Għeżież ħuti il-jum il-tajjeb!

Fil-qari mill-Bibbja tal-liturġija tal-lum, għal darbtejn tidwi l-kelma “xhieda”.  L-ewwel darba jlissinha Pietru: hu, wara l-fejqan tal-paralitiku ħdejn il-bieb tat-tempju ta’ Ġerusalemm jistqarr: «Qtiltu lill-awtur tal-ħajja, imma Alla reġa’ qajjmu mill-imwiet; aħna xhieda ta’ dan» (Atti 3,15).  It-tieni darba jgħidha Ġesù Rxoxt: HU, nhar l-Għid filgħaxija, jiftaħ moħħ id-dixxipli tiegħu u jurihom il-misteru tal-mewt u l-qawmien meta jgħidilhom: «Intom xhieda ta’ dan» (Luqa 24,48).  L-Appostli li raw b’għajnejhom stess lil Ġesù Rxuxtat, ma setgħux iżommu din l-esperjenza straordinarja għalihom waħedhom. HU wriehom lilu nnifsu biex il-verità tal-qawmien tasal għand kulħadd permezz tax-xhieda tagħhom.  U l-Knisja kompliet din il-missjoni matul iż-żminijiet; kull imgħammed hu msejjaħ biex jagħti xhieda, bil-kliem u b’ħajtu, li Ġesù qam, li Ġesù hu ħaj u preżenti fostna.  Ikoll kemm aħna msejħin biex nagħtu xhieda li Ġesù huwa ħaj.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: imma min hu x-xhud?  Ix-xhud hu wieħed li ra, li jiftakar u li jirrakkonta.  Ra, ftakar u rrakkonta huma t-tliet verbi li jiddeskrivu l-identità u l-missjoni tiegħu.  Ix-xhud hu dak li ra, b’għajnejn oġġettivi, ra r-realtà imma mhux b’ħarsa indifferenti: ra u twaħħad mal-avveniment.  Għalhekk jiftakar, mhux biss għax għandu ħila jerġa’ jiddeskrivi b’mod preċiż il-fatti, imma wkoll għax dawk il-fatti kellmuh u hu fehem is-sens profond tagħhom.  Allura x-xhud jirrakkonta, mhux b’mod kiesaħ u distakkat, imma bħala wieħed li abbanduna lilu nnifsu u li minn dakinhar biddel ħajtu.  Ix-xhud hu dak li biddel ħajtu.

Il-kontenut tax-xhieda nisranija mhux teorija, mhux ideoloġija jew sistema kumplikat ta’ preċetti u projbizzjonijiet jew moraliżmu, imma hu messaġġ ta’ salvazzjoni, avveniment konkret, anzi, huwa Persuna: huwa Kristu Rxuxtat, ħaj u Salvatur waħdieni ta’ kulħadd.  Tista’ tingħata xhieda tiegħu minn kull min għamel esperjenza personali tiegħU, bit-talb u fil-Knisja, permezz ta’ mixja li għandha għeruqha fil-Magħmudija, bl-ikel tiegħu li hu l-Ewkaristija.  Is-siġill hu l-Konferemzzjoni, il-konverżjoni kontinwa tiegħu tinsab fis-Sagrament tal-Penitenza.  Grazzi għal din il-mixja, dejjem imsejsa fuq il-Kelma t’Alla, kull nisrani jista’ jsir xhud ta’ Ġesù Rxuxtat.  U x-xhieda tiegħu hi kredibbli daqskemm tidher fil-mod tal-għejxien evanġeliku tiegħu, bil-ferħ, bil-kuraġġ, bil-manswetudni, fil-paċi u bil-ħniena.  Jekk in-nisrani jintrikeb mill-kumditajiet, mill-vanità, mill-egoiżmu, jekk jittarrax u jagħma quddiem tant aħwa li jitolbu “l-qawmien”, kif jista’ jwassal lil Ġesù ħaj, kif jista’ jikkomunika l-qawwa ħelliesa ta’ Ġesù ħaj u l-ħniena infinita tiegħu?

Marija Ommna, tgħinna bl-interċessjoni tagħha, biex, bil-limitazzjonijiet tagħna, imma bil-grazzja tal-fidi, inkunu nistgħu nsiru xhieda tal-Mulej imqajjem mill-imwiet, u nwasslu lil kull min niltaqgħu miegħu ir-rigali tal-ferħ u l-paċi tal-Għid.


Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

 

F’dawn il-ħinjiet qed jaslu aħbarijiet dwar traġedja ġdida fl-ibħra tal-Mediterran.  Il-lejl li għadda dgħajsa mimlija bil-migranti nqalbet madwar 60 mil bogħod mill-kosta tal-Libja u hemm biża’ li l-vittmi jgħoddu mijiet.  Nesprimi s-sgħba profonda tiegħi quddiem din it-traġedja u niżgura li lil  dawk li ntiflu u lill-familji tagħhom niftakar fihom fit-talb tiegħi.  Nagħmel appell minn qalbi sabiex il-komunità internazzjonali taġixxi bid-detereminazzjoni u malajr biex traġedji bħal dawn ma jerġgħux jiġru.  Dawn huma rġiel u nisa bħalna, ħutna li qed ifittxu ħajja aħjar, bil-ġuħ, ippersegwitati, miġrugħin, vittmi tal-gwerrer; qed ifittxu ħajja aħjar.  Kienu qed ifittxu l-feliċità….. Nistedinkom titolbu, l-ewwel fis-skiet, u wara lkoll flimkien għal dawn ħutna.

Ave Maria

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja: lill-pellegrini mid-djoċesi ta’ Santo André, fil-Brażil; lil dawk minn Berlin, Monaco u Cologne; lill-istudenti minn Grafton (l-Awstralja), u minn Sant Feliu de Llobregat (Spanja).  Insellem lill-Pollakki mid-djoċesi ta’ Rzeszów u nħossni qrib il-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-“Mixja għall-Qdusija tal-Ħajja” li qed issir f’Varsavja, u ninkoraġġixxi d-difiża u l-promozzjoni tal-ħajja, dejjem.

Insellem lill-Azzjoni Kattolika ta’ Formia; il-fidili minn Milan, Lodi, Limbiate u Torre Boldone (Bergamo); liż-żgħażagħ minn Torin, Senigallia, Almenno San Salvatore, Villafontana u Gràssina; iż-żgħażagħ minn Noventa Vicentina u Catania; il-kor ta’ Trecate u s-soċi tal-Lions Club.

Tislima speċjali lill-grupp mill-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ġesù, fl-okkażjoni tal-jum ta’ sapport għal din-istituzzjoni kbira li qed jiġi ċelebrat illum.  Hu importanti li l-università tkompli tifforma liż-żgħażagħ f’kultura li tgħaqqad flimkien il-fidi u x-xjenza, l-etika u l-professjonalità.

Illum f’Torin tibda’ l-ostensjoni tal-Liżar Iqmaddes.  Anki jien, jekk il-Bambin irid, se mmur inqimu fil-21 ta Ġunju li ġej.  Nawgura li dan l-att ta’ qima jgħinna lkoll biex insibu f’Ġesù Kristu l-Wiċċ ħanin ta’ Alla u lil dan nagħrfuh fil-wiċċ ta’ ħutna, speċjalment dawk li jbatu l-aktar.

Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-pranzu t-tajjeb.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber