Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Liturġija ta’ dar-raba’ Ħadd tal-Għid tissokta bl-għan li tgħinna niskopru mill-ġdid l-identità tagħna bħala dixxipli tal-Mulej Irxuxtat.  Fl-Atti tal-Appostli, Pietru jiddikjara bla ħabi li l-fejqan tal-magħtub, li kien wettaq, u li dwaru kienet qed titkellem Ġerusalemm kollha, kien sar f’isem Ġesù, għax “fih biss hemm is-salvazzjoni” (4,12).  F’dak ir-raġel  imfejjaq hemm kull wieħed u waħda minna – dak ir-raġel hu l-figura tagħna: aħna lkoll ninsabu hemmhekk-, hemm il-komunitajiet tagħna: kull wieħed u waħda minna jista’ jfieq mill-bosta għamliet ta’ mard spiritwali li għandu – l-ambizzjoni, l-għażż, il-kburija – jekk jaċċetta bil-fiduċja li jqiegħed l-eżistenza tiegħu f’idejn il-Mulej Irxuxtat.  “F’isem Ġesù Kristu n-Nażżarenu – jafferma Pietru – dan jinsab quddiemkom imfejjaq” (v. 10).  Iżda min hu dan Kristu li jfejjaq?  Fiex jikkonsisti li tkun imfejjaq minnu?  Minn xiex ifejjaqna?  U b’liema atteġġjamenti?

It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet kollha nsibuha fl-Evanġelju tal-lum, fejn Ġesù jgħid: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb.  Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10,11) . Din l-awtopreżentazzjoni ta’ Ġesù ma nistgħux nirriduċuha għal xi seħer emottiv, mingħajr ebda effett konkret!  Ġesù jfejjaq minħabba li hu ragħaj li jagħti l-ħajja.  Hu u jagħti ħajtu għalina, Ġesù jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “ħajtek tiswa tant għalija, li biex insalvaha nagħti lili nnifsi kollni kemm jien”.  U hija propju din l-offerta ta’ ħajtu li tagħmlu Ragħaj Tajjeb per eċċellenza, dak li jfejjaq, dak li lilna jippermettilna ngħejxu ħajja sabiħa u għammiela.

It-tieni parti tal-istess paġna evanġelika tgħidilna liema huma l-kundizzjonijiet li bihom Ġesù jista’ jfejjaqna u li bihom Hu jista’ jagħmlilna ħajjitna ferrieħa u għammiela: “Jien hu ir-ragħaj it-tajjeb – jgħid Ġesù – nagħraf lin-nagħaġ tiegħi u huma jagħrfu lili, kif Missieri jagħraf lili u jien nagħraf lill-Missier (vv 14-15).  Ġesù mhux qed jitkellem dwar għarfien intellettiv, le, imma dwar relazzjoni personali, ta’ preferenza, ta’ tenerezza reċiproka, rifless tal-istess relazzjoni intima ta’ mħabba bejnu u bejn il-Missier.  Dan hu l-atteġġjament li bih tkun mitmuma r-relazzjoni ħajja ma’ Ġesù: li nħalluh isir jafna.  Ma ningħalqux fina nfusna, ninfetaħ għall-Mulej, ħalli Hu jsir jafni.  Hu attent ħafna għal kull wieħed u waħda minna, jaf il-fond ta’ qalbna: jaf il-preġji u d-difetti tagħna, il-proġetti li wettaqna u t-tamiet li baqgħu bla temma.  Imma jaċċettana hekk, kif aħna, bid-dnubiet tagħna wkoll, biex ifejjaqna, biex jaħfrilna, imexxina bl-imħabba, sabiex inkunu nistgħu nimxu fil-mogħdijiet imħarbta mingħajr ma nitilfu t-triq.  Hu jakkkumpanjana.

Min-naħa tagħna, aħna msejħin biex insiru nafu lil Ġesù.  Dan jimplika laqgħa miegħu, laqgħa li tqanqal ix-xewqa li nimxu warajh billi nabbandunaw l-atteġġjamenti awtoreferenzjali ħallli nibdew mexjin f’toroq ġodda, li jindikalna Kristu nnifsu, u miftuħin għall-ixqfa vasti.  Meta fil-komunitajiet tagħna tibred ix-xewqa li ngħejxu r-relazzjoni ma’ Ġesù, li nisimgħu leħnu u nimxu warajh fedelment, hu inevtiabbli li nibdew ninħakmu minn modi oħra ta’ ħsieb u ngħejxu ħajja li ma tkunx koerenti mal-Evanġelju.

Marija, Ommna tgħinna inkabbru dejjem aktar bil-qawwa r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù.  Tiftaħna għal Ġesù sabiex Hu jidħol fina.  Relazzjoni aktar b’saħħitha: Hu qam.  B’hekk inkunu nistgħu nimxu warajh tul ħajjitna kollha.  F’dan il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, Marija tinterċedi għalina biex ikunu ħafna dawk li jwieġbu bil-ġenerożità u l-perseveranza lill-Mulej li jsejhilhom u jħallu kollox biex  ixerrdu s-Saltna tiegħu.

 

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Jien imħasseb ħafna minħabba dak li qed jiġri f’dal-ġranet fin-Nikaragwa, fejn, wara protesta soċjali, inqala’ l-ġlied li ħalla wkoll xi vittmi.  Nesprimi l-qrubija tiegħi bit-talb lejn dak il-pajjiż u ningħaqad mal-Isqfijiet fit-talba biex tieqaf kull vjolenza, ikun evitat it-tixrid tad-demm u l-kwistjonijiet li hemm, jissolvew paċifikament u b’sens ta’ responsabbiltà.

Kif kont qed ngħid ftit ilu, f’dan ir-raba’ Ħadd tal-Għid, fil-Knisja kollha qed niċċelebraw il-Jum Dinji tat-Talb għall-Vokazzjonijiet.  It-tema hi: Isma’, iddixxerni, għejx is-sejħa ta-Mulej.  Niżżu ħajr lill-Mulej għax għadu jqanqal fil-Knisja stejjer ta’ mħabba lejn Ġesù Kristu, għall-ġieħ u l-glorja tiegħu u għas-servizz tal-aħwa.  Illum, b’mod partikolari, nirringrazzjawh għas-saċerdoti l-ġodda li jien ordnajt ftit tal-ħin ilu fil-Bażilika ta’ San Pietru.  U nitolbu ‘l-Mulej li jibgħat ħafna ħaddiema tajba biex jaħdmu fl-għalqa tiegħu, kif ukoll biex ikattar il-vokazzjonijiet għall-ħajja konsagrata u għaż-żwieġ nisrani.  Kif kont qed ngħid, illum ordnajt 16-il saċerdot.  Minnhom erba’ ġew hawn biex isellmulkom u jagħtukom il-barka flimkien miegħi.  (Erba’ saċerdoti novelli ħarġu fit-tieqa ħdejn il-Papa).

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll Rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn tant pajjiżi oħra, partikolarment lil dawk li ġew minn Setúbal, minn Lisbona, minn Krakovja, u lis-sorijiet ‘Pie Discepole del Divin Maestro’ li ġew mill-Korea.

Insellem lill-pellegrini minn Castiglione d’Adda, Torralba, Modica, Cremona u Brescia, il-kor parrokkjali min Ugovizza; liż-żgħażagħ tal-Griżma minn Gazzaniga, Pollenza u Cisano sul Neva.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb; u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber