Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb

Bil-festa tal-lum, tal-Penetekoste, jasal fil-quċċata tiegħu żmien l-Għid li l-qofol tiegħu hu l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.  Din is-solennità tfakkarna fit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u d-dixxipli l-oħra, miġburin fit-talb mal-Verġni Marija fiċ-Ċenaklu (cfr Atti 2,1-11).  Dakinhar bdiet l-istorja tal-qdusija nisranija, għax l-Ispirtu s-Santu hu l-għajn tal-qdusija, li mhix il-privileġġ tal-ftit, imma l-vokazzjoni ta’ kulħadd.

Bil-Magħmudija, infatti, aħna lkoll imsejħin biex nieħdu sehem mill-istess divinità ta’ Kristu, u bil-Konfermazzjoni, insiru xhieda tiegħu fid-dinja.  “L-Ispirtu s-Santu jxerred il-qdusija kullimkien fil-poplu qaddis u fidil ta’ Alla” (eżort. App. Gaudete et Exsultate, 6).  “Alla għoġbu jqaddes u jsalva lil-bnedmin mhux individwalment mingħajr ebda rabta ma’ xulxin, iżda ried jagħmel minnhom poplu, li jagħrfu fil-verità u jservih fil-qdusija” (Kost. Domm. Lumen Gentium, 9).  Diġà permezz tal-Profeti l-antiki, il-Mulej kien ħabbar lill-poplu dan il-pjan tiegħu.  Eżekjel: “U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom ....... U intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom (36,27-28).  Il-Profeta Ġoel: “jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.  Uliedkom iħabbru, subjien u bniet, (...)   U mqar fuq il-qaddejja, rġiel u nisa, nsawwab l-ispirtu tiegħi (.....) kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles (3,1-2.5).  U dawn il-profeziji kollha seħħew f’Ġesù Kristu, “medjatur u garanti tal-effużjoni li ma tintemmx tal-Ispirtu” (Missal Ruman, Prefazju wara t-Tlugħ fis-Sema).  U llum hi l-festa tal-effużjoni tal-Ispirtu.

Minn dak il-jum tal-Pentekoste, sa ma jintemm iż-żmien, dil-qdusija, li l-milja tagħha huwa Kristu, tingħata lil dawk li jinfetħu għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu u jagħmlu ħilithom biex ikunu doċli għaliha.  Huwa l-Ispirtu li jġiegħlek tħoss ferħ sħiħ.  Meta jiġi fina, l-Ispirtu s-Santu, jegħleb in-nixfa, jiftaħ il-qlub għat-tama u jistimula u jiffavorixxi l-maturazzjoni ġewwinija fir-realzzjoni ma’ Alla u mal-proxxmu.  Dan hu dak li jgħid San Pawl: “il-frott tal-Ispirtu hu l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5,22).  Dan jagħmel fina l-Ispirtu.  Għalhekk illum qed niffesteġġjaw dan l-għana li jirregalalna l-Missier.

Nitolbu lill-Verġni Marija biex illum ukoll, tnissel fil-Knisja, Pentekoste mġedda, żgħożija mġedda li ttina r-rigal tal-ferħ tal-ħajja aħna u nagħtu xhieda tal-Evanġelju u biex “tnissel fina xewqa kbira li nkunu qaddisin għall-akbar glorja ta’ Alla (Gaudete et Exsultate, 177).

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Bil-Pentekoste qalbna tmur lejn Ġerusalemm.  Ilbieraħ filgħaxija kont magħqud spiritwalment mal-velja ta’ talb għall-paċi li saret f’dik il-belt, qaddisa għal-Lhud, għall-Insara u għall-Musulmani.  U llum inkomplu ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu biex iqanqal rieda u ġesti ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni fl-Art Imqaddsa u fil-Lvant Nofsani kollu.

Nixtieq niddedika ħsieb speċjali lill-maħbuba Venezwela.  Nitlob lill-Ispirtu s-Santu jagħti lill-poplu kollu Venezwelan – kulħadd, poplu, mexxejja – l-għaqal biex jiltaqgħu fit-triq tal-paċi u l-għaqda.  U nitlob ukoll għall-ħabsin li mietu lbieraħ.

L-avveniment tal-Penetekoste jfisser il-bidu tal-missjoni universali tal-Knisja.  Għaldaqstant illum qed ikun ippublikat il-Messaġġ għall-Jum Missjunarju Dinji, li jmiss.  U għandi pjaċir ukoll infakkar li l-bieraħ ħabat il-175 anniversarju mit-twaqqif tal-Opra Missjunarju tas-Sant Infanzja, it-tfal huma l-protagonisti ta’ dil-missjoni, bit-talb u b’ġesti żgħar ta’ mħabba u servizz kuljum.  Irrodd ħajr u ninkoraġġixxi lit-tfal kollha biex jieħdu sehem fiha u jxerrdu l-Evanġelju fid-dinja.  Grazzi!.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi diversi. Partikolarment insellem lill-istudenti tal-Kulleġġ Irabia-Izaga ta’ Pamplona, lill-grupp mill-Kulleġġ San Tumas, ta’ Lisbona u lill-fidili minn Neuss (il-Ġermanja).

Insellem lill-iSchola Cantorum minn Vallo della Lucania, lill-fidili minn Agnone u lil dawk minn San Valentino, lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Konfermazzjoni minn San Cataldo, lill-Koperattiva Soċjali “Giovani Amici” minn Terrassa Padovana u lill-Istitut Skolastiku “Caterina di Santa Rosa” minn Ruma li qed ifakkar il-150 sena tiegħu.

 

TĦABBIRA TA’ KONĊISTORJU GĦAN-NOMINA TA’

KARDINALI ĠODDA

 

Għeżież ħuti,

Għandi pjaċir inħabbar li fid-29 ta’ Ġunju se nagħmel Konċistorju biex naħtar 14-il Kardinal ġdid.  Mnejn ġejjin hu sinjal li jesprimi l-universalità tal-Knisja li tkompli tħabbar l-imħabba mimlija ħniena ta’ Alla lill-bnedmin kollha tad-dinja.  Il-fatt li Kardinali ġodda jkunu jiffurmaw parti mid-Djoċesi ta’ Ruma juri r-rabta li ma tinħallx bejn is-Sede ta’ Pietru u l-Knejjes partikolari mxerrdin madwar id-dinja.

Dawn huma l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda:

1. Il-Beatitudni Tiegħu Louis Raphaël I Sako – Patrijarka tal-Babiilonja tal-Kaldej.

2. L-E.T. Mons. Luis Ladaria – Prefett tal-Kogregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

3. L-E.T. Mons. Angelo De Donatis – Vigarju Ġenerali taRuma

4. L-E.T. Mons. Giovanni Angelo Becciu – Sostitut għall-Affarijiet Ġenerali tas-Segreterija tal-Istat u Delegat Speċjali tal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta.

5. L-E.T. Mons. Konrad Krajewski – Elemożinier Appostoliku

6. L-E.T. Mons. Joseph Coutts – Arċisqof ta’ Karachi.

7.L-E.T. Mons. António dos Santos Marto – Isqof ta’ Leiria-Fátima.

8. L-E.T. Mons. Pedro Barreto – Arċisqof ta’ Huancayo.

9. S.E. Mons. Desiré Tsarahazana – Arċisqof ta’ Toamasina.

10. L-E.T.Mons. Giuseppe Petrocchi – Arċisqof ta’ L’Aquila.

11. L-E.T. Mons. Thomas Aquinas Manyo – Arċisqof ta’ Osaka.

Flimkien magħhom se nżid mal-Kulleġġ tal-Kardinali, Arċisqof, Isqof u Reliġjuż li ddistingwew ruħhom fil-qadi tal-Knisja:

12. L-E.T. Mons. Sergio Obeso Rivera – Arċisqof Emeritu ta’ Xalapa.

13.L-E.T. Mons. Toribio Ticona Porco – Prelat Emeritu ta’ Corocoro.

14. Il-W.R. Patri Aquilino Bocos Merino – Klaretan.

Nitolbu għall-Kardinali l-ġodda sabiex filwaqt li jikkonfermaw ir-rabta tagħhom ma’ Kristu, is-Saċerdot il-Kbir mimli ħniena u fidil (cfr Lhud 2, 17), ikunu ta’ għajnuna għalija fil-ministeru tiegħi ta’ Isqof ta’ Ruma għall-ġid tal-Poplu Qaddis t’Alla kollu.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber