Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’daż-żmien tal-Għid il-Kelma t’Alla tissokta tindikalna stili ta’ ħajja koerenti biex inkunu l-komunità tal-Irxoxt.  Fost dawn, l-Evanġelju tal-lum jippreżentalna l-kmand ta’ Ġesù: Ibqgħu f’imħabbti (Ġw 15,9): nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù.  Ngħejxu fin-nixxiegħa tal-imħabba t’Alla, ngħammru hemmhekk stabbilment.  Din hi l-kundizzjoni sabiex matul it-triq, imħabbitna ma titlifx il-ħerqa tagħha u l-kuraġġ.  Aħna wkoll, bħal Ġesù u fih, jeħtiġilna nilqgħu bi gratitudni l-imħabba li tiġi mill-Missier u nibgħu f’din l-imħabba, infittxu li ma ninqatgħux minnha bl-egoiżmu u d-dnub.  Hu programm iebes iżda mhux impossibbli.

Qabel kollox huwa importanti nirrealiżżaw li l-imħabba ta’ Ġesù mhix sentiment superfiċjali, le, hija atteġġjament fundamentali tal-qalb, li tidher fil-ħajja mgħexja kif irid Hu.  Infatti, Ġesù jafferma:  “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu f’imħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu” (v.10).  L-imħabba tissawwar fil-ħajja ta’ kuljum, fl-atteġġjamenti, fl-azzjonijiet; inkella tkun biss xi ħaġa illużorja.  Ikunu paroli, paroli, paroli: dik mhix imħabba.  L-imħabba hi xi ħaġa konkreta, ħaġa ta’ kuljum.  Ġesù jitlob biex jitħarsu l-kmandamenti tiegħu, li miġbruin hekk: “li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (v.12).

X’jista jsir biex din l-imħabba li jtina Ġesù Rxoxt tinqasam mal-oħrajn?  Bosta drabi  Ġesù wriena min hu l-ieħor li għandna nħobbu, mhux bil-kliem iżda bil-fatti.  Huwa dak li niltaqa’ miegħu fit-trqi u li wiċċu u l-istorja tiegħu, tinterpellani; huwa dak li bl-istess preżenza tiegħu jimbuttani biex ninsa l-interessi tiegħi u s-sigurtajiet tiegħi; huwa dak li qed jistenna li jien inkun dispost biex nisimgħu u biex nimxi biċċa triq miegħu.  Disponibbiltà lejn kull wieħed u waħda, lejn kull min ikun u f’liema qagħda jinsab, ibda minn dak li hu qribi fil-familja, fil-komunità, fuq ix-xogħol, l-iskola.....  B’dal-mod, jekk jien nibqa’ magħqud ma’ Ġesù, imħabbtu tkun tista’ tilħaq lill-ieħor u tiġbdu lejH, lejn il-ħbiberija tiegħu.

Din l-imħabba lejn l-oħrajn mhix xi ħaġa li nħalluha biss għal xi waqtiet eċċezzjonali, imma għandha ssir karatteristika tal-eżistenza tagħna.  Huwa għalhekk li aħna msejħin, per eżempju, biex nieħdu ħsieb l-anzjani bħala teżor prezzjuż u bl-imħabba, anki jekk joħolqu l-problemi ekonomiċi u xkiel, imma jeħtieġ inħarsuhom.  Hekkhu għaliex lil-morda, anki fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom, għandna ntuhom l-għajnuna kollha meħtieġa possibbli.  Hekkhu għaliex it-trabi li għad iridu jitwieldu għandna nilqugħhom dejjem, hekkhu għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, il-ħajja għandha tkun dejjem imħarsa u maħbuba mill-konċepiment sal-għabex naturali.  U din hi l-imħabba.

Aħna maħbubin minn Alla f’Ġesù Kristu, li jitlobna biex inħobbu lil xulxin kif iħobbna Hu.  Imma dan ma nistgħux nagħmluh jekk m’għandniex fina l-istess Qalb tiegħu.  L-Ewkaristija, li aħna msejħin nieħdu sehem fiha kull nhar ta’ Ħadd, għandha l-għan li ssawwar fina il-Qalb ta’ Kristu, sabiex ħajjitna kollha tkun immexxija mill-atteġġjamenti ġenerużi tiegħu.  Il-Verġni Marija tgħinna nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù u biex inkattru fina l-imħabba lejn kulħadd, speċjalment l-aktar dgħajfa, sabiex inkunu koerenti għal kollox mal-vokazzjoni nisranija tagħna.

 

Wara r-Regina Coeli:

Għeżież ħuti,

Ibieraħ f’Aachen, il-Ġermanja, ġiet dikjarata Beata, Chiara Fey, fundatriċi tas-Sorijiet tal-Fqajjar Bambin Ġesù, li għexet fit-tieni nofs tas-seklu dsatax.  Niżżu ħajr lil Alla għal din ix-xhud żelanti tal-Evanġelju, edukatriċi ħabrieka taż-żgħażagħ l-aktar fil-bżonn.

Nistedinkom biex titolbu għall-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Afrika Ċentrali, pajjiż li kelli x-xorti  li nżur u li għadni ngħożż f’qalbi, fejn dawn l-aħħar ġranet kien hemm vjolenza kbira li ħalliet bosta mejta u feruti fosthom anki saċerdot.  Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, il-Mulej jgħin lil kulħadd biex jgħid le għall-vjolenza u għall-vendetta, ħalli flimkien nibnu l-paċi.

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini, partikolarment lil dawk ġejjin minn Oviedo (Spanja), lill-istudenti minn Vrbovè (Slovakkja) u lill-abbatini minn Berna.  Tislima speċjali tmur lejn il-Gwardji Svizzeri l-ġodda, lill-familjari tagħhom u lil ħbiebhom, fil-jum tal-festa ta’ dan il-Korp storiku u ta’ valur.  Intuhom ċapċipa!

Insellem lir-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Meter, filwaqt li nħeġġiġhom ikomplu bl-impenn tagħhom favur it-tfal vittmi tal-vjolenza; kif ukoll lill-fidili minn Piacenza u Borgoricco u lill-atleti ġinnasti minn Castelfranco Emilia.

Smajt ukoll xi kant min-Neokatekumenali.... hemm huma!  Grazzi!  Grazzi tal-ħidma tagħkom ta’ evanġeliżżazzjoni.  Imferrxin ma’ kullimkien, grazzi!

Insellem ukoll lill-priġunieri tal-faċilità korrettiva ta’ Latina li bħalissa huma magħqudin magħna spiritwalment.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber