Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 Il-Vanġelu ta' dan il-Ħadd, it-tielet Ħadd tal-Għid, hu dak tad-dixxipli ta' Għemmaws (Luqa 24, 13-35).  Dawn kienu żewġ dixxipli ta' Ġesù, li, wara l-mewt tiegħu u wara li għadda s-Sibt, iħallu Ġerusalemm biex imorru lejn il-villaġġ bl-isem ta' Għemmaws, qalbhom sewda u skuraġġiti.  Tul it-triq, Ġesù rxuxtat jingħaqad magħhom imma huma ma jagħrfuhx. 

Meta rahom dasqstant qalbhom sewda, l-ewwel jgħinhom jifhmu li l-passjoni u l-mewt tal-Messija kienu diġà fil-pjan t'Alla u mħabbrin fl-Iskrittura Mqaddsa, u b'hekk reġa' ħeġġeġ in-nar tat-tama fi qlubhom.

Dak il-ħin id-dixxipli ħassew ġibda straordinarja lejn dak il-bniedem misterjuż u stednuh jibqa' magħhom għal dak il-lejl.  Ġesù aċċetta u daħal magħhom id-dar tagħhom.  U meta kienu mal-mejda u Hu bierek il-ħobż u qasmu, għarfuh, imma Hu għeb minn quddiemhom, u ħalliehom mistgħaġbin.

Wara li kienu ġew imdawlin mill-Kelma, kienu għarfu lil Ġesù Rxoxt mill-qsim tal-ħobż, sinjal ġdid tal-preżenza tiegħu.  U mill-ewwel ħassew il-bżonn li jmorru lura lejn Ġerusalemm, biex iwasslu l-esperjenza li kienu għexu, lid-dixxipli l-oħra, biex jgħidulhom li kienu ltaqgħu ma' Ġesù u li kienu għarfuh mill-ġest tal-qsim tal-ħobż.

It-triq ta' Għemmaws għalhekk, issir is-simbolu tal-mixja tal-fidi tagħna:  l-Iskrittura u l-Ewkaristija huma l-elementi indispensabbli biex niltaqgħu mal-Mulej.  Aħna wkoll, ta' spiss, naslu għall-Quddiesa tal-Ħadd bil-preokkupazzjonijiet tagħna, bid-diffikultajiet u d-delużjonijiet... Kultant il-ħajja tferina u aħna mmorru bil-geddum lejn l-”Għemmaws” tagħna, u nagħtu daharna lill-pjan ta' Alla.  Nitbegħedu minnu.

Imma tilqagħna l-Liturġija tal-Kelma:  Ġesù jispjegalna l-Iskrittura u jerġa' jħeġġeġ fi qlubna n-nar tal-fidi u tat-tama, waqt li fit-Tqarbin itina l-qawwa.  Il-Kelma t'Alla, l-Ewkaristija.  Naqraw kuljum silta mill-Vanġelu u l-Ħadd immorru nirċievu l-Ewkaristija, nirċievu lil Ġesù.

Hekk ġara mad-dixxipli ta' Għemmaws: semgħu l-Kelma, ħadu sehem fil-qsim tal-ħobż u minn qalbhom sewda u telliefa kif kienu qabel, imtlew bil-ferħ.  Għeżież ħuti, il-Kelma t'Alla u l-Ewkaristija dejjem jimlewna bil-ferħ.  Ftakruh sew dan!  Meta inti mdejjaq, aqbad il-Kelma t'Alla.  Meta tħossok bla kuraġġ, aqbad il-Kelma t'Alla u mur il-Quddiesa tal-Ħadd biex titqarben, biex tieħu sehem fil-misteru ta' Ġesù.  Il-Kelma t'Alla, l-Ewkaristija, jimlewna bil-ferħ.

Bl-interċessjoni ta' Marija Santissma nitolbu biex kull nisrani, hu u jgħix mill-ġdid l-esperjenza tad-dixxipli ta' Għemmaws, speċjalment fil-quddiesa tal-Ħadd, jiskopri mill-ġdid il-grazzja tal-laqgħa mal-Mulej li tittrasforma, il-laqgħa mal-Mulej irxuxtat li hu dejjem magħna.  Wara li nkunu tlifna t-triq dejjem hemm Kelma t'Alla li treġġgħana lura lejn dik it-tajba u fl-għeja tagħna u d-delużjonijiet dejjem hemm Ħobż maqsum li jgħinna nimxu 'l quddiem fil-mixja tagħna.

 

Wara r-Regina Coeli:

APPELL

 

Għeżież ħuti,

Nixtieq nistedinkom tqegħedu fi ħdan il-Madonna s-sitwazzjoni fl-Ukranja, fejn it-tensjonijiet mhemmx li jieqfu.  Is-sitwazzjoni hija gravi.  Flimkien magħkom nitlob għall-vittmi ta' dawn il-jiem u nitlob lill-Mulej biex jirfed il-qlub b'sentimenti ta' paċifikazzjoni u fratellanza.

Nitolbu wkoll għall-mejtin li ħalliet it-traġedja tal-muntanja li ftit tal-jiem ilu laqtet villaġġ fl-Afganistan.  Alla li jista' kollox, li jaf isem kull wieħed u waħda minnhom, jilqagħhom fil-paċi tiegħu u lil dawk li ħesluha, jtihom il-qawwa li jibqgħu mexjin bl-għajnuna ta' dawk li qed jitħabtu biex itaffulhom it-tbatijiet tagħhom.

 

* * *

Għeżież ħuti,

Illum huwa l-Jum Nazzjonali tal-Università Kattolika tal-Qalb ta' Ġesù, bit-tema: “Maż-żgħażagħ, il-protagonisti tal-futur”.  Tema sabiħa ħafna!  Kemm hawn żgħażagħ hawnhekk illum?  Kemm?  Intom il-protagonisti tal-futur!  Intom dħaltu fil-futur, fl-istorja.  Din hi t-tema tallum.  Nitlob għal din l-università kbira biex tibqa' fidila għall-missjoni oriġinarja tagħha u tkun aġġornata mad-dinja tallum.  Jekk il-Bambin irid ftit żmien ieħor se mmur inżur il-fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija tal-Poliklinika Gemelli, hawn f'Ruma, li tagħlaq 50 sena mit-twaqqif tagħha u hija parti mill-Università Kattolika tal-Qalb ta' Ġesù.

Insellem lilkom għeżież fidili Rumani u pellegrini!  B'mod partikolari nsellem lill-fidili tad-djoċesi ta' Parma mmexxijin mill-Isqof Enrico Solmi, flimkien ma bosta żgħażagħ li qed jagħmlu l-mixja bl-isem ta' “il-Konċilju taż-Żgħażagħ”.  Isem sabiħ!  Kuraġġ!  Il-mixja t-tajba lil kulħadd!

Insellem lill-assoċjazzjoni “Meter” li għal kważi għoxrin sena ilha tiġġieled kontra l-abbuż tal-minuri.  Grazzi għall-impenn tagħkom!  Insellem ukoll lil-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-”Mixja għall-Ħajja”, li din is-sena għandha bixra internazzjonali u ekumenika.  Lill-”Meter” u lill-parteċipanti fil-”Mixja għall-Ħajja” awguri sbieħ u kuraġġ, ibqgħu aħdmu fuq dan!

Insellem lill-assoċjazzjonijiet “Relais Sourds” minn Lyons fi Franza.  “Il Portico” u “ Jardin de los niños” mill-Arġentina, is-Sorijiet ta' Santa Dorotea; il-fidili Melkiti mill-Awstralja u dawk minn  Alcorcón fi Spanja; iż-żgħażagħ Pollakki minn Rybnik, segwaċi ta' Piergiorgio Frassati, il-kor u l-banda ta' Lenola, il-korijiet tad-djoċesi ta' Udine u l-assoċjazzjonijiet tal-Camperisti Taljani.

Nirringrazzja wkoll għall-preżenza tagħhom lil tant gruppi mill-parroċċi u gruppi ta' żgħażagħ!

Lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

  

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.