Ġentili Sinjuri,

Inħossni ferħan li qed nilqa’ lilkom li tirrappreżentaw lid-Direzzjoni Nazzjonali Kontra l-Mafja u kontra t-Terroriżmu.  Insellmilkom minn qalbi u rrod ħajr lil Dr Franco Roberti għall-kliem li indirizzali.

Id-dmirijiet li afdalkom l-Istat huma li ssegwu r-reati tat-tliet organiżżazzjonijiet kriminali kbar ta’ natura mafjuża: mafja, camorra, ‘ndragheta.  Dawn japprofittaw ruħhom min-nuqqasijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi, fejn isibu art fertili biex iwettqu l-proġetti moqżieża tagħhom.  Il-ġurisdizzjoni tagħkom tiġbor fiha wkoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li dejjem aktar qed isir kosmopolita u devastanti.  Nixtieq nesprimilkom l-apprezzament u l-inkoraġġiment tiegħi għall-ħidma tagħkom, diffiċli u mimlija riskji, imma indispensabbli għall-aħħar biex jinisseb il-ħelsien mis-setgħa tal-assoċjazzjonijjiet kriminali, li huma responsabbli għall-vjolenza u abbużi mtebbgħin bid-demm.

Is-soċjetà għandha bżonn titfejjaq mill-korruzzjoni, mit-theddid, mit-traffikar illeċitu tad-drogi u tal-armi, min-negozjar tal-persuni umani, fosthom tfal, li jispiċċaw ilsira.  Dawn huma pjagi soċjali awtentiċi, u fl-istess waqt, sfidi globali li l-kollettività internazzjonali għandha sejħa biex taffrontahom bid-determinazzjoni.  F’dan l-aspett, smajt li fix-xogħol biex teħduha kontra l-kriminalità, intom taħdmu kif jixraq bil-kollaborazzjoni ta’ kollegi minn Stati oħra.  Dax-xogħol imwettaq b’sinerġija u mezzi effikaċi, huwa lquħ effikaċi u protezzjoni għas-sigurtà tal-kollettività.

Is-soċjetà għandha fiduċja kbira fil-professjonaliżmu tagħkom u fl-esperjenza tal-maġistrati li jagħmlu l-kumpilazzjonijiet, li intom impenjati biex tiġġieldu u teqirdu l-kriminalità organiżżata.  Inħeġġiġkom biex tagħmlu kull sforz, speċjalment biex tikkumbattu n-negozjar tal-persuni u tal-kuntrabandu tal-migranti: dawn huma reati ta’ gravità kbira li jolqtu lill-aktar dgħajfa fost min hu dgħajjef!  F’dar-rigward hemm ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi bl-għoti ta’ assistenza legali u soċjali xierqa lil dawn ħutna li qed ifittxu l-paċi u futur.  Kull min jaħrab minn pajjiżu minħabba l-gwerra, il-vjolenza, il-persekuzzjonijiet, għandu dritt li jsib akkoljenza xierqa u adekwata fil-pajjiżi li niddeskrivuhom bħala “ċivili”.

Biex tikkumplimenta u ssaħħaħ il-ħidma prezzjuża ta’ ripressjoni li qed tagħmlu, hemm bżonn ta’ interventi edukattivi fuq firxa wiesa ħafna, li jindirizzaw partikolarment lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Għal dan il-għan, l-aġenziji edukattivi diversi, fosthom il-familji, l-iskejjel, il-komunitajiet Kristjani, ir-realtajiet sportivi u kulturali, għandhom is-sejħa li jaħdmu favur kuxjenza ta’ moralità u legalità orjentati lejn mudelli ta’ ħajja onesta, paċifika u solidali li ftit ftit jegħlbu l-ħażen u jiftħu beraħ it-triq tat-tajjeb.  Ifisser li nibdew mill-kuxjenzi tal-individwi biex b’hekk in-nisġa soċjali wkoll tinfetaħ għat-tama ta’ dinja aħjar.

Il-fenomenu mafjuż, li hu espressjoni ta’ kultura tal-mewt, għandu jkun osteġġjat u miġġieled.  Dan il-fenomenu hu radikalment l-oppost tal-fidi u tal-Evanġelju, li dejjem huma favur il-ħajja.  Kull min jimxi wara Kristu jgħożż ħsibijiet ta’ paċi, fraternità, ġustizzja, akkoljenza u maħfra.  Metad-dixxiplu ta’ Kristu jkollu fih l-ilma safi tal-Evanġelju, jimmatura fih frott li jkun jingħaraf sewwa anki minn barra, fl-attitudnijiet u l-atteġġjamenti tiegħu li l-Appostlu Pawlu jidentifika mal-«imħabba, il-ferħ, il-paċi, il-ġenerożità, ir-rieda tajba, it-tjubija, il-fedeltà, il-manswetudni, il-kontroll fuqu nnifsu» (Gal 5,22).

Qed naħseb fil-ħafna parroċċi u assoċjazzjonijiet Kattoliċi li jagħtu xhieda ta’ dan il-frott. Huma jagħmlu ħidma ta’ min ifaħħarha kull fejn jinsabu, bl-għan li jeżaltaw lill-bnedmin, bi promozzjoni kulturali u soċjali mmirata biex progressivament iqaċċtu mill-għeruq il-ħaxixa ħażina tal-kriminalità organiżżata u tal-korruzzjoni.  F’dawn l-inizjattivi tidher ukoll il-qrubija tal-Knisja lejn kull min jinsab f’sitwazzjonijiet drammatiċi u għandu bżonn l-għajnuna biex jeħles mix-xibka tal-vjolenza u jiġġedded fit-tama.

Għeżież ħuti, jalla l-Mulej itikom il-forza biex tibqgħu għaddejjin, biex ma taqtgħux qalbkom, imma biex tkomplu titqabdu kontra l-korruzzjoni, il-vjolenza, il-mafja u t-terroriżmu.  Jien konxju mill-fatt li x-xogħol tagħkom huwa wkoll riskju għal ħajjitkom, dan nafuh u nafu wkoll li hemm ir-riskju ta’ perikli oħra għalikom u għall-familji tagħkom.  Il-mod mafjuż ta’ kif isiru dawn l-affarijiet.  Għaldaqstant (xogħolkom) jitlob minnkom ħeġġa akbar, is-sens tad-dover u qalb qawwija, u wkoll, min-naħa tagħna, min-naħa taċ-ċittadini kollha li jgawdu mill-ħidma tagħkom, sapport akbar, talb u qrubija.  Jien niżgurakom li jien qrib ħafna tagħkom, ta’ ħidmietkom u nitlob għalikom.

Fl-istess waqt, jalla l-Mulej ġust u ħanin imiss il-qlub tal-irġiel u n-nisa tal-mafji differenti, sabiex jieqfu, ma jagħmlux aktar ħsara, jikkonvertu u jibdlu ħajjithom.  Il-flus tan-negġzju maħmuġ huma flus imdemmija u jipproduċu setgħa malinna.  Ilkoll nafu li x-xitan “jidħol mill-but”: hemm tinsab l-ewwel korruzzjoni.

Fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq xogħolkom, ninvoka l-għajnuna tal-Mulej.  Intenni: jien qribkom ħafna.  U filwaqt li nitlob lilkom ukoll biex titolbu għalija, inberikkom minn qalbi.

Il-Mulej ibierek lilkom u lill-familji tagħkom.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber