Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid – illum – imsejjaħ ukoll “il-Ħadd tar-Ragħaj it-tajjeb”, ta’ kull sena tistedinna nerġgħu nsiru naf, b’għaġeb dejjem ġdid, din id-definizzjoni li Ġesù jagħti lilu nnifsu, billi nerġgħu naqrawha fid-dawl tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.  “Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ” (Ġw 10,11): dawn il-kelmiet ġew fis-seħħ b’mod sħiħ meta Kirstu, fl-ubbidjenza ħielsa minn kull irbit lejn ir-rieda tal-Missier, ta ħajtu f’offerta fuq is-salib.  Għalhekk it-tifisra ta’ x’jiġifieri li Hu “Ir-ragħaj it-tajjeb” toħroġ ċara: jagħti ħajtu, offra ħajtu bħala sagrifiċċju għalina lkoll: għħalija, għalik, għalik, għalija, għal kulħadd! Għalekk Hu r-ragħaj it-tajjeb!

Kristu huwa r-ragħaj tassew, li juri l-mudell l-aktar għoli ta’ mħabba għall-merħla tiegħu: Hu jagħti ħajtu minn rajh, ħadd ma joħodhielu (cfr v. 15), imma jagħtiha hu stess għall-ġid tan-nagħaġ (v. 17). Għall-kuntrarju tar-rgħajja foloz, Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala r-ragħaj veru u waħdieni tal-poplu: ir-ragħaj il-ħażin jaħseb f’dak li jaqbel lilu u juża n-nagħaġ; ir-ragħaj it-tajjeb jaħseb fin-nagħaġ u jagħti ilu nnifsu. Bil-maqlub tal-mikri, Kristu r-ragħaj hu l-mexxej għaqli li jieħu sehem fil-ħajja tal-merħla tiegħu, ma jfittix dak li jaqbillu, ma għandu l-ebda għan ieħor ħlief li jmexxi, jitma u jħares in-nagħaġ tiegħu. U dan kollu għall-għola prezz, dak li jissagrifika ħajtu stess.

Fil-figura ta’ Ġesù, ragħaj tajjeb, aħna naraw il-Provvidenza ta’ Alla, il-ħarsa paterna tiegħu lejn kull wieħed minnha. Qatt ma jħallina waħedna!  Dak li ġġib magħha din il-kontemplazzjoni ta’ Ġesù ragħaj veru u tajjeb hija l-għajta ta’ għaġeb kbir li nsibu fit-tieni qari tal-liturġija tal-lum: “Araw x’imħabba kbira tana l-Missier...” (1 Ġw 3,1).  Tassew hija mħabba misterjuża u tal-għaġeb, għax meta l-Missier tana il Ġesù bħala ragħaj li jagħti ħajtu għalina, Hu tana l-ikbar ħaġa u l-aktar ħaġa prezzjuża  li Hu seta jagħtina!  Hija l-imħabba l-aktar għolja u l-aktar pura, għax mhix immexxija minn xi bonn, ma fihiex kundizzjonijiet maħsuba, mhix interessata f’xi gwadann jew f’li tieħu xi ħaġa lura.  Quddiem din l-imħabba ta Alla, aħna nduqu ferħ kbir u ninfetħu għal għafien aktar sħiħ ta’ dak li rċevejna b’xejn.

Imma li naħsbu fuq din l-imħabba u nirringrazzjaw lil Alla għaliha mhux biżżejjed.  Jeħtieġ li nimxu wara r-Ragħaj it-tajjeb.  Dawk li għandhom il-missjoni ta’ mexxejja fil-Knisja – saċerdoti, isqfijiet, papiet – huma msejjħa b’mod partikulari biex jiex jieħdu fuqhom mhux il-mentalità ta’ managers imma ta’ qaddejja, fuq l-eżempju ta’ Ġesù li, billi xejjen lilu nnifsu, salvana permezz tal-hniena tiegħu.  Għal dan l-istil ta’ ħajja pastorali, bħala rgħajja tajbin, huma msejjħa wkoll is-saċerdoti ġodda tad-djoċesi ta’ Ruma, li kelli l-pjaċir nordna dalgħodu fil-bażilka ta’ San Pietru.

U tnejn minnhom se jiġu issa biex jirringrazzjawkom tat-talb tagħkom u biex isellmukom... (tnejn mis-saċerdoti l-ġodda jidhru maġenb il-Papa)

Marija Sanitssima aqla’ għalija, għall-isqfijiet u għas-saċerdoti tad-dinja kollha l-grazzja li naqdi lill-poplu qaddis ta’ Alla permezz tal-predikazzjoni ferriġija tal-vanġelu, taċ-ċelebrazzjoni ħajja tas-Sagramenti u tat-tmexxija pastorjali paċenzjuża u umli.

_____

Wara r-Regina Coeli l-Papa wassal dan il-messaġġ

Għeżież ħuti,

Nixtieq nassigura lill-popli tan-Nepal u ta’ pajjiżi fil-qrib li ġew milquta mit-terremot li ninsab qrib tagħhom.  Nitlob għall-vittmi, għall-feriti u għal dawk kollha li qed ibatu minħabba dan id-diżastru.  Jalla jsibu l-għajnuna fis-solidarjetà fraterna. U nitolbu lill-Madonna biex tkun qrib tagħhom: “Sliem għalik, Marija,...”

Illum fil-Canada se tiġi pproklamata Beata Maria Elisa Turgeon, fundatriċi tas-Sorijiet tal-Madonna tar-Rużarju u San Ġermanu: reliġjuża eżemplari li kienet mehdija fit-talb, fit-tagħlim f’ċentri ċkejknin tad-djoċeżi tagħha u f’opri ta’ karità. Inroddu ħajr lil Alla għal din il-mara, mudell tal-ħajja konsagrata lil Alla u għall-impenn ġeneruż ta’ servizz lejn il-proxxmu.

Insellem minn qalbi lill-pellegrini li ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn Pajjiżi differenti, b’mod partikulari dawk li ġew numerużi mill-Polonja fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju tal-kanonizzazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II.  Għeżiż, jalla dejjem jinstema’ f’qalbkom il-messaġġ tiegħu: “Iftħu l-bibien għal Kristu!” li hu kien iħabbar b’dik il-vuċi qawwija u qaddisa li kellu.  Il-Muej ibierek lilkom u lill-familji tagħkom u l-Madonna tħariskom.

Insellem lill-insara ta’ Budapest, Madrid, Burgos, Bratislava u l-Kajr, kif ukoll dawk ta’ Trieste, Giovanazzo, Gorga, Gorlago, Pesaro, Lamezia Terme.  Insellem liż-żgħażagħ ta’ Niscemi u Trezzano Rosa, l-adolexxenti tal-vikarjati ta’ Casalpusterlengo u Codogno, li se jġeddu l-isqarrija ta-fidi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u nselmilkom!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia.