MESSAĠĠ URBI ET ORBI

TAL-PAPA FRANĠISKU

GĦID IL-KBIR 2014

Mill-Gallarija Ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd, 20 ta’ April 2014.

 

Għeżież ħuti l-Għid it-tajjeb u qaddis!

Fil-knejjes kollha mxerrdin madwar id-dinja tidwi l-aħbar tal-anġlu lin-nisa: «Tibżgħux!  Naf li qed tfittxu lil Ġesù, l-imsallab.  Mhux hawn.  Qam...... ejjew araw il-post fejn kien qiegħed» (Mattew 28, 5-6).

Dan hu l-qofol tal-Vanġelu, hija l-Bxara t-Tajba per eċċellenza: Ġesù, l-imsallab, qam mill-mewt!  Dan l-avveniment hu l-bażi tal-fidi tagħna u tat-tama tagħna:  kieku Kristu ma qamx, il-Kristjaneżmu kien jitlef il-valur tiegħu: il-missjoni kollha tal-Knisja kienet titlef l-imbuttatura tagħha, għax minn hemm bdiet u minn hemm tibqa' titlaq dejjem.  Il-messaġġ li l-insara jwasslu lid-dinja hu dan: Ġesù, l-imħabba inkarnata, miet fuq is-salib għad-dnubiet tagħna, imma Alla l-Missier qajjmu u għamlu Sid tal-ħajja u tal-mewt.  F'Ġesù l-imħabba għelbet 'il-mibgħeda, il-ħniena d-dnub, it-tajjeb 'il-ħażen, il-verità lill-gideb, il-ħajja 'l-mewt.

Għal din ir-raġuni aħna ngħidu lil kulħadd: « Ejjew u araw!».  F'kull sitwazzjoni umana mmarkata bil-fraġilità tad-dnub u tal-mewt, l-Aħbar it-Tajba mhix biss kelma imma hija xhieda ta' mħabba gratwita u fidila: ifisser li wieħed joħroġ minnu nnifsu biex jiltaqa' mal-ieħor, ifisser li jkun qrib ta' min hu miġrugħ bil-ħajja, ifisser li taqsam ma' min m'għandux dak li jeħtieġ, ifisser tibqa' qrib il-marid, l-anzjan, l-imwarrab........ «Ejjew u taraw!»: l-Imħabba hija aktar qawwija, l-Imħabba tagħti l-ħajja, l-imħabba twarrad it-tama fid-deżert.

B'din iċ-ċertezza ferrieħa fi qlubna, illum induru lejk Mulej irxuxtat!

Għinna nfittxuk sabiex ilkoll inkunu nistgħu niltaqgħu miegħek, inkunu nafu li għandna Missier u ma' nħossuniex orfni, inkunu nistgħu nħobbuk u nadurawk.

Għinna ngħelbu l-pjaga tal-ġuħ, aggravata mill-gwerrer u mill-ħela bla qjies li spiss aħna nkunu kompliċi tagħha.

Tina l-ħila li niddefendu lil min m'għandux difiża speċjalment it-tfal, in-nisa u l-anzjani, li xi drabi jkunu vittmi tal-isfruttament u tal-abbandun.

Agħmel li nkunu nistgħu nikkuraw lil ħutna milqutin mill-epidemija tal-ebola fil-Guinea Conakry, Sierra Leone u lil dawk kollha li jbatu minn tant mard ieħor li jinfirex anki minħabba l-indifferenza u l-faqar estrem.

Farraġ lil dawk kollha li llum ma jistgħux jiċċelebraw l-Għid mal-għeżież tagħhom għax, inġustament, huma mifrudin minnhom, bħalma huma dawk il-bosta persuni, saċerdoti u lajċi, li f'diversi nħawi tad-dinja sfaw maħtufin.

Farraġ lil dawk li ħallew djarhom u pajjiżhom biex jemigraw lejn postijiet li fihom jittamaw li jsibu ħajja aħjar, jgħixu ħajjithom b'aktar dinjità u mhux rari, ma jitħallewx jistqarru liberament il-fidi li jħaddnu.

Nitolbuk, Ġesù glorjuż, waqqaf il-gwerrer kollha, kull ostilità kbira jew żgħira, antika jew reċenti!

Nitolbuk, partikolarment, għas-Sirja, il-maħbuba Sirja, sabiex dawk li qed isofru mill-konsegwenzi tal-kunflitti jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna umanitarja u biex kull naħa tal-kunflitt ma tużax aktar il-forza li tiżra' l-mewt, fuq kollox fost il-popolazjoni bla difiża, imma jkollhom il-kuraġġ li jinnegozjaw il-paċi li ilha mixtieqa tant żmien!

Ġesù glorjuż, nitolbuk tfarraġ 'il-vittmi tal-vjolenza bejn l-aħwa fl-Iraq u biex issostni t-tamiet li tqanqlu bil-bidu mill-ġdid tan-negozjati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

Nitolbuk bil-ħerqa biex jintemm il-ġlied fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali u biex jieqfu l-misħuta attentati terroristiċi f'xi nħawi tan-Niġerja u l-vjolenza fis-Sudan t'Isfel.

Nitolbuk biex tagħmel li l-qlub ifittxu r-rikonċiljazzjoni u l-ftehim fil-Venezwela.

Għall-qawmien tiegħek, li dis-sena qed niċċelebraw flimkien mal-Knejjes li jimxu fuq il-kalendarju ġuljan, nitolbuk iddawwal u tispira inizjattivi ta' paċi fl-Ukrajna, biex in-naħat kollha, megħjunin mill-komunità internazzjonali, jagħmlu kull sforz biex ma jħallux li l-vjolenza tgħolli rasha u biex, fi spirtu ta' djalogu u għaqda, jibnu l-futur tal-pajjiż.  Jalla huma, bħala aħwa, jkunu jistgħu ikantaw illum  Хрhctос Воскрес (Kristu Qam).

Nitolbuk għall-popli kollha tad-dinja Mulej: Int li rbaħt il-mewt, agħtina l-ħajja, agħtina l-paċi tiegħek!  Għeżież ħuti, l-Għid it-Tajjeb!

 

Regina Coeli …

 

TISLIM

 

Għeżież ħuti,

inġedded l-awguri tiegħi tal-Għid it-tajjeb lilkom ilkoll li nġbartu f'dil-pjazza mill-inħawi kolha tad-dinja.  Nagħti l-awguri tal-Għid lil dawk li fil-pajjiżi differenti huma magħqudin magħna bis-saħħa tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.  Wasslu fil-familji tagħkom u fil-komunitajiet tagħkom l-aħbar sabiħa li Kristu, il-paċi u t-tama tagħna, qam mill-mewt!

Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom, għat-talb tagħkom u għax-xhieda ta' fidi tagħkom.  Ħsieb partikolari u ta' rikonoxximent għar-rigal ta' dawn il-fjuri sbieħ ħafna li ġejjin mill-Olanda.  L-Għid it-tajjeb lil kulħadd!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.