IL--PAPA FRANĠISKU

REGINA CŒLI

Pjazza San Pietru

Tnejn l-Anġlu, 21 ta’ April 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

L-Għid it-tajjeb!  “Cristòs anèsti! – Alethòs anèsti!”, “Kristu qam mill-mewt! – Hu qam tassew!”.  Jinsab fostna, hawn, fil-pjazza!  Matul din il-ġimgħa nistgħu nkomplu nawguraw lil xulxin l-Għid it-tajjeb, daqslikieku kien jum wieħed.  Hu l-jum il-kbir li għamel il-Mulej.

 

Is-sentiment dominanti li joħroġ mir-rakkonti tal-Vanġelu dwar il-Qawmien hu l-ferħ kollu għoġba, imma għoġba kbira!  Il-ferħ li jiġi minn ġewwa!  U fil-Liturġija aħna ngħixu mill-ġdid dak li ħassew id-dixxipli għall-aħbar li n-nisa kienu ġabu magħhom: Ġesù qam!  Aħna rajnieh!

 

Inħallu li din l-esperjenza, minquxa fil-Vanġelu, titnaqqax ukoll fuq qlubna u tidher fil-ħajja tagħna.  Inħallu l-għoġba hienja ta’ Ħadd il-Għid iddawwal il-ħsibijiet, il-ħarsiet, l-atteġġjamenti, il-ġesti u l-kliem…  Mhux li konna daqshekk imdawlin!  Imma dan m’hux ħaġa kożmetika!  Jiġi minn ġewwa, minn qalb mgħaddsa fil-fonti ta’ dan il-ferħ, bħal dik ta’ Marija Maddalena, li bkiet it-telfa tal-Mulej tagħha u ma setgħetx temmen lil għajnejha meta ratu mqajjem.  Min jgħaddi minn din l-esperjenza jsir xhud tal-Qawmien, għax f’ċertu sens hu stess ikun qam, hi stess tkun qamet.  Allura jkollu l-ħila jwassal “raġġ” ta’ dawl ta’ l-Irxoxt fid-diversi sitwazzjonijiet: f’dawk hienja, u jagħmilhom isbaħ u jħarishom mill-egoiżmu; f’dawk ta’ niket, fejn iġib serenità u tama.

 

F’din il-ġimgħa, jagħmlilna tajjeb jekk naqbdu f’idejn l-Ktieb tal-Vanġelu u naqraw dawk il-kapitli li jitkellmu dwar il-Qawmien ta’ Ġesù.  Jagħmlilna tajjeb ħafna!  Naqbdu l-Ktieb, infittxu l-kapitli u naqraw dan.  Jagħmlilna tajjeb, din il-ġimgħa, li anki naħsbu fil-ferħ ta’ Marija, Omm Ġesù.  Kif in-niket tagħha kien hekk qawwi, hekk li nifed lil qalbha, hekk il-ferħ tagħha kien qawwi u profond, u d-dixxipli setgħu jixorbu minnha.  Ġarrbet l-esperjenza tal-mewt u l-qawmien ta’ Binha, li, fil-fidi, jidhru bħala l-ogħla espressjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla, u b’dan qalb Marija saret għajn ta’ sliem, ta’ faraġ, ta’ tama, ta’ ħniena.  Il-prerogattivi kollha ta’ l-Omm tagħna joħorġu minn hawn, mis-sehem tagħha fl-Għid ta’ Ġesù.  Mill-Ġimgħa sa sbiħ il-Ħadd, Hi ma tilfitx it-tama: ikkontemplajnieha bħala Omm addolorata imma, fl-istess waqt, bħala Omm kollha tama.  Hi, Omm id-dixxipli kollha, Omm il-Knisja, hi Omm it-tama.

 

Lilha, xhud sieket tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù, nitolbuha ddaħħalna fil-ferħ ta’ l-Għid.  Nagħmlu dan billi nitolbu r-Regina Cæli, li fi żmien il-Għid tieħu post it-talba ta’ l-Angelus.

 

 

Wara r-Regina Cœli:

 

Minn qalbi nsellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn bosta pajjiżi biex tieħdu sehem f’din il-laqgħa ta’ talb.

 

Din il-ġimgħa ftakru ħudu f’idejkom il-Vanġelu, fittxu l-kapitli li jitkellmu fuq il-Qawmien u aqraw, ta’ kuljum, biċċa minn dawk il-kapitli.  Dan jagħmlilna tajjeb, tul din il-ġimgħa tal-Qawmien ta’ Ġesù.

 

Lil kull wieħed u waħda nawguralu li jqatta’ fil-ferħ u s-serenità dan Tnejn l-Anġlu, li fih ikompli jitwal il-ferħ tal-Qawmien ta’ Kristu.

 

Nixtieq lil kulħadd Għid tajjeb u qaddis!  L-ikla t-tajba u narakom!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard