Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

illum il-qari mill-Atti tal-Appostli jurina li anke fl-ewwel snin tal-Knisja kienu jinqalgħu t-tensjonijiet u n-nuqqas ta’ qbil.  Fil-ħajja dejjem se jkun hemm il-konflitti, il-problema hi kif inġibu ruħna quddiemhom.  Sa dak iż-żmien l-għaqda fost l-insara kellha vantaġġ għax kienu lkoll tal-istess razza, u kellhom ilkoll l-istess kultura, dik Lhudija.  Imma meta l-Kristjaneżmu, li skont ir-rieda ta’ Ġesù hu għall-ġnus kollha, jinfetaħ għad-dinja Griega, din l-uniċità fir-razza u fil-kultura tispiċċa, u jibdew jidhru l-ewwel diffikultajiet.  Hemm tfeġġ il-qrusa, jibda t-tgergir, xi wħud jibdew jgħidu li hemm il-preferenzi u li s-servizz ma jsir għal kulħadd l-istess.  Dan jiġri anke fil-parroċċi tagħna!  L-għajnuna tal-komunità lill-persuni fil-bżonn – romol, orfni u fqar ta’ kull tip –, tidher li ssir aktar bil-qalb mal-insara li ġew minn fost l-Ebrej milli mal-oħrajn.

 

Għalhekk, quddiem dan il-konflitt, l-Appostli jieħdu l-biċċa f’idejhom: isejjħu laqgħa li tkun miftuħa wkoll għad-dixxipli, u jiddiskutu bejniethom fuq dak li nqala.  Kollha kemm huma.  Il-problemi, fil-fatt, ma jiġux solvuti billi nippretendu li ma jeżistux!  Hija sabiħa ħafna din il-laqgħa bejn ir-rgħajja u l-insara l-oħra.  U hekk jaslu biex jaqsmu x-xogħol.   L-Appostli jgħaddu suġġeriment li jiġi milqugħ minn kulħadd: huma jiddedikaw ħinhom u ħajjithom għat-talb u għax-xandir tal-Kelma, waqt li seba’ rġiel, id-djakni, kellhom jibdew jieħdu ħsieb is-servizz tat-tqassim tal-ikel lill-foqra.  Dawn is-sebgħa ma jiġux magħżula għax kienu jafu jaħdmu fil-flus, imma għax kienu rġiel onest u ta’ fama tajba, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu u bl-għerf;  u jiġu mwettqa fis-servizz tagħhom permezz tat-tqegħid tal-idejn mill-Appostli.  U hekk minn dik il-qrusa li nqalgħet, minn dak it-tgergir li qam, minn dawk il-preferenzi u n-nuqqas ta’ ugwaljanza li saru, jaslu għal soluzzjoni.  Il-konflitti fil-Knisja nsolvuhom billi niltaqgħu, niddiskutu u nitolbu.  Niltaqgħu, niddiskutu u nitolbu.  U waqt li nagħmlu dan irridu nkunu konvinti li l-paroli fil-vojt u l-għira qatt ma huma se jwassluna għall-ftehim, għall-għaqda u għall-paċi.  F’dan il-każ ukoll, kien l-Ispirtu s-Santu li wassal għal dan il-ftehim, u dan ifissrilna li meta nħallu t-tmexxija f’idejn l-Ispirtu s-Santu, Hu se jwassana għall-għaqda u għar-rispett tal-kwalitajiet ta’ kull wieħed.  Fhimtuni sew? Daqshekk paroli fil-vojt, daqshekk għira! Ftehmna?

 

Nitolbu lill-Verġni Marija tgħinna nħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina, ħalli nagħrfu napprezzaw lil xulxin u ningħaqdu b’rabta dejjem aktar soda fil-fidi u fl-imħabba, waqt li nħallu l-qalb tagħna miftuħa għall-bżonnijiet ta’ ħutna.

 


 

Wara r-Regina Coeli l-Papa ta dan il-messaġġ:

 

Għeżież ħuti,

ħafna għarar għamlu ħsara kbira b’ħafna partijiet mill-Balkani, speċjalment fis-Serbia u fil-Bosnia.  Waqt li nħalli l-vittmi ta’ dawn id-diżgrazzji f’idejn il-Mulej, inwiegħed lil dawk kollha li għaddejjin dawn is-siegħat ta’ nkwiet u taqlib li ninsab qribhom.  Ejjew nitolbu flimkien lill-Madonna għal dawn ħutna li jinsabu f’tant diffikultajiet: Sliem għalik, Marija…

 

Ilbieraħ f’Iaşi, fir-Rumanija, ġie pproklamat Beatu l-isqof Anton Durcovici, martri tal-fidi.  Bħala ragħaj iħeġġeġ u kuraġġjuż, kien ippersegwitat mir-regime komunista Rumen u miet fil-ħabż, miet bil-ġuħ u bil-għatx fl-1951.  Flimkien mal-insara ta’ Iaşi u tar-Rumanija kollha, inroddu ħajr lil Alla għal dan l-eżempju!  Insellem lilkom ilkoll, Rumeni u pellegrini: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet, l-iskejjel…

Insellem b’mod partikulari lill-istudenti tal-iskejjel kattoliċi ta’ Madrid u Pamplona, dawk ġejjin mill-Messiku u minn Colombes fi Franza, l-adolexxenti tal-iskola “Nostra Signora della Neve” ta’ Genova u t-tfal taċ-Ċentru “Volto Santo” ta’ Bari.

 

Insellem lid-delegazzjonijiet tal-ibliet ta’ Perth (fl-Awstralja) u ta’ Vasto (fl-Italja), ġemellati 25 sena ilu; l-insara ta’ Tombolo, Grezzana, Cerignola, San Biagio, San Fiorano, Parabita, Patù, Bronte, Cassino u Dogana; il-kor ta’ Brindisi, il-Ċirkolu tal-anzjani ta’ Locara, il-Piccola Fraternità di Emmaus ta’ San Benedetto del Tronto, iż-żgħażagħ ta’ Lodi u dawk ta’ Atri.

 

Inħeġġeġ lill-għaqdiet tal-volontarjat li ġew għall-Jum il-morda bil-kanċer: nitlob għalikom, għall-morda u għall-familji.  U intom itolbu għalija!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia