Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq insellem lilkom ilkoll li ġejtu biex tagħtu ġieħ lill-qaddisin il-ġodda, speċjalment lid-Delegazzjonijiet uffiċċjali tal-Palestina, Franza, L-Italja, Iżrael u l-Ġordanja.  Insellem minn qalbi lill-Kardinali, lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti, kif ukoll lill-ulied spiritwali ta’ dawn l-erba’ qaddisin.  Bl-interċessjoni tagħhom, ħa jqajjem il-Mulej ħeġġa missjunarja ġdida lejn il-pajjiżi li minnhom ġejjin.  Ħa jkunu l-insara ta’ dawn il-pajjiżi mmexxija mill-eżempju tagħhom f’dik li hi hniena, mħabba u maħfra sabiex iħarsu lejn il-ġejjieni bit-tama, waqt li jkomplu mexjin ‘il quddiem fil-mixja ta’ solidarjetà u ħajja fraterna flimkien.

Inwassal ukoll it-tislima tiegħi lill-familji, lil-gruppi parrokkjali, lill-għaqdiet u lill-iskejjel li hawn preżenti, b’mod partiklulari lil dawk li se jagħmlu l-Griżma ġejjin mill-Arċidjoċesi ta’ Genova.  Ħsieb speċjali jmur lill-insara tar-Repubblika Ċeka, li llum jinsabu miġburin fis-Santwarju ta’ Svaty Kopećek, f’Omoluc, fejn qed ifakkru l-20 sena mill-viżta ta’ San Ġwanni Pawlu II.

Ilbieraħ, ġewwa Venezia ġie mħabbar Beatu is-saċerdot Luigi Caburlotto, kappillan, għalliem u fundatur tal-Figlie di San Giuseppe.  Inroddu ħajr lil Alla għal dan ir-Ragħaj eżemplari, li għex ħajja spiritwali u apostolika impenjata ħafna, mogħti bis-sħiħ għal-ġid tal-erwieħ.

Nixtieq ukoll nistedinkom titolbu għall-poplu għażiż tal-Burundi, li bħalissa qed jgħix mument delikat: ja jgħin il-Mulej li kulħadd jaħrab il-vjolenza u jġib ruħu b’mod responsabbli għall-ġid tal-Pajjiż.

B’imħabba ta’ ulied ejjew induru lejn il-Verġini Marija, Omm il-Knisja, Sultana tal-Qaddisin u mudell tal-insara.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Tajan minn Fr Jonathan Farrugia