaċiri, imma ftit imħabba; tant libertà, imma ftit awtonomija…  Dejjem qed jiżdiedu l-persuni li jħossuhom waħidhom, imma anki dawk li jingħalqu fl-egoiżmu, fil-malinkonija, fil-vjolenza qerrieda u fil-jasar tal-pjaċir u ta’ l-alla flus.

 

Il-lum qed ngħixu, f’ċertu sens, l-istess esperjenza ta’ Adam: tant potenti imma mbagħad tant waħdu u dgħajjef; u l-familja hi l-ikona ta’ dan.  Dejjem inqas serjetà biex nibnu relazzjoni b’saħħitha u għammiela fl-imħabba: fis-saħħa u fil-mard, fil-ġid u fil-faqar, fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin.  L-imħabba li tibqa’, fidila, attenta, stabbli u fertili dejjem iżjed qed tisfa mżebilħa u meqjusa bħallikieku kienet xi ħaġa ta’ l-antik.  Donnu s-soċjetajiet l-aktar avvanzati huma propju dawk li għandhom l-iktar rata baxxa ta’ twelid u l-ogħla waħda ta’ l-abort, tad-divorzju, tas-suwiċidji u tat-tinġis ambjentali u soċjali.

 

L-imħabba bejn raġel u mara

Nisimgħu mill-ġdid fl-Ewwel Qari li l-qalb ta’ Alla bħal baqgħet imnikkta meta lemħet lil Adam waħdu u għalhekk qal: M’hux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu.  Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih (Ġen 2:18).  Dan il-kliem juri li xejn ma jferraħ il-qalb tar-raġel daqs qalb oħra li tixbah lil tiegħu, li taqbel miegħu, li tħobbu u li taqilgħu mis-solitudni u milli jħossu waħdu.  Juri wkoll li Alla ma ħalaqx lill-bniedem biex jgħix imdejjaq jew biex jibqa’ waħdu, imma biex ikun hieni, biex jaqsam il-mixja tiegħu mal-persuna l-oħra li tkun kumplimentari għalih; biex jgħix l-esperjenza ta’ l-għaġeb ta’ l-imħabba: jiġifieri li jħobb u jkun maħbub; u biex jara l-imħabba tiegħu tħalli l-frott fl-ulied, kif jgħid is-Salm li ġie mxandar il-lum (ara Salm 128).

 

Araw il-ħolma ta’ Alla għall-ħlejqa għażiża tiegħu: li jaraha ssib il-milja tagħha fl-għaqda ta’ mħabba bejn raġel u mara; ferħana fil-mixja komuni, għammiela fl-għotja reċiproka.  Dan hu l-istess pjan li Ġesù fil-Vanġelu tal-lum jiġbor f’dawn il-kelmiet: Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.  Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru ul ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed.  Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed (Mk 10:6-8; ara Ġen 1:27, 2:24).

 

Quddiem il-mistoqsija retorika li saritlu – aktarx bħal lixka, biex f’daqqa waħda jpinġuh ikrah mal-folla li kienet miexja warajh u li kienet tipprattika d-divorzju bħala realtà b’saħħitha u li mhux lakemm tmisshielhom –, Ġesù jwieġeb b’mod ċar u xejn mistenni: ireġġa’ kollox għall-bidu tiegħu, għall-għeruq tal-ħolqien, biex jgħallimna li Alla jbierek l-imħabba tal-bniedem, Hu li jgħaqqad il-qlub ta’ raġel u ta’ mara li jinħabbu u jseħibhom fl-għaqda u l-indissolubbiltà.  Dan ifisser li l-għan tal-ħajja konjugali m’huwiex biss li jgħixu flimkien għal dejjem, imma li jinħabbu għal dejjem!  Ġesù hekk jerġa’ jwaqqaf l-ordni li kien hemm fil-bidu u li minnu beda kollox.

 

Il-familja

Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem (Mk 10:9).  Hi eżortazzjoni lil kull min jemmen biex jegħleb kull xorta ta’ individwaliżmu u ta’ legaliżmu, li jaħbu taħthom l-egoiżmu xħiħ ta’ min jibża’ jilqa’ t-tifsira vera tal-koppja u tas-sesswalità umana fil-pjan ta’ Alla.

 

Fil-fatt, il-ġenn li hemm fl-għotja b’xejn ta’ l-imħabba konjugali u unika usque ad mortem nistgħu nifhmuh biss fid-dawl tal-ġenn ta’ l-għotja b’xejn ta’ l-imħabba li wriena Ġesù fl-Għid tiegħu.

 

Għal Alla ż-żwieġ m’huwiex xi utopja ta’ żmien l-adolexxenza, imma ħolma li mingħajrha kull ħlejqa hi kkundannata għas-solitudni!  Fil-fatt il-biża’ tagħna li nilqgħu dan il-pjan jispiċċa jipparalizza l-qalb tal-bniedem.

 

Paradossalment, anki l-bniedem tal-lum – li spiss iwaqqa’ għaċ-ċajt dan il-pjan – għadu jħossu miġbud u affaxxinat minn kull imħabba awtentika, minn kull imħabba b’saħħitha, minn kull imħabba għammiela, minn kull imħabba fidila u dejjiema.  Nilmħuh iħuf wara mħabbiet temporanji, imma joħlom li għad ikollu l-imħabba vera; jiġri wara l-pjaċiri tal-ġisem, imma sadattant jixtieq l-għotja sħiħa.

 

Fil-fatt, “issa li doqna b’mod sħiħ il-wegħdiet tal-libertà bla limiti, bdejna nifhmu mill-ġdid l-espressjoni ‘in-niket ta’ din id-dinja’.  Il-pjaċiri pprojbiti tilfu dak li kien hemm jiġbdek fihom malli ma baqgħux ipprojbiti.  Anki jekk huma mġebbda sa l-estrem u mġedda kull darba biex jidhru bla tmiem, huma bla togħma għax huma ħwejjeġ li jintemmu, u aħna, min-naħa l-oħra, għandna l-għatx għal dak li ma jintemm qatt” (Joseph Ratzinger, Auf Christus schauen. Einübung in Glaube, Hoffnung, Liebe, Freiburg 1989, p. 73).

 

F’dan il-kuntest soċjali u matrimonjali pjuttost diffiċli, il-Knisja hi msejħa tgħix il-missjoni tagħha fil-fedeltà, fil-verità u fl-imħabba.  Tgħix il-missjoni tagħha fil-fedeltà lejn l-Imgħallem tagħha bħala leħen li jgħajjat fid-deżert, biex tfisser x’inhi l-imħabba fidila u tqawwi qalb l-għadd bla tarf ta’ familji li qed jgħixu ż-żwieġ tagħhom bħala spazju li fih tidher l-imħabba divina; biex tiddefendi l-qdusija tal-ħajja, ta’ kull ħajja; biex tħares l-għaqda u l-indissolubbiltà tar-rabta konjugali bħala sinjal tal-grazzja ta’ Alla u tal-ħila tal-bniedem li jħobb bis-serjetà.

 

Il-Knisja hi msejħa tgħix il-missjoni tagħha fil-verità li ma tinbidilx skond il-moda taż-żmien li tgħaddi jew il-fehmiet li jkunu b’saħħithom fil-mument.  Il-verità li tipproteġi lill-bniedem u lill-umanità mit-tentazzjonijiet ta’ l-awtoreferenzjalità u li jippruvaw jibdlu l-imħabba għammiela f’egoiżmu sterili, l-għaqda fidila f’rabtiet ta’ ftit żmien.  “Mingħajr il­verità, l-imħabba tiżżerżaq lejn is-sentimentaliżmu.  L-imħabba ssir qoxra vojta, li trid timtela skond kif wieħed ikun jixtieq.  Huwa r-riskju fatali tal-imħabba f’kultura bla verità” (Benedittu XVI, Enċiklika Caritas in veritate, 3).

 

U l-Knisja hi msejħa tgħix il-missjoni tagħha fl-imħabba li ma tippuntax subgħajha biex tiġġudika lill-oħrajn, imma – fidila għan-natura tagħha ta’ omm – tħossha fid-dmir li tfittex u ddewwi lill-koppji miġruħa biż-żejt ta’ min jilqagħhom u jħenn għalihom; li tkun “sptar fuq il-kamp tal-battalja”, bil-bibien miftuħa biex tilqa’ għandha lil kull min iħabbat għall-għajnuna u t-tweżin; fuq kollox, li toħroġ minn wara l-ħajt tagħha biex tmur għand l-oħrajn bl-imħabba vera, biex timxi ma’ l-umanità miġruħa, biex tinkludiha u tmexxiha lejn l-għajn tas-salvazzjoni.

 

Knisja li tgħallem u tiddefendi l-valuri fundamentali, bla ma tinsa li “is-Sibt għall-bniedem u mhux il-bniedem għas-Sibt” (Mk 2:27); u li Ġesù qal ukoll: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.  Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin (Mk 2:17).  Knisja li teduka għall-imħabba vera, kapaċi taqla’ lill-bniedem mis-solitudni, bla ma tinsa l-missjoni tagħha ta’ Samaritan it-tajjeb ta’ l-umanità miġruħa.

 

Niftakar f’San Ġwanni Pawlu II meta qal: “L-iżball u l-ħażen dejjem għandhom jiġu kkundannati u miġġielda; imma l-bniedem li jaqa’ jew jiżbalja għandna dejjem nagħdruh u nħobbuh […]  Aħna għandna nħobbuha lid-dinja ta’ żmienna u ngħinuh lill-bniedem tal-lum” (Diskors lill-Azzjoni Kattolika Taljana, 30 ta’ Diċembru 1978: Insegnamenti I [1978], 450).  U l-Knisja għandha tfittxu, tilqgħu u takkumpanjah, għax Knisja bil-bibien magħluqa tkun tiċħad lilha nfisha u l-missjoni tagħha, u minflok ma tkun pont issir ħajt: Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed.  U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu (Lhud 2:11).

 

B’dan l-ispirtu ejjew nitolbu lill-Mulej jimxi magħna fis-Sinodu u jdawwal lill-Knisja tiegħu bl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija u ta’ San Ġużepp, ir-raġel kastissmu tagħha.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard