Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

It-Tnejn, l-għada tal-Għid jissejjaħ "It-Tnejn tal-Anġlu”, skont tradizzjoni sabiħa ħafna li hi marbuta mal-għejjun Bibliċi tar-Riżurrezzjoni.  Infatti l-Evanġelji jirrakkuntaw (cfr Mt 28,1-10, Mk16,1-7; Luqa 24,1-12), li meta n-nisa marru lejn il-Qabar, sabuh miftuh.  Huma kienu beżgħanin li ma setgħux jidħlu għax il-qabar kien mgħotti bi blata kbira.  Iżda kien miftuħ u minn ġewa fih leħen jgħidilhom li Ġesù mhux hemmhekk, iżda qam.

Għall-ewwel darba titħabbar il-kelma: “Qam”.  L-Evanġelisti jgħidulna li din l-ewwel tħabbira ingħatat mill-anġli, jiġifieri l-messaġġiera ta’ Alla.  Hemm tifsira f’dil-preżenza anġelika: l-istess bħal ma’ kien l-anġlu Gabrijel li ħabbar li l-Verb sar bniedem, ġara wkoll fl-ewwel tħabbira tal-Qawmien fejn il-kelma umana ma kinitx biżżejjed.  Kien hemm bżonn ta’ essri aktar għoli biex iwassal dir-realtà daqstant skonvolġenti, tant ma titwemminx, li forsi ebda bniedem ma kien se jażżarda jlissen.  Wara din l-ewwel tħabbira, il-komunità tad-dixxipli issoktat ittenni: “Il-Mulej qam tassew u deher lil Xmun” (Luqa 24, 34) Sabiħa din l-aħbar.  Nistgħu ntennuha issa lkoll flimkien: “Il-Mulej qam tassew” - kien jeħtieġ li tingħad minn intelliġenza akbar minn dik umana.

Din tal-lum hi ġurnata ta’ festa ta’ allegrija soltu mgħejxha mal-familja.  Hi ġurnata tal-familja.  Wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tinħass il-ħtieġa li ssir laqgħa mal-għeżież tagħna u l-ħbieb biex issir festa.  Għax il-fraternità hi frott tal-Għid ta’ Kristu li, bil-mewt u l-qawmien tiegħu, rebaħ id-dnub li kien jifred lill-bniedem minn Alla, lill-bniedem minnu nnifsu, lill-bniedem minn ħutu.  Iżda aħna nafu li d-dnub jifred dejjem, dejjem joħloq l-ostilità.  Ġesù waqqa’ l-ħajt tal-firda bejn il-bnedmin u ġab il-paċi mill-ġdid, u b’hekk beda jinseġ xibka ġdida ta’ fraternità.  Huwa importanti ħafna fi żmienna niskopru mill-ġdid dil-fraternità, hekk kif kienu jgħejxuha l-ewwel komunitajiet insara.  Niskopru mill-ġdid kif nagħmlu l-wisa’ għal Ġesù li qatt ma jifred, jgħaqqad dejjem.  Ma jistax ikun hemm komunjoni vera u impenn għall-ġid komuni u l-ġustizzja soċjali mingħajr il-fraternità u l-kondiviżjoni.  Mingħajr il-kondiviżjoni fraterna ma tistax isseħħ komunita ekkleżjali jew ċivili: ikun jeżisiti biss grupp ta’ individwi jew magħqudin flimkien imexxija biss mill-interessi personali tagħhom.  Iżda l-fraternità hija grazzja li jagħtiha Ġesù.

L-Għid ta’ Kristu ġab fid-dinja splużjoni ta’ ħaġ’oħra: in-novità tad-djalogu u r-relazzjoni, novità li għall-insara saret responsabbiltà.  Infatti Ġesù qal: “Minn dan jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi: jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw. 13, 35).  Hekkhu, għaliex aħna ma nistgħux ningħalqu għlina waħedna fil-privat, fil-grupp tagħna, imma aħna msejħin biex nagħtu każ tal-ġid komuni, biex nieħdu ħsieb ħutna, speċjalment l-aktar dgħajfa u mwarrbin.  Il-fraternità biss hi garanzija tal-paċi dejjiema, tista’ tegħleb il-faqar, titfi t-tensjonijiet u l-gwerer, teqred il-korruzzjoni u l-kriminalità.  Jalla l-anġlu li jgħidilna: “Qam”, jgħinna ngħejxu l-fraternità u n-novità tad-djalogu u tar-relazzjoni u l-preokkupazzjoni għall-ġid komuni.

Il-Verġni Marija, li f’daż-żmien tal-Għid aħna ninvokawha bit-titlu ta’ Reġina tas-Sema, tirfidna bit-talb tagħha sabiex il-fraternità u l-komunjoni li qed inħossu f’dal-jiem tal-Għid, isiru l-istil ta’ ħajjitna u jkunu r-ruħ tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

fil-klima tal-Għid karatteristiku ta’ din il-ġurnata, insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u pellegrini singoli, li ġejtu mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja.

Lil kull wieħed u waħda minnkom nawguralkom li dal-jiem tal-Ottava tal-Għid li jtawwlu l-ferħ tal-Qawmien mill-Mewt, tgħadduhom hienja.  Ħudu kull okkażjoni tajba biex tkunu xhieda tal-paċi tal-Mulej Irxuxtat speċjament mal-aktar persuni fraġli u svantaġġjati.  Dwar dan, nixtieq niżgurakom li se ngħid talba speċjali llum, Il-Jum Dinji tal-għarfien tal-awtiżmu.

Nitolbu bil-ħerqa r-rigal tal-paċi għad-dinja kollha, speċjalment għall-popolazzjonijiet li l-aktar qed ibatu minħabba l-kunflitti li għaddejjin bħalissa.  Inġedded b’mod partikolari l-appell tiegħi sabiex il-persuni maħtufin jew li inġustament huma mċaħħdin mill-libertà tagħhom, jinħelsu biex ikunu jistgħu jerġgħu lura lejn djarhom.

It-Tnejn tal-Anġlu t-tajjeb!  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci u: “Il-Mulej qam tassew”.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber