Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

L-evanġelista San Ġwann jippreżentalna, f’dan ir-raba’ Ħadd tal-Għid, ix-xbiha ta’  Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb.  Jekk naħsbu fil-fond fuq din il-paġna mill-Vanġelu, nistgħu nifhmu aħjar x’tip ta’ rapport kellu Ġesù mad-dixxipli tiegħu: rapport mibni fuq il-ħlewwa, fuq l-imħabba, fuq l-għarfien reċiproku u fuq il-wegħda ta’ rigal ta’ kobor bla qjies: «Jien ġejt – jgħid Ġesù – biex ikollhom il-ħajja, u l-ħajja bil-bosta» (Ġw 10, 10).  Dan it-tip ta’ rapport huwa l-mudell ta’ kif għandha tkun l-imġieba bejn l-insara u bejn il-bnedmin.

Ħafna llum, l-istess bħal fi żmien Ġesù, jippreżentaw irwieħhom bħala “rgħajja” ta’ ħajjitna; imma Dak li qam minn bejn l-imwiet biss huwa r-Ragħaj veru, jtina l-ħajja bil-bosta.  Nistieden lil kulħadd biex jafda fil-Mulej li jmexxina.  Anzi, mhux imexxina biss: hu jinsab maġenbna, jimxi magħna.  Ejjew nisimgħu l-Kelma tiegħu b’moħħna u qalbna miftuħa, biex insostnu l-fidi tagħna, indawwlu l-kuxjenza tagħna u nimxu fuq it-tagħlim tal-Vanġelu.

F’dan il-Ħadd nitolbu għar-Rgħajja tal-Knisja, għall-Isqfijiet kollha, u magħhom l-Isqof ta’ Ruma, għas-saċerdoti kollha, għal kull wieħed minnhom!  B’mod partikulari nitolbu għas-saċerdoti l-ġodda tad-Djoċesi ta’ Ruma, li ordnajt ftit tal-ħin ilu, fil-bażilka ta’ San Pietru.  Insellmu lil dawn it-13-il saċerdot.  Ħalli l-Mulej jgħin lilna r-rgħajja biex inkunu dejjem fidili lejn l-Imgħallem u mexxejja għaqlin u mdawwlin tal-poplu ta’ Alla li ġie fdat lilna.  Lilkom ukoll nitlobkom tgħinuna: għinuna nkunu rgħajja tajbin.  Darba kont qrajt silta ħelwa ta’ kif il-poplu ta’ Alla jgħin lill-isqfijiet u lis-saċerdoti jkunu rgħajja tajbin. Hija kitba ta’ San Ċesarju ta’ Arles, missier tal-ewwel sekli tal-Knisja.  Hu jispjega kif il-poplu ta’ Alla obligat jgħin lir-ragħaj, u jġib dan l-eżempju:  Meta l-għoġol ikollu l-ġuħ imur għand il-baqra, għand ommu, biex jieħu mingħanda l-ħalib.  Il-baqra, iżda, ma ttihulux mill-ewwel: jidher qisu trid iżżommu għaliha.  U x’għamel l-għoġol?  Iħabbat b’imnieħru ma’ sider il-baqra, biex jiġi l-ħalib.  Kemm ji sabiħa din ix-xbiha. “Bl-istess intom – jgħid dan il-qaddis – tridu ġġibu ruħkom mar-rgħajja: ħabbtu dejjem ma’ biebhom, ma’ qalbhom, sabiex itukom il-ħalib tat-tagħlim, il-ħalib tal-grazzja u l-ħalib tat-tmexxija”.  U nilobkom, jekk jogħġobkom, biex iddejjqu r-rgħajja, biex ittellfuhom, lilna r-rgħajja kollha, biex intukom il-ħalib tal-grazzja, tat-tmexxija.  Dejjquhom! Aħsbu f’dik ix-xbiha ħelwa tal-għoġol, kif idejjaq lil ommu biex ittih x’jiekol.

Bħal Ġesù, kull Ragħaj «xi drabi se joqgħod quddiem il-poplu biex jurihom it-triq u jsaħħilhom it-tama – kultant ir-ragħaj irid joqgħod quddiem – u drabi oħra joqgħod f’nofs il-merħla, bil-preżenza sempliċi u ħanina tiegħu, u f’xi ċirkustanzi jrid jimxi wara l-poplu, biex jgħin lil dawk li nqatgħu lura» (Ev. gaud., 31).  Jalla r-Rgħajja kollha jkunu hekk! Imma intom tinsewx tħabbtuhom biex itukom it-tmexxja permezz tat-tagħlim u tal-grazzja.

Illum jaħbat ukoll il-Jum dinji tat-talb għall-Vokazzjonijiet.  Fil-Messaġġ ta’ din is-sena fakkart li «kull vokazzjoni titlob dejjem li l-persuna toħroġ minnha nfisha biex iddawwar l-eżistenza tagħha madwar Ġesù u l-Vanġelu tiegħu» (n. 2).  Għal din ir-raġuni s-sejħa li nimxu wara Ġesù hi eċitanti u fl-istess ħin titlob impenn.  Biex isseħħ, hemm bżonn dejjem li l-persuna tidħol fi ħbiberija profonda mal-Mulej biex tgħix permezz tiegħu u għalih.

Ejjew nitolbu sabiex anke f’dan iż-żmien ħafna żgħażagħ jisimgħu l-leħen tal-Mulej, dan il-leħen li dejjem jinsab fir-riskju li jintilef fost ħafna ilħna oħra.  Nitolbu għaż-żgħażagħ: forsi hawn fil-Pjazza hawn min qiegħed jisma’ dan il-leħen tal-Mulej li qed isejjaħlu għas-saċerdozju; nitolbu għalih, jekk qiegħed hawn, u għal dawk iż-żgħażagħ kollha li huma msejjħin.

__________

 

Wara r-Regina Coeli il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali, għaqdiet u nsara li ġejt mill-Italja u minn ħafna pajjiżi, b’mod partikulari dawk mid-djoċesijiet ta’ Campo Grande u Dourados (fil-Brażil), ta’ New York, ta’ Las Palmas (Canary Island), u l-istudenti ta’ Miranda Do Corvo fil-Portugall u ż-żgħażagħ tal-iskola “Cuore di Maria” mill-qasam ta’ Alta Cordoba, fl-Arġentina.

Insellem lill-Komunitajiet Noekatekumenali li f’dawn il-Ħdud tal-Għid iwasslu l-bxara li Ġesù qam f’100 pjazza ta’ Ruma u f’ħafna bliet madwar id-dinja.  Il-Mulej jagħtihom il-ferħ tal-Evanġelju! Imxu ‘l quddiem, u ġibu ruħkom sew!

Inwassal barka speċjali lit-tfal u lill-adolexxenti li rċevew li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof; kif ukoll lill-familji u l-ħbieb tas-saċerdoti l-ġodda tad-djoċesi ta’ Ruma li ordnajt dalgħodu.

Insellem il-Corpo Forestale tal-Istat, li jorganizza l-festa nazzjonali tar-Riservi Naturali; u l-membri tal-għaqda “Giovane Montagna”, li waslu Ruma mill-Via Francigena; insellem in-Network Italiano du Cure  Supporto in Oncologia, u nħeġġiġhom ikomplu jimpenjaw irwieħhom għall-ġid tal-morda u l-familjari tagħhom; insellem il-Protezione Civile Viggiù-Clivio; lill-motoċiklisti ta’ San Marino u tal-Abruzzo.

U fl-aħħar illum nistedinkom biex toffru tifkira sabiħa u talba għall-ommijiet kollha. Insellmu lill-ommijiet! Waqt li nafdawhom f’idejn omm Ġesù, ejjew nitolbu lill-Madonna għall-ommijiet tagħha u għall-ommijiet kollha: “Sliem għalik, Marija...”

Insellem minn qalbi lill-ommijiet!

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd, l-ikla t-tajba u nsellmilkom sakemm nerġgħu niltaqgħu!

 

 

Miġjub għall-Malti min Fr Jonathan Farrugia