Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dil-ġurnata tat-Tnejn tal-Għid li jissejjaħ (bit-Taljan) “It-Tnejn tal-Anġlu”, qlubna għadhom mimlijin bil-ferħ tal-Għid.  Wara ż-żmien tar-Randan, żmien ta’ penitenza u konverżjoni, li l-Knisja għexitu b’intensità partikolari f’din is-Sena tal-Ħniena; wara ċ-ċelebrazzjonijiet emozjonanti tat-Tridu Qaddis; illum ukoll nieqfu quddiem il-qabar vojt ta’ Ġesù u nimmeditaw bi stgħaġib u gratitudni l-misteru kbir tal-qawmien tal-Mulej.

Il-ħajja għelbet il-mewt.  Il-ħniena u l-imħabba għelbu d-dnub!  Hemm bżonn il-fidi u t-tama biex ninfetħu għal dan ix-xefaq ġdid u meraviljuż.  U aħna nafu li l-fidi u t-tama huma rigal ta’ Alla, u għandna nitolbuh: “Mulej, agħtini l-fidi, agħtini t-tama!  Neħtiġuhom ħafna!”  Inħallu l-emozzjonijiet li jidwu fis-sekwenza tal-Għid jinvaduna: «Iva, aħna ċerti minn dan: Kristu qam tassew».  Il-Mulej qam fostna!  Din il-verità mmarkat b’mod li ma jitħassarx il-ħajja tal-Appostli li, wara l-qawmien, ħassew mill-ġdid il-bżonn li jimxu wara l-Imgħallem tagħhom u, wara li rċevew l-Ispirtu s-Santu, marru mingħajr biża’ jħabbru lil kulħadd dak li kienu raw b’għajnejhom u dak li kienu ħassew personalment.

F’din is-sena tal-Ġublew, aħna msejħin biex insibu mill-ġdid u nilqgħu b’intensità partikolari l-aħbar li tfarraġ tal-qawmien: «Kristu, tama tiegħi, qam!»  Jekk Kristu qam, nistgħu nħarsu lejn kull ma’ jiġri f’ħajjitna, anki dak li jkun negattiv, b’għajnejn u qalb ġodda.  Il-waqtiet tad-dlam, ta’ falliment u anki tad-dnub jistgħu jinbidlu u jħabbru triq ġdida.  Meta nkunu missejna l-qiegħ tal-miżerja u tad-dgħufija tagħna, Kristu Rxoxt itina l-qawwa biex nerġgħu nqumu.  Jekk nintelqu f’idejh, il-grazzja tiegħu ssalvana!  Il-Mulej imsallab u mqajjem hu r-rivelazzjoni sħiħa tal-ħniena, preżenti u taħdem fl-istorja.  Dan hu l-messaġġ tal-Għid li jidwi u għad jibqa’ jidwi tul iż-żmien kollu tal-Għid sal-Pentekoste.

Xhud sieket tal-avvenimenti tal-passjoni u tal-qawmien ta’ Ġesù kienet Marija.  Hi kienet wieqfa taħt is-salib: ma għotritx quddiem in-niket, imma l-fidi tagħha saħħitha.  Fil-qalb imċarrta tagħha ta’ omm, dejjem baqgħet mixgħula l-fjamma tat-tama.  Nitolbuha tgħinna biex anki aħna nilqgħu bis-sħiħ it-tħabbira tal-qawmien, ħalli ninkarnawha fil-konkretezza tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Jalla l-Verġni Marija ttina ċ-ċertezza tal-fidi (biex nifhmu) li kull pass iebes tal-mixja tagħna, imdawwal mid-dawl tal-Għid, isir barka u ferħ għalina u għall-oħrajn, speċjalment għal dawk li jbatu minħabba l-egoiżmu u l-indifferenza.

Nitolbuha għalhekk, bil-fidi u d-devozzjoni, bir-Regina Coeli, it-talba li tingħad minflok l-Angelus matul iż-żmien kollu tal-Għid.

 


Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ fil-Pakistan ċentrali, l-Għid Imqaddes kien imdemmi b’attentat waħxi li għamel straġi minn bosta persuni innoċenti, il-biċċa l-kbira minnhom familji tal-minoranza Kristjana – speċjalment nisa u tfal – li kienu miġburin fi ġnien pubbliku biex jaqsmu flimkien il-ferħ tal-festa tal-Għid.  Nixtieq nuri l-qrubija tiegħi lejn dawk li ntlaqtu minn dan il-krimini vili u bla sens, u nistieden li jsir talb lill-Mulej għall-għadd kbir ta’ vittmi u għall-għeżież tagħhom.  Nappella lill-awtoritajiet ċivili u lill-komponenti soċjali kollha ta’ dak in-nazzjon biex jagħmlu kull sforz ħalli jroddu lura s-sigurtà u  s-serenità lill-popolazzjoni, partikolarment lill-minoranzi reliġjużi l-aktar vulnerabbli.  Intenni għal darb’oħra li l-vjolenza u l-mibgħeda omiċida jnisslu biss niket u qerda: ir-rispett u l-fraternità huma t-triq waħdanija biex ikun hemm il-paċi.  Jalla l-Għid tal-Mulej iqanqal fina, b’mod aktar qawwi, it-talb lil Alla biex idejn il-vjolenti li jiżirgħu it-terrur u l-mewt, jieqfu, ħalli fid-dinja jkunu jistgħu jsaltnu l-imħabba, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni.  Nitolbu lkoll għall-mejtin ta’ dan l-attentat, għall-familjari, għall-minoranzi reliġjużi Kristjani u etniċi ta’ dak in-Nazzjoni: Sliem għalik Marija.....

Fil-klima tal-Għid li ninsabu fih, insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja biex tieħdu sehem f’dan il-mument ta’ talb.  U ftakru dejjem f’dik l-espressjoni sabiħa tal-Liturġija: “Kristu, it-tama tiegħi, qam!”  Ejjew ngħiduha tliet darbiet flimkiern.  Kristu, it-tama tiegħi, qam!

Nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom li tgħaddu bil-ferħ u s-serenità din il-Ġimgħa li fiha jibqa’ jidwi l-ferħ tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu.  Biex ngħejxu dan iż-żmien b’mod aktar qawwi jagħmlilna tajjeb naqraw kuljum pass mill-Evanġelju li jitkellem dwar l-avveniment tar-Riżurrezzjoni.  Ħames minuti, xejn aktar, wieħed jista’ jaqra silta mill-Evanġelju. Ftakruh dan!

L-Għid it-Tajjeb u Qaddis lil kuħadd!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber