Għeżież Beatitudnijiet, Eminenzi, Eċċellenzi, ħuti,

 

Il-Knisja l-lum qed terġa’ taqbad id-djalogu li bdejna meta sejjaħt is-Sinodu Straordinarju fuq il-familja – u ċertament anki ħafna qabel – biex niżnu u nirriflettu flimkien fuq it-test ta’ l-Instrumentum laboris, elaborat fuq ir-Relatio Synodi u t-tweġibiet tal-Konferenzi Episkopali u l-entitajiet li kellhom dritt għal dan.

 

Is-Sinodu, kif nafu, hu mixja flimkien fi spirtu ta’ kolleġġjalità u ta’ sinodalità, fejn nadottaw b’kuraġġ il-parresia, iż-żelu pastorali u duttrinali, l-għerf, il-qalb miftuħa, waqt li nżommu dejjem quddiem għajnejna l-ġid tal-Knisja, tal-familji u s-suprema lex, is-salus animarum (ara Kan. 1752).

 

Nixtieq infakkar li s-Sinodu m’hux xi konvenju jew “parlatorju”, m’hux parlament jew senat, fejn niftiehmu fuq xi ħaġa.  Is-Sinodu hu espressjoni ekkleżjali, jiġifieri hi l-Knisja li timxi flimkien biex taqra r-realtà bl-għajnejn tal-fidi u bil-qalb ta’ Alla; hi l-Knisja li tistaqsi lilha nfisha dwar kemm għadha fidila lejn id-depożitu tal-fidi, li għaliha ma jirrappreżentax mużew li toqgħod tħares lejh minn barra u lanqas li toqgħod tieħu ħsiebu u tħarsu, imma hu għajn ħajja li minnha l-Knisja taqta’ l-għatx tagħha biex imbagħad taqta’ għatx ħaddieħor u ddawwal id-depożitu tal-ħajja.

 

Is-Sinodu bil-fors irid jitħarrek fil-ġuf tal-Knisja u fi ħdan il-Poplu Qaddis ta’ Alla li aħna nagħmlu parti minnu bħala ragħajja, jew aħjar, qaddejja.

 

Barra minn hekk, is-Sinodu hu spazju mħares fejn il-Knisja dduq l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Fis-Sinodu, l-Ispirtu jitkellem permezz ta’ lsien il-persuni kollha li jħallu jmexxihom lil dak Alla li dejjem jissorprendi, dak Alla li juri liċ-ċkejknin dak li jaħbi lill-għorrief u l-intelliġenti, dak Alla li ħalaq il-liġi u s-Sibt għall-bniedem u mhux bil-kontra, dak Alla li jħalli d-disgħa u disgħin nagħġa biex joħroġ ifittex lin-nagħġa l-waħda li ntilfitlu, dak Alla li hu dejjem ikbar mil-loġika u l-kalkoli tagħna.

 

Imma niftakru wkoll li s-Sinodu jista’ biss ikun dan l-ispazju fejn jaħdem l-Ispirtu s-Santu jekk aħna li qed nieħdu sehem fih nerġgħu nimtlew bil-kuraġġ appostoliku, l-umiltà tal-Vanġelu u t-talb fiduċjuż.

 

Il-kuraġġ appostoliku li ma jibżax la quddiem il-ġibdiet tad-dinja, li jippruvaw jitfu fil-qalb tal-bnedmin id-dawl tal-verità biex flokha jdaħħlu dwal oħra żgħar u temporanji, u lanqas quddiem l-ebusija ta’ xi qlub li – minkejja l-fehmiet tajba tagħhom – ibiegħdu lill-persuni minn Alla.  “Il-kuraġġ appostoliku li nġibu l-ħajja u mhux nagħmlu mill-ħajja Nisranija tagħna mużew ta’ tifkiriet” (Omelija f’Santa Marta, 28 ta’ April 2015).

 

L-umiltà tal-Vanġelu li taf titbattal mid-drawwiet u l-preġudizzji tagħha biex tista’ tisma’ lill-aħwa Isqfijiet u timtela mill-ġdid b’Alla.  Umiltà li twassalna biex ma nippuntawx subgħajna kontra l-oħrajn biex niġġudikawhom, imma nnewlulhom idejna biex inqajmuhom mingħajr qatt inħossuna superjuri għalihom.

 

It-talb fiduċjuż hu dak li tagħmel il-qalb meta tinfetaħ għal Alla, meta nsikktu l-ħsibijiet kollha tagħna biex nisimgħu l-leħen ħelu ta’ Alla li jitkellem fis-skiet.  Jekk ma nisimgħux lil Alla, kliemna kollu jkun biss “paroli” li ma jxebbax u ma jiswiex.  Jekk ma nħallux lill-Ispirtu jdawwal hu d-deċiżjonijiet kollha tagħna, ikunu biss “tiżjin” li flok jgħolli ’l fuq lill-Vanġelu, jgħattih u jaħbih.

 

Għeżież ħuti,

 

Kif għidtilkom, is-Sinodu m’huwiex parlament, fejn biex naslu għal kunsens jew ftehim komuni hemm bżonn ninnegozjaw, niddiskutu l-bejgħ u nagħmlu l-kompromessi, imma l-metodu waħdieni tas-Sinodu hu dak li niftħu qalbna għall-Ispirtu s-Santu, b’kuraġġ appostoliku, bl-umiltà tal-Vanġelu u b’talb fiduċjuż; biex ikun Hu li jiġġudikana, idawwalna u jġibilna quddiem għajnejna mhux il-pariri personali tagħna, imma l-fidi f’Alla, il-fedeltà għall-Maġisteru, il-ġid tal-Knisja u s-salus animarum.

 

Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Fabio Fabene, Sotto-segretarju; ir-Relatur l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Peter Erdő u s-Segretarju Speċjali l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Bruno Forte, il-Presidenti delegati, il-kittieba, il-konsulturi, it-tradutturi u dawk kollha li ħadmu b’fedeltà vera u għotja sħiħa għall-ġid tal-Knisja: grazzi mill-qalb!

 

Bl-istess mod nirringrazzja lilkom ilkoll, għeżież Padri Sinodali, Delegati Fraterni, Udituri, Uditriċi u Assessuri tas-sehem attiv tagħkom li jħalli ħafna frott.

 

Ringrazzjament speċjali nixtieq nagħmlu lill-ġurnalisti preżenti bħalissa hawn jew lil dawk li qed isegwu mill-bogħod.  Grazzi tas-sehem entużjast tagħkom u ta’ l-attenzjoni ammirevoli tagħkom.

 

Ejjew nibdew il-mixja tagħna billi nitolbu l-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu u l-interċessjoni tal-Familja Mqaddsa: Ġesù, Marija u San Ġużepp!  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard