Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Kelma t’Alla, f’dan il-ħames Ħadd tal-Għid, tkompli turina t-triq u tgħidilna x’inhuma l-kundizzjonijiet biex inkunu komunità tal-Mulej Irxuxtat.  Il-Ħadd li għadda kellna l-enfasi fuq ir-relazzjoni bejn min jemmen u Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb.  Illum l-Evanġelju qed itina l-waqt li Ġesù jippreżenta ruħu bħala d-dielja t-tajba u jistedinna biex nibqgħu magħqudin miegħu sabiex nagħmlu ħafna frott (cfr Ġw. 15, 1-8).  Id-dielja hi pjanta li hi ħaġa waħda mal-friegħi; u l-friegħi huma għammiela minħabba li huma mqabbdin mad-dielja.  Dir-relazzjoni hi s-sigriet tal-ħajja nisranija u l-evanġelista Ġwanni jesprimiha bil-verb “ibqa’” li fis-silta tal-lum jittenna seba’ darbiet.  “Ibqgħu fija”, jgħid il-Mulej; nibqgħu fil-Mulej.

Ifisser li nibqgħu mal-Mulej biex insibu l-kuraġġ li noħorġu minna nfusna, mill-kumditajiet tagħna, mill-ispazji dojoq u protetti tagħna, biex noħorġu fil-baħar miftuħ tal-ħtiġijiet tal-oħrajn u nberrħu f’firxa mill-aktar wiesa’ x-xhieda nisranija tagħna, fid-dinja.  Dal-kuraġġ li noħorġu minna nfusna biex nagħmlu tagħna l-ħtiġijiet tal-oħrajn, jitnissel mill-fidi tagħna f’Ġesù Rxoxt u miċ-ċertezza li l-Ispirtu tiegħu jakkumpanja l-istorja tagħna.  Waħda mill-aktar frottiet maturi li tinbet mill-għaqda tagħna ma’ Kristu, infatti, hija l-impenn tal-karità lejn il-proxxmu, l-imħabba lejn l-aħwa billi ninsew lilna nfusna, sal-konsegwenzi aħħarija, kif ħabbna Ġesù.  Id-dinamiżmu tal-karità ta’ min jemmen, mhux frott ta’ strateġiji, ma jinbitx minn stimoli esterni, mill-ħtiġijiet soċjali jew ideoloġiċi, imma jinbet mil-laqgħa ma’ Ġesù u li nibqgħu f’Ġesù.  Għalina hu d-dielja li minna nieħdu n-nutriment, jiġifieri “l-ħajja” biex lis-soċjetà nwasslulha mod differenti kif tgħejx u   tuża l-enerġija tagħha sabiex fl-ewwel post tqiegħed lil tal-aħħar.

Meta għandna l-intimità mal-Mulej, kif inhuma mwaħħdin flimkien intimament id-dielja u l-friegħi, niksbu l-ħila li jkollna fina frott ta’ ħajja ġdida, ta’ ħniena, ta’ ġustizzja u ta’ paċi, li jiġu mill-Qawmien tal-Mulej.  Dan hu li għamlu l-qaddisin, dawk li għexu l-milja tal-ħajja nisranija u x-xhieda tal-karità, għax kienu verament friegħi tad-dielja tal-Mulej.  Imma biex insiru qaddisin “mhux meħtieġ li nkunu isqfijiet, saċerdoti jew reliġjużi. (.....) Ilkoll kemm aħna msejħin biex inkunu qaddisin billi ngħejxu bl-imħabba u kull wieħed u waħda minna noffru x-xhieda tagħna f’dak li nagħmlu ta’ kuljum, hemmhekk, fil-post fejn inkunu” (Eżort. App. Gaudete et Exsultate, 14).  Ilkoll kemm aħna msejħin biex inkunu qaddisin; għandna nkunu qaddisin b’dan l-għana li nirċievu mill-Mulej Irxuxtat.  Kull attività – ix-xogħol, il-mistrieħ, il-ħajja tal-familja u soċjali, it-tħaddim tar-responsabbiltajiet politiċi, kulturali u ekonomiċi – kull attività, żgħira jew kbira, jekk tingħex f’għaqda ma’ Ġesù u b’atteġġjament ta’ mħabba u servizz, hija okkażjoni biex ngħejxu l-milja tal-Magħmudija u l-qdusija evanġelika.

Tkun għinuna għalina Marija, Sultana tal-Qaddisin u mudell perfett tal-għaqda ma’ Binha divin .  Hi tgħallimna nibqgħu f’Ġesù bħall-friegħi mad-dielja, u biex qatt ma ninqatgħu mill-imħabba tiegħu.  Infatti, xejn ma nistgħu nagħmlu mingħajru għax ħajjitna hi Kristu, preżenti fil-Knisja u fid-dinja.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ fi Krakovja ġiet iddikjarata beata, Anna Chrzanowska, fidila lajka, li ddedikat ħajjitha biex tikkura l-morda li fihom kienet tara l-wiċċ ta’ Ġesù fit-tbatija.  Niżżu ħajr ‘l Alla għax-xhieda ta’ din l-appostlu tal-morda u nagħmlu sforz biex nimitaw l-eżempju tagħha.

Bit-talb qed nakkumpanja s-Summit inter-Korean li sar nhar il-Ġimgħa biex iħalli riżultati pożittivi u biex l-impenn kuraġġuż li ħadu l-mexxejja taż-żewġ naħat iwassal għal djalogu sinċier għal peniżola Koreana mingħajr armamenti nuklejari.  Nitlob lill-Mulej biex it-tamiet ta’ futur fil-paċi u aktar fraternità ma jisfawlniex ta’ diżappunt, u sabiex il-kollaborazzjoni tkompli, u ġġib frott ta’ ġid għall-maħbub poplu Korean u għad-dinja kollha.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-komunità nisranija tan-Niġerja reġgħet intlaqtet bil-qtil ta’ grupp ta’ fidili, fosthom żewġ saċerdoti: lil dawn ħutna nafdawhom f’idejn Alla tal-ħniena biex jgħin lil dik il-komunità tant imġarrba sabiex tikseb mill-ġdid l-għaqda u l-paċi.

Insellem minn qalbi lill-pellegrini lli hawn preżenti, verament wisq biex insemmi kull grupp!  Imma tal-anqas insellem lil dawk li ġejjin minn Braga (il-Portugall), mill-Indja u mill-Pakistan; lill-fidili minn Pavia, Crema, u Vignale; lill-bosta żgħażagħ li rċevew jew se jirċievu l-Griżma; lill-adoloxxenti minn Cuneo, Remedello, Arcore, Valle Olona, Modica u (.....).

Ħsieb partikolari jmur lejn il-Konfraternitajiet minn Assisi akkumpanjati mill-Isqof; lejn iż-żgħażagħ animaturi tal-Patrijiet Gużeppini ta’ Murialdo; u lejn il-parteċipanti tal-konvenju nazzjonali tal-katekument, imniedi mill-Konferenza Episkopali Taljana.

Għeżież ħuti, pitgħada, l-ewwel ta’ Mejju, waranofsinhar se nibda x-xahar Marjan b’pellegrinaġġ fis-Santwarju tal-Madonna del Divino Amore.  Se nirreċitaw ir-Rużarju u nitolbu partikolarment għall-paċi fis-Sirja u fid-dinja kollha. Nistedinkom tingħaqdu magħna spiritwalment u matul ix-xahar kollu ta’ Mejju tgħidu r-Rużarju għall-paċi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber