Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Italja u f’bosta pajjiżi oħra qed tiġi ċelebrata s-solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej.  Dil-festa tiġbor fiha żewġ elementi.  Minn naħa torjenta ħarsitna lejn is-sema, fejn Ġesù glorifikat jinsab fil-lemin ta’ Alla (cfr Mk 16,19).  Min-naħa l-oħra tfakkarna l-bidu tal-missjoni tal-Knisja; għaliex?  Għax Ġesù Rxoxt li tela’ s-sema jibgħat lid-dixxipli tiegħu biex ixerrdu l-Evanġelju fid-dinja kollha. Għaldaqstant, it-Tlugħ fis-Sema jħeġġiġna biex nerfgħu ħarsitna lejn is-sema, biex mill-ewwel indawruha lejn l-art, billi nwettqu l-ħidma li l-Mulej Irxuxtat ħalla f’idejna.

Dan hu dak li jistedinna nagħmlu l-Evanġelju tal-lum, li fih l-avveniment tat-Tlugħ fis-Sema jiġi eżatt qabel il-missjoni li Ġesù jħalli f’idejn id-dixxipli.  Hija missjoni bla limiti – jiġifieri mingħajr konfini – li tisboq il-forzi umani.  Infatti Ġesù jgħid: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu (Mk 16,15).  Donnu jidher wisq riskjuż l-inkarigu li Ġesù jħalli f’idejn grupp żgħir ta’ rġiel ta’ ftit ħila intellettwali!  Madankollu, dan il-grupp ċkejken, mingħajr ebda pretensjoni quddiem il-setgħat qawwija tad-dinja, hi mistiedna biex twassal il-messaġġ tal-imħabba u l-ħniena ta’ Ġesù f’kull rokna tad-dinja.

Iżda dal-proġett ta’ Alla jista’ jitwettaq biss bil-qawwa li Alla nnifsu jagħti lill-Appostli.  F’dan is-sens, Ġesù jiżgurahom li l-missjoni tagħhom se jkollha bħala bastun lill-Ispirtu s-Santu. U jgħid hekk: “Se tirċievu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jinżel fikom u intom tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Ġudeja kollha u fis-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1,8).  B’hekk dil-missjoni setgħet titwettaq u l-Apposlti bdew din l-opra li mbagħad kompliet permezz tas-suċċessuri tagħhom.  Il-missjoni li Ġesù fada f’idejn l-Appostli bagħet sejra matul is-sekli, u għada għaddejja sal-ġurnata tal-lum: din teħieġ il-kollaborazzjoni tagħna lkoll.   Infatti, kull wieħed u waħda minna, bis-saħħa tal-Magħmudija li rċievejna, ingħatajna s-setgħa biex min-naħa tagħna nħabbru l-Evanġelju.  Hija propju l-Magħmudija, li ttina s-setgħa u wkoll timbuttana biex inkunu missjunarji, biex inħabbru l-Evanġelju.

Filwaqt li jinawgura għamla oħra tal-preżenza ta’ Ġesù fostna, it-Tlugħ fis-Sema, jitlob minna li nkunu b’għajnejna u qlubna miftuħin biex naqduh u nagħtu xhieda tiegħu mal-oħrajn.  Ifisser li nkunu rġiel u nisa tat-Tlugh fis-Sema, jiġifieri nies li jfittxu lil Kristu tul il-mogħdijiet ta’ żmienna, u nwasslu l-Kelma tiegħu ta’ salvazzjoni sat-truf tal-art.  Tul din il-mixja aħna niltaqgħu ma’ Ġesù nnifsu f’ħutna, l-aktar min hu l-ifqar, dawk li jsofru f’ġisimhom l-esperjenza iebsa u mortifikanti ta’ faqar antik u ġdid.  Kif fil-bidu, Kristu Rxoxt bagħat lill-appostli tiegħu, bl-istess qawwa, biex inisslu sinjali konkreti ta’ tama, l-istess għadu jagħmel illum.  Hu jibgħat lilna lkoll, bl-istess qawwa, biex innisslu sinjali ta’ tama konkreti u li jidhru.  Għax Ġesù li jtina t-tama, mar is-sema u fetaħ il-bibien tas-smewwiet u t-tama li aħna għad naslu hemmhekk.

Il-Verġni Marija, bħala Omm tal-Mulej li miet u rxoxta, kienet ħeġġet il-fidi tal-ewwel komunità ta’ dixxipli, Hi tgħin lilna wkoll biex inżommu qlubna merfugħin, kif tħeġġina nagħmlu l-Liturġija.  U fl-istess waqt, tgħinna nżommu saqajna mal-art, u biex bil-kuraġġ niżirgħu l-Evanġelju fis-sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja u tal-istorja.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

inħossni partikolarment qrib l-għażiż poplu tal-Indoneżja, b’mod speċjali l-komunitajiet insara tal-belt ta’ Surabaya li ntlaqtu gravemement minn attakk fuq imkejjen tal-kult. Nerfa’ talbi għall-vittmi kollha u l-familjari tagħhom.  Flimkien nitolbu lil Alla tal-paċi biex iwaqqaf dawn l-azzjonijiet vjolenti, u biex fil-qlub ta’ kulħadd isib kenn mhux is-sentiment tal-mibgħeda u l-vjolenza, imma tar-rikonċiljazzjoni u l-fraternità. Nitolbu fis-skiet.

Illum qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali bit-tema: “Fake News – jiġifieri aħbarijiet foloz – u ġurnaliżmu tal-paċi”.  Insellem lill-operaturi kollha tal-mezzi tal-komunikazzjoni u partikolarment lill-ġurnalisti mpejnati fit-tfittxija tal-verità tal-aħbarijiet, biex ikunu ta’ kontribut għal soċjetà ġusta u paċifika.

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini; partikolarment lill-mużiċisti u l-gruppi folkloristiċi li ġejjin mill-Ġermanja; lill-fidili mill-Paragwaj li jgħejxu f’Ruma tal-komunità “Virgen de Caacupé”; lill-parteċipanti tal-konvenju tal-UCIIM, f’għeluq il-ħamsin sena mill-mewt tal-fundatur tagħhom Gesualdo Nosengo; lill-moviment “Dives in Misericordia” min Napli.

Insellem lill-fidili minn Catania, Scandicci, San Ferdinando di Puglia u San Marzano sul Sarno; lill-bosta żgħażagħ li se jagħmlu jew għamlu l-Konfermazzjoni, minn Genova, kif ukoll lil dawk ġejjin minn Emmenbrücke (l-Isvizzera) u Liscate; lit-tfal tal-parroċċa San Giusto minn Ruma; u lill-istudenti tal-Istitut “Tommaso Aversa” minn Mistretta.

Insellem lill-impjegati tal-”Federal Express Europe”, bl-awgurju li d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom bħalissa tinstabilhom soluzzjoni pożittiva.

Ħsieb speċjali jmur lejn l-Alpini, miġburin fi Trento għall-Laqgħa Nazzjonali.  Ninkoraġġihom biex ikunu xhieda tal-karità u operturi tal-paċi fuq l-eżempju ta’ Teresio Olivelli, Alpino, difensur tad-dgħajfa, li ftit ilu kien ġie dikjatrat Beatu.  U minħabba li llum f’bosta pajjiżi huwa Jum l-Omm, nagħtu applaws lill-ommijiet!  Irrid insellem lill-ommijiet kollha u rrodilhom ħajr għal ħarsien li jagħtu lill-familji.  Infakkar ukoll lill-ommijiet li qed jarawna mis-sema u qed ikomplu jħarsuna bit-talb tagħhom.  Nitolbu lil Ommna Ċelesti, li llum it-13 ta’ Mejju, niftakru fiha bit-titltu ta’ Sinjura tagħna ta’ Fatima, tgħinna biex nibqgħu għaddejjin fil-mixja tagħna.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber