Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Illum, fl-Italja u f’pajjiżi oħra, jiġi ċelebrat it-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù, li seħħ erbgħin jum wara l-Għid.  Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta din il-ġrajja, il-firda aħħarija tal-Mulej Ġesù minn mad-dixxipli u minn din id-dinja  (cfr At 1, 2.9).  Mill-banda l-oħra, l-evanġelju ta’ San Mattew jippreżentalna l-mandat li Ġesù ta lid-dixxipli:  l-istedina biex imorru, jitilqu, sew f’arthom kif ukoll f’artijiet oħra, u jxandru lill-ġnus kollha il-messaġġ tiegħu tas-salvazzjoni (cfr Mt 28, 16-20).  “Morru” jew aħjar “itilqu” jsiru l-kliem ċentrali tal-festa tal-lum: Ġesù jitlaq lejn il-Missier u jordna lid-dixxipli biex jitilqu lejn id-dinja.

Ġesù jitlaq, jitla’ lejn is-sema, jiġifieri jmur lura għand Missieru li minnu kien intbagħat fid-dinja.  Għamel xogħolu, u għalhekk imur lura għand il-Missier. Imma din mhijiex separazzjoni, għax Hu jibqa’ magħna għal dejjem, taħt forma oħra.  Bit-tlugħ tiegħu fis-sema, il-Mulej imqajjem jiġbed il-ħarsa tal-Appostli – u anke l-ħarsa tagħna – lejn is-smewwiet biex jurina li l-waqfa aħħarija tal-mixja tagħna huwa l-Missier.  Hu stess kien qal li se jitlaq biex imur jippreparalna post fis-sema.  Madanakollu, Ġesù jibqa’ preżenti u jaħdem fil-ġrajjiet tal-istorja tal-bniedem permezz tal-qawwa u d-doni tal-Ispirtu tiegħu;  hu jinsab qrib ta’ kull wieħed minna: anke jekk ma narawhx b’għajnejna, Hu hemm qiegħed!  Jimxi magħna, imexxina, jaqbdilna jdejna u jqajjimna meta naqgħu.  Krsitu rxoxt jinsab qrib l-Insara persegwitati u diskriminati; jinsab qrib ta’ kull raġel u mara li qed ibatu.  Jinsab qrib tagħna lkoll, anke llum jinsab hawn magħna fil-pjazza; il-Mulja jinsab magħna!  Temmnuh dan? Mela ejjew ngħiduh flimkien: Il-Mulej jinsab magħna!

Meta Ġesù jmur lura fis-sema, jieħu miegħu rigal lill-Missier. Xinhu dan ir-rigal? Ir-rigal huma l-pjagi tiegħu.  Ġismu huwa sabiħ, mingħajr tbenġil, mingħajr il-feriti tal-flaġellazzjoni, imma l-pjagi ħallihom hemm, jidhru.  Meta jmur lura għand Missieru jurih il-pjagi u jgħidlu: “Ħares, Missier, dan hu l-prezz tal-maħfra li inti tagħti”.  Meta l-Missier iħares lejn il-pjagi ta’ Ġesù, dejjem jaħfrilna, mhux għax aħna tajbin, imma għax Ġesù ġa ħallas għalina.  Waqt li jħares lejn il-pjagi ta’ Ġesù, il-Missier jimtela bil-ħniena.  Dan huwa x-xogħol kbir li jagħmel Ġesù llum fis-sema: juri lill-Missier il-prezz tal-maħfra, il-pjagi tiegħu.  Din hija ħaġa mill-isbaħ li timbuttana biex ma nibżgħux nitolbu maħfra; il-Missier dejjem jaħfer, għax iħares lejn il-pjagi ta’ Ġesù, iħares lejn id-dnub tagħna u jaħfru.

Imma Ġesù jinsab preżenti anke permezz tal-Knisja, li huwa bagħtha fid-dinja kollha biex itawwal il-missjoni tiegħu.  L-aħħar kelma ta’ Ġesù lid-dixxipli hija l-ordni biex jitilqu: “Morru għalhekk kullimkien u għamlu dixxipli mill-popli kollha” (Mt 28,19).  Huwa mandat ċar, mhux għażla!  Il-komunità nisranija hija komunità “ħierġa”, “se titlaq”.  Aktar minn hekk: il-Knisja twieldet indirizzata lejn il-ħruġ.  U intom tgħiduli: xi ngħidu għall-komunitajiet tal-klawsura? Iva, dawk ukoll, għax dejjem “ħerġin” permezz tat-talb tagħhom, b’qalbhom miftuħa għad-dinja, għall-orizzonti ta’ Alla.  U l-anzjani, il-morda?  Huma wkoll, permezz tat-talb tagħhom u tal-għaqda mal-pjagi ta’ Ġesù.

Lid-dixxipli missjunarji tiegħu Ġesù jgħid:  “Jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (v. 20).  Waħdena, mingħajr Ġesù, ma nistgħu nagħmlu xejn!  Fil-ħidma appostolika mhux biżżejjed il-qawwa tagħna, ir-riżorsi tagħna, l-istrutturi tagħna, għalkemm dawn kollha huma neċessarji.  Mingħajr il-preżenza tal-Mulej u mingħajr il-qawwa tal-Ispritu tiegħu, xogħolna, għalkemm ikun organizzat tajjeb, ma jħalllix frott.  Għalhekk, ejjew immoru ngħidu lin-nies min hu Ġesù.

U flimkien ma’ Ġesù timxi magħna wkoll Marija ommna.  Hi diġà tinsab fid-dar tal-Missier, hi s-Sultana tas-Sema u hekk insejjħulha f’dan iż-żmien; imma bħal Ġesù, hi tinsab magħna, timxi magħna, hi l-omm tat-tama tagħna.

 

Wara r-Regina Coeli il-Papa wassal dan il-messaġġ:

APPELL

B’qalbi sewda nitlob għall-vittmi tal-inkwiet li għad hemm f’xi partijiet mill-Ukraina, kif ukoll fir-Repubblika taċ-Ċentru tal-Afrika.  Inġedded l-appell imqanqal tiegħi lill-partijiet kollha li għandhom sehem, biex imorru aktar ‘il hemm min-nuqqas ta’ qbil u jfittxu bil-paċenzja d-djalogu u l-paċi.  Marija, Sultana tal-Paċi, tgħinna lkoll bl-interċessjoni materna tagħha. Marija, Sultana tal-Paċi, itlob għalina.

* * *

Għeżież ħuti,

Illum tiġi ċelebrata l-Ġurnata Dinjija tal-Komunikazzjoni Soċjali, bit-tema tal-komunikazzjoni għas-servizz tal-kultura u tal-laqgħa.  Il-mezi tal-komunikazzjoni soċjali jistgħu jgħinu biex jikber is-sens ta’ għaqda fil-familja umana, is-solidarjetà u l-impenn għal ħajja dinjitża għal kulħadd.  Nitolbu sabiex il-komunikazzjoni, f’kull forma tagħha, tkun verament għas-servizz tal-laqgħa fost il-persuni, il-komunitajiet, il-ġnus; laqgħa mibnija fuq ir-rispett u s-smigħ reċiproku.

Ilbieraħ, f’Collevalenza, ġiet dikjarata Beata Madre Speranza, imwielda fi Spanja bl-isem ta’ María Josefa Alhama Valera, fundatriċi fl-Italja tal-Ancelle u l-Figli dell’Amore Misericordioso.  Jalla t-testimonjanza tagħha tgħin lill-Knisja biex tħabbar kullimkien, permezz ta’ ġesti konkreti u ta’ kuljum, il-ħniena bla tmiem tal-Missier tas-sema għal kull persuna.  Insellmu permezz ta’ applawż lill-Beata Madre Speranza!

Insellem lilkom ilkoll, għeżież Rumani u pellegrini: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet, l-iskejjel.  Insellem b’mod partikulari lill-insara ta’ Lyon u ta’ Pariġi, dawk ġejjin minn Texas u minn Aulendorf (fil-Ġermanja), u l-grupp tat-Taljani li jgħixu f’Ulm u Neu-Ulm.  Insellem lill-adolexxenti li rċevew jew li qed jippreparaw biex jirċievu l-Griżma, u nħeġġiġhom biex ikunu xhieda ferħanin ta’ Ġesù.  Insellem il-kor ta’ Palazzolo sull’Oglio u dak ta’ Longi.  Ħsieb speċjali jmur għall-ħafna Camperisti Taljani, li jaħdu fi proġetti ta’ solidarjetà, u għaċ-ċiklisti li jagħtu ħajja lill-inizjattiva “Un chilometro per a Siria”.

Nawgura l-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd. L-ikla t-tajba u nsellmilkom. U itolbu għalija!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.