VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIR-RUMANIJA

(31 TA’ MEJJU - 2 TA’ ĠUNJU 2019)

 

LITURĠIJA DIVINA TAL-BEATIFIKAZZJONI TAS-7 ISQFIJIET GRIEGI-KATTOLIĊI MARTRI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Kamp tal-Libertà (Blaj)

Il-Ħadd 2 ta’ Ġunju 2019

 

“Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” (Ġw 9:2). Din il-mistoqsija tad-dixxipli lil Ġesù twassal għal serje ta’ movimenti u ta’ azzjonijiet li jsieħbu r-rakkont kollu ta’ dan il-Vanġelu, u jikxfu u juru dak li tassew jagħmi l-qalb tal-bniedem.

 

Ġesù, bħad-dixxipli tiegħu, jilmaħ lil dak ir-raġel agħma mit-twelid, u kapaċi jagħrfu u jpoġġih fiċ-ċentru. Wara li jistqarr li l-għama tiegħu ma kienx frott id-dnub, iħallat it-trab tal-art mal-bżieq tiegħu u jidliklu għajnejh bih; imbagħad jordnalu jmur jinħasel fil-pixxina ta’ Silwam. Wara li jkun inħasel, l-agħma jikseb mill-ġdid id-dawl. Interessanti ninnutaw kif il-miraklu jinsab miġbur f’rakkont ta’ mhux aktar minn żewġ versi, waqt li l-oħrajn jixħtu l-attenzjoni tagħna mhux fuq l-agħma mfejjaq, imma fuq id-diskussjonijiet li jqanqal. Donnu ħajtu u speċjalment il-fejqan tiegħu jsiru ħaġa banali, anneddotu jew element ta’ diskussjoni, kif ukoll ta’ irritazzjoni u fastidju. L-agħma mfejjaq l-ewwel jiġi interrogat mill-folla mistagħġba, imbagħad mill-Fariżej; u dawn jistaqsu wkoll lill-ġenituri tiegħu. Iqiegħdu f’dubju l-identità tar-raġel imfejjaq; imbagħad jiċdu l-azzjoni ta’ Alla, bl-iskuża li Alla ma jaħdimx nhar ta’ Sibt; jaslu saħansitra biex jiddubitaw li dak ir-raġel kien twieled agħma.

 

Ix-xena u d-diskussjoni kollha jikxfu kemm hu diffiċli li wieħed jifhem l-azzjonijiet u l-prijoritajiet ta’ Ġesù, li jaf iqiegħed fiċ-ċentru lil dak li kien fil-periferija, speċjalment meta naħsbu li l-primat hu tas-“Sibt” u mhux tal-imħabba tal-Missier li jfittex li jsalva lill-bnedmin kollha (ara 1 Tim 2:4); l-agħma kellu jgħix mhux biss mal-għama tiegħu imma wkoll ma’ dak ta’ dawk li kellu madwaru. Hekk ikunu r-reżistenzi u l-ostilitajiet li jitqanqlu fil-qalb tal-bniedem meta, fiċ-ċentru, flok il-persuni, inqiegħdu interessi partikulari, tikketti, teoriji, astrazzjonijiet u ideoloġiji, li, mnejn jgħaddu, ma jagħmlux għajr jagħmu lil kollox u ’l kulħadd. Imma l-loġika tal-Mulej hi differenti: mhux talli ma jinħebiex wara li ma jagħmel xejn jew fl-astrazzjoni ideoloġika, imma talli joħroġ ifittex il-persuna bil-wiċċ tagħha, bil-ġrieħi tagħha u bl-istorja tagħha. Joħroġ jiltaqa’ magħha u ma jitqarraqx minn diskorsi li mhumiex kapaċi jagħtu l-prijorità u jpoġġu fiċ-ċentru lil dak li tassew hu importanti.

 

Dawn l-artijiet jafu biżżejjed kif tkun it-tbatija tan-nies meta l-piż tal-ideoloġija jew ta’ reġim ikun ikbar mill-ħajja nfisha u jieħu s-sopravvent bħala norma għall-istess ħajja u għall-fidi tal-persuni; meta l-kapaċità tad-deċiżjoni, tal-libertà u tal-ispazju għall-kreattività tispiċċa tixxejjen u saħansitra tinqered (ara Enċiklika Laudato si’, 108). Ħuti, intom batejtu minħabba fid-diskorsi u l-azzjonijiet mibnija fuq l-iskreditar li jwasslu saħansitra għat-tkeċċija u għall-qerda ta’ min ma jistax jiddefendi ruħu u jsikktu l-ilħna li huma differenti. Jiġuni f’moħħi, b’mod partikulari, s-seba’ Isqfijiet Griegi-Kattoliċi li bil-ferħ stajt nipproklama Beati. Quddiem l-oppressjoni ħarxa tar-reġim, huma wrew fidi u mħabba eżemplari għall-poplu tagħhom. B’kuraġġ u qawwa interjuri liema bħalhom, aċċettaw li joqogħdu għall-ħabs iebes u għal kull xorta ta’ maltrattament, basta ma jiċħdux l-appartenenza tagħhom għall-Knisja maħbuba tagħhom. Dawn ir-Ragħajja, martri tal-fidi, żammew sħiħ u ħallew lill-poplu Rumen wirt prezzjuż li nistgħu niġbruh sempliċiment f’żewġ kelmiet: libertà u ħniena.

 

Meta naħseb fil-libertà, ma nistax ma nosservax li qed niċċelebraw din il-Liturġija Divina fil-“Kamp tal-Libertà”. Dan il-post sinifikattiv ifakkarna fl-għaqda tal-Poplu tagħkom li twettqet fid-diversità tal-espressjonijiet reliġjużi: dan hu wirt spiritwali li jagħni u jikkaratterizza l-kultura u l-identità nazzjonali Rumena. Il-Beati ġodda batew u ssagrifikaw ħajjithom, u ħaduha kontra sistema ideoloġika non-tolleranti u li tjassar tal-jeddijiet fundamentali tal-persuna umana. F’dak il-perjodu iebes, il-ħajja tal-komunità Kattolika kienet taħt prova kbira min-naħa tar-reġim ditttorjali u ateu: l-Isqfijiet kollha u ħafna fidili tal-Knisja Griega-Kattolika u tal-Knisja Kattolika tar-Rit Latin kienu ppersegwitati u mixħuta l-ħabs.

 

L-aspett l-ieħor tal-wirt spiritwali tal-Beati ġodda hu l-ħniena. Mal-qlubija tagħhom biex jistqarru l-fedeltà lejn Kristu, kien hemm fihom dispożizzjoni għall-martirju mingħajr ebda kliem ta’ mibegħda lejn il-persekuturi tagħhom, li magħhom urew ħlewwa mhux żgħira. Huwa elokwenti tassew dak li ddikjara kemm dam il-ħabs l-Isqof Iuliu Hossu: “Alla bagħatna qalb dawn id-dlamijiet tat-tbatija biex inxerrdu l-maħfra u nitolbu għall-konverżjoni ta’ kulħadd”. Dawn il-kelmiet huma s-simbolu u l-ġabra fil-qosor tal-atteġġjament li bih dawn il-Beati fi żmien il-prova wieżnu lill-poplu tagħhom biex seta’ jkompli jistqarr il-fidi mingħajr ma jċedi u mingħajr ma jfittex vendetta. Dan l-atteġġjament ta’ ħniena ma’ dawk kkalzrawhom hu messaġġ profetiku, għax illum huwa bħal stedina lil kulħadd biex nirbħu l-korla bl-imħabba u l-maħfra, billi ngħixu b’koerenza u kuraġġ il-fidi Nisranija.

 

Għeżież ħuti, illum ukoll qed jerġgħu jitfaċċaw ideoloġiji ġodda li, ħelu ħelu, qed jippruvaw jimponu ruħhom u jaqilgħu lill-poplu tagħna mill-aktar tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali għonja li għandu. Kolonizzazzjonijiet ideoliġiċi li jistmerru l-valur tal-persuna, tal-ħajja, taż-żwieġ u tal-familja (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris laetitia, 40) u jagħmlu ħsara, bi proposti li jaljenaw, u huma daqstant ieħor atei daqskemm kienu tal-imgħoddi, b’mod partikulari liż-żgħażagħ u t-tfal tagħna billi jħalluhom sajma mill-għeruq li bihom jistgħu jikbru (ara Eżortazzjoni appostolika Christus vivit, 78); u allura kollox isir irrilevanti jekk mhux biex jaqdi l-interessi immedjati ta’ dak li jkun, u jwassal il-persuni biex japprofittaw mill-oħrajn u jittrattawhom sempliċiment bħala oġġetti (ara Enċiklika Laudato si’, 123-124). Huma ilħna li jiżirgħu l-biża’ u l-firda, u hekk ifittxu li jeqirdu u jidfnu l-egħżeż wirt li dawn l-artijiet raw jitwieled. Fost dan il-wirt, inġib quddiem għajnejja, ngħidu aħna, l-Editt ta’ Torda tal-1568, li pprojibixxa kull xorta ta’ radikaliżmu u ppromova – wieħed mill-ewwel każijiet fl-Ewropa – att ta’ tolleranza reliġjuża.

 

Nixtieq inħeġġiġkom biex twasslu dan id-dawl tal-Vanġelu lin-nies ta’ żmienna u tibqgħu titqabdu, bħal dawn il-Beati, kontra dawn l-ideoloġiji ġodda li qed jixirfu. Issa jmiss lilna nitqabdu, kif mess lilhom jitqabdu f’dawk iż-żminijiet. Kunu xhieda ta’ libertà u ta’ ħniena, billi taraw li l-fraternità u d-djalogu jegħlbu l-firdiet, u hekk issaħħu l-fraternità tad-demm, li għandha l-bidu tagħha fil-perjodu ta’ tbatija li fih l-Insara, mifruda mal-medda tal-istorja, skoprew li kienu aktar qrib u solidali ma’ xulxin. Għeżież ħuti, magħkom f’din il-mixja tagħkom għandkom il-ħarsien matern tal-Verġni Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla, u l-interċessjoni tal-Beati l-ġodda.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard