Għeżież ħuti,
Grazzi tal-merħba tagħkom!  Insellmilkom minn qalbi!

Illum irrid nerġa’ ntenni li l-persuni anzjani  kienu  dejjem protagonisti fil-Knisja u hekk għadhom sallum.  U llum aktar minn qatt qabel, il-Knisja trid tagħti eżempju lis-soċjetà kollha li minkejja n-nuqqas ta’ saħħa li l-xjuħija ġġib magħha, xi drabi b’mod serju ħafna,  l-anzjani huma dejjem importanti, anzi indispensabbli. Huma jġorru  fihom it-tifkira u l-għerf tal-ħajja biex jgħadduhom lill-oħrajn, u jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-missjoni tal-Knisja. Niftakru li  f’għajnejn Alla, il-ħajja umana dejjem tikkonserva l-valur tagħha li jmur ’l hemm minn  dak kollu li b’xi mod jista’ jiddiskriminha.

Mis-seklu XX ‘l hawn il-ħajja tal-bniedem qiegħda dejjem aktar titwal  u dan  ifisser  li qed jiżdied in-numru ta’ persuni   li  jiffaċċaw  sitwazzjonijiet ta’ mard  fejn tonqos  is-saħħa fiżika u  fejn spiss jista’ ikun hemm  deterjorament  tal-kapaċità mentali.  Dawn  il-patoloġiji  qed  jitolbu lill-oqsma soċjali-sanitari biex jinvestu  kemm fir-riċerka kif ukoll fl-għajnuna u fil-kura  li tingħata kemm  f’ħdan l-istrutturi  ta’ assistenza soċjali kif ukoll  fi ħdan il-familja, li tibqa’ l-post privileġġat   fejn wieħed iħoss li  għandu min jilqgħu u  min hu qrib tiegħu.

Hu importanti li  jkun hemm is-sapport b’għajnuniet  u sevizzi adatti mogħtija  b’rispett lejn id-dinjità, l-identità u l-ħtiġijiet tal-persuna li jkollha bżonn l-għajnuna, iżda  jrid ikun hemm ukoll rispett  lejn  il-familjari u l-operaturi professjonali  li jgħinuha. U dan  jista’ jseħħ biss  jekk ikun  hemm fiduċja u  tinbena relazzjoni ta’ rispett lejn xulxin. Il-kura mgħixa b’dan il-mod issir esperjenza rikka ħafna, kemm professjonalment kif ukoll umanament.  Iżda jekk ma tkunx  mgħixha b’dan il-mod,  issir  dejjem aktar sempliċiment protezzjoni fiżika mogħtija b’ċertu kesħa.

Għalhekk tinduna kemm hu neċessarju l-impenn fl-assistenza fejn flimkien mal-mudell tradizzjonali biomediku jkun hemm l-ispazju għad-dinjità u l-libertà, ‘l bogħod mill-għeluq u mis-silenzju; minn dik it-tortura tas-silenzju! Ħafna drabi is-silenzju jinbidel f’tortura. Il-persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna  spiss isibu ruħhom  ċirkundati  minn  dan l-għeluq u s-silenzju. Huwa f’din il-prospettiva li nixtieq nisħaq fuq l-importanza tal-aspett reliġjuż u spiritwali.  Din id-dimensjoni tibqa’ vitali anki meta l-kapaċitajiet tal-moħħ jonqsu jew jintilfu. Dan ifisser li jrid ikun hemm approach pastorali partikulari biex wieħed jakkumpanja  l-ħajja reliġjuża tal-persuni anzjani li jbatu minn forom differenti ta’ patolġiji deġenerattivi gravi,  ħalli  moħħhom u qalbhom ma jinterrompux id-djalogu  r-relazzjoni ma’ Alla.

Nixtieq intemm billi nsellem lill-anzjani.  Għeżież ħbieb, intom mhux biss dawk li tilqgħu l-messaġġ tal-Evanġelju, imma  l-Magħmudija tagħtikom id-dritt li  tkunu dejjem ħabbara ta’ dan il-messaġġ. Kull ġurnata intom tistgħu tgħixu bħala xhieda tal-Mulej, fil-familji tagħkom, fil-parroċċa u  kulfejn tkunu  u hekk twasslu lil ħafna, speċjalment liż-żgħażagħ,  biex jagħrfu  lil Kristu u ‘l-Evanġelju tiegħu.  Ftakru:  kienu żewġ anzjani  li għarfu lil Ġesu fit-tempju u li ħabbruh b’ferħ u b’tama.  Nitlob lill-Madonna tieħu ħsiebkom u nirringrazzjakom minn qalbi għat-talb tagħkom. Issa, ilkoll flimkien nitolbu lill-Madonna għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, għall-morda, għall-anzjani, u mbagħad nirċievu l-barka.

(Sliem għalik Marija…..)

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.