F’dan l-Imkien, fejn twieled il-Prinċep tal-paċi, nixtieq nistieden lilek, Sur President Mahmoud Abbas, u lis-Sur President Shimon Peres, biex flimkien miegħi tgħollu quddiem Alla talba qawwija għad-don tal-paċi.  Noffri r-residenza tiegħi fil-Vatikan biex tospita din il-laqgħa ta’ talb.

 

Kollha nixtequha l-paċi; tant persuni jibnuha ta’ kuljum b’ġesti ċkejknin; ħafna qed ibatu u jġarrbu bis-sabar it-taħbit ta’ tant tentattivi biex jibnuha.  U lkoll – speċjalment dawk li huma mqiegħda għas-servizz tal-popli tagħhom – għandna d-dmir li nkunu għodda u bennejja tal-paċi, qabel xejn bit-talb.

 

Li tibni l-paċi hi ħaġa iebsa, imma li tgħix bla paċi hu turment.  L-irġiel u n-nisa kollha ta’ din l-Art u tad-dinja kollha jitolbuna nwasslu quddiem Alla x-xewqa mħeġġa tagħhom għall-paċi.

 

* * *

 

Għeżież ħuti,

 

Hekk kif qed noqorbu biex intemmu din iċ-ċelebrazzjoni, indawru l-ħsieb tagħna lejn l-Imqaddsa Marija, li sewwa sew hawn f’Betlehem tat id-dawl lil Binha Ġesù.  Il-Verġni hi dik li iżjed minn kulħadd ikkontemplat lil Alla fil-wiċċ tal-bniedem Ġesù.  Megħjuna minn San Ġużepp, fisqietu fil-faxex u medditu fil-maxtura.

 

Lilha nafdaw dan it-territorju u dawk kollha li jgħixu fih, biex jistgħu jgħixu fil-ġustizzja, fil-paċi u fil-fraternità.  Nafdaw anki l-pellegrini li jiġu hawn biex jixorbu mill-għejun tal-fidi Nisranija – hawn minnhom preżenti wkoll għal din il-Quddiesa.

 

Ħares, o Marija, lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-anzjani.  Ħares fuq dawk kollha li telqu l-fidi u t-tama; farraġ lill-morda, il-ħabsin u dawk kollha li qed ibatu; wieżen lir-Rgħajja u lill-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu, biex ikunu “melħ u dawl” f’din l-art imbierka; wieżen l-opri edukattivi, b’mod partikulari l-Bethlehem University.

 

Aħna u nikkontemplaw lill-Familja Mqaddsa, hawn f’Betlehem, ħsiebi bħalissa jmur lejn Nazareth, fejn nittama li għad inkun nista’ mmur, jekk Alla jrid, f’okkażjoni oħra.  Minn hawn inħaddan miegħi lill-fidili Nsara li jgħixu fil-Galilija u ninkuraġġixxi t-twettiq f’Nazareth taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Familja.

 

F’idejn il-Verġni Mqaddsa nafdaw ix-xorti ta’ l-umanità, biex jinfetħu fid-dinja l-orizzonti ġodda u promettenti tal-fraternità, tas-solidarjetà u tal-paċi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard