Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Il-vanġelu tal-lum – mill-kap 15 ta’ San Ġwann – joħodna mill-ġdid fiċ-Ċenaklu, fejn nisimgħu l-kmandament il-ġdid ta’ Ġesù.  Jgħid hekk: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (v. 12).  U, waqt li kellu f’moħħu s-sagrifiċċju tas-Salib li issa kien wasal, iżid: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.  Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom” (vv. 13-14).  Dawn il-kelmiet, li ntqalu fl-Aħħar Ċena, jiġrbu fil-qosor il-messaġġ kollu ta’ Ġesù; anzi jiġbru fil-qosor dak kollu li Hu għamel: Ġesù ta ħajtu għal ħbiebu.  Ħbiebu li ma kienux fehmuh, li fil-mument l-aktar importanti telquh, ittradewh u ċaħduh.   Dan jurina li hu tassew iħobbna minkejja ħadd minna ma jistħoqqlu din l-imħabba: daqshekk iħobbna Ġesù!

B’dan il-mod, Ġesù jurina t-triq biex nimxu warajh, it-triq tal-imħabba.  Il-kmandament tiegħu mhux biss ordni li jibqa’ qisu xi ħaġa astratta u barranija għall-ħajja tagħna.  Il-kmandament ta’ Ġesù huwa ġdid għax Hu kien l-ewwel wieħed li ġabu fis-seħħ, li tah il-ħajja, u hekk il-liġi tal-imħabba nkitbet darba għal dejjem fil-qalb tal-bniedem (cfr Ġer 31,33).  U kif inkitbet?  Inkitbet bin-nar tal-Ispirtu s-Santu.  U permezz ta’ dan l-istess Spirtu, li Ġesù jagħtina, nistgħu aħna wkoll nimxu tul din it-triq!

Hija triq konkreta, ta’ veru, triq li twassalna biex noħorġu minna nfusna biex nersqu lejn l-oħrajn.  Ġesù wriena li l-imħabba lejn Alla tiġi fis-seħħ fl-imħabba lejn il-proxxmu.  It-tnejn imorru flimkien.  Il-paġni tal-vanġelu huma mimlijin b’din l-imħabba: adulti u tfal, nies ta’ skola u injuranti, sinjuri u fqar, nies ġusti u midinbin kollha ġew milqugħa mill-qalb ta’ Kristu.

Għalhekk, din il-Kelma tal-Mulej issejħilna biex inħobbu lil xulxin, anke jekk mhux dejjem nifthemu, mhux dejjem naqblu... imma hu proprju f’dawn iċ-ċirkustanzi li tidher l-imħabba nisranija.  Imħabba li tidher anke fejn hemm id-differenzi fl-opinjonijiet jew fil-karattri, imma l-imħabba hija akbar minn dawn id-differenzi!  Din hija l-imħabba li għalimna Ġesù.  Hija mħabba ġdida għax imġedda minn Ġesù u mill-Ispirtu tieħgu.  Hija mħabba salvata, meħlusa mill-egoiżmu.  Hija mħabba li tagħti l-ferħ lill-qalb tagħna, kif jgħid Ġesù stess: “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (v. 11).

Hija proprju din l-imħabba ta’ Kristu, li l-Ispirtu s-Santi jferragħ fil-qlub tagħna, sabiex kuljum nagħmlu l-għeġubijiet fil-Knisja u fid-dinja.  Huma ħafna l-ġesti – żgħar u kbar – li jobdu lil dan il-kmadament tal-Mulej:  “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (cfr Ġw 15,12).  Ġesti żgħar, li jsiru ta’ kuljum, ġesti bħal meta nkunu qrib ta’ xi anzjan, ta’ xi tifel, ta’ xi ħadd marid, ta’ xi persuna waħeda jew li tinsab fid-diffikultajiet, bla dar, bla xogħol, immigrata, refuġjata... Grazzi għall-qawwa ta’ din il-kelma ta’ Kristu, kull wieħed minna jista’ joqrob lejn u jsir proxxmu ta’ ħuh jew oħtu i jiltaqa’ magħhom.  Ġesti li juru li aħna ninsabu qirb tgħhom, li aħna proxxmu tagħhom.   F’dawn il-ġesti tidher l-imħabba li Kristu għallimna.

Ħa tgħinna f’dan l-Omm imqaddsa tagħna, sabiex fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu jkunu dejjem magħqudin.

 

Wara r-Reġina Coeli l-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkkjali, għaqdiet u pellegrini ġejjin mill-Itaja u minn tant partijiet tad-dinja, b’mod speċjali minn Madrid, minn Puerto Rico u mill-Kroazja.  Insellem lill-insara ta’ Guidonia u ta’ Portici: l-istudenti tfajliet ta’ Carrata, Bitonto u Lecco.  Ħsieb speċjali jmur għaż-żgħażagħ tad-djoċesi ta’ Orvieto-Todi, li jinsabu hawn flimkien mar-Ragħaj tagħhom Mons. Tuzia: kunu nsara kuraġġjużi u xhieda ta’ tama!

Insellem il-Corpo Forestale tal-Istat, li jorganizza l-festa nazzjonai tar-Riservi Naturali biex jingħaraf mill-ġdid ir-rispett lejn il-ġmiel tal-ħolqien; insellem lil dawk li qed jieħdu sehem fil-konvenju mniedi mill-Konferenza Episkopali Taljana b’risq skola ta’ kwalità miftuħa għall-familji; insellem lid-delegazzjoni tan-nisa tal-“Komen Italia”, li hija assoċjazjoni għall-ġlieda kontra t-tumuri tas-sider; insellem ukoll lil tant li ħadu sehem fl-inizjattva favur il-ħajja li saret dalgħodu f’Ruma: huwa importanti i naħdmu id f’id biex inħarsu u nwasslu ‘l quddiem il-ħajja.

U, la qed nitkellmu fuq il-ħajja, illum f’ħafna pajjiżi jiġi ċelebrat jum l-omm: niftakru għalhekk b’radd il-ħajr u b’imħabba fl-ommijiet kollha.  Issa se nindirizza lill-ommijiet li hawn fil-pjazza: hawn xi ftit? Iva? Hawn xi ommijiet? Nagħtuhom applawż, applawż lill-ommijiet li hawn fil-Pjazza... u jalla dan l-applawż jgħannaq lill-ommijiet kollha, l-ommijiet tagħna lkoll: dawk li jgħixu magħna fil-ġisem, u dawk ukoll li jgħixu magħna fl-ispirtu.  Il-Mulej iberikhom ikoll, u l-Madonna, li lilha hu ddedikat daan ix-xahar, tieħu ħsiebhom.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb  - Ħadd naqra sħun illum...!  U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.   L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia.