Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-festa tal-Għid il-Ħamsin tgħinna nerġgħu ngħixu l-bidu tal-Knisja.  Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta li, ħamsin jum wara l-Għid, fid-dar fejn kienu jinsabu d-dixxipli ta’ Ġesù, “f'daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta' riħ qawwi... u mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b'ilsna oħra” (2, 2-4).  Minn dan it-tiswib id-dixxipli jiġu mibdula kompletament: flok il-biża jidħol il-kuraġġ, l-għelqu iċedi postu għat-tħabbir u kull dubju jiġi mkeċċi mill-fidi mimlija mħabba.  Din hija l-“magħmudija” tal-Knisja, li hekk bdiet il-mixja tagħha fl-istorja, immexxija mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Dik il-ġrajja, li tibdel il-qalb u l-ħajja tal-Appotli u tad-dixxipli l-oħra, tinħass malajr ‘l barra miċ-Ċenaklu.  Fil-fatt, dak il-bieb li nżamm magħluq għal ħamsin jum fl-aħħar jinfetaħ beraħ u l-ewwel Komunità nisranija, li issa ma tibqax magħluqa fiha nfisha, tibda tkellem lill-folol ġejjin minn postijiet differenti fuq il-ħwejjeġ kbar li għamel Alla (cfr v. 11), jiġifieri dwar il-Qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, li kien imsallab.  U kull wieħed li kien preżenti jisma’ lid-dixxipli jitkellmu b’ilsienu.  Id-don tal-Ispirtu jerġa’ jġib l-għaqda fost il-lingwi li kienet intilfet f’Babel u jħabbar minn qabel il-ftuħ universali tal-missjoni tal-Appostli.  Il-Knisja ma titwilidx iżolata, imma titwieled universali, waħda, kattolika, b’identà ċara imma miftuħa għal kulħadd, mhux magħluqa, identità li tilqa’ fi ħdanha id-dinja kollha, bla ma tħalli lil ħadd barra.  Ommna l-Knisja ma tagħlaq bibienha f’wiċċ ħadd, ħadd!  Lanqas f’wiċċ l-ikbar midneb, ħadd!  U dan għall-qawwa, għall-grazzja tal-Ispirtu s-Santu.  Il-Knisja Omm tiftaħ, tiftaħ beraħ il-bibien tagħha għal kulħadd għax hi omm.

L-Ispirtu s-Santu msawwab f’qalb id-dixxipli nhar  Għid il-Ħamsin hu l-bidu ta’ staġun ġdid: l-istaġun tax-xhieda u tal-fraternità.  Huwa staġun li jiġi mill-għoli, li jiġi minn Alla, bħal dawk l-ilsna tan-nar li waqfu fuq ras kull wieħed mid-dixxipli.  Kienet il-ħuġġieġa ta’ mħabba li taħraq kull qrusa; kien l-ilsien tal-Vanġelu li jaqbeż il-konfini mqiegħeda mill-bnedmin u li jmiss il-qlub ta’ ħafna, bla distinzjoni ta’ lingwa, razza jew nazzjonalità.  Bħal dakinhar ta’  Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu s-Santu jissawwab il-ħin kollu llum fuq il-Knisja u fuq kull wieħed minna sabiex aħna nitilqu’ l-medjokrità tagħna u noħorġu mill-għeluq tagħna u mwasslu lid-dinja kollha l-imħabba kollha ħniena tal-Mulej.  Inwasslu l-imħabba kollha ħniena tal-Mulej:  din hija l-missjoni tagħna!  Anke lilna ġew mogħtija r-rigali tal-“ilsien” tal-Vanġelu u tan-“nar” tal-Ispirtu s-Santu, sabiex waqt li nxandru lil Kristu Rxoxt, li hu ħaj u jinsab fostna, insaħħnu l-qalb tagħna u anke l-qlub tal-popli billi rresquhom lejH, it-triq, il-verità u l-ħajja.

Ejjew nintelqu fl-interċessjoni materna tal-imqaddsa Marija, li kienet preżenti bħala Omm f’nofs id-dixxipli fiċ-Ċenaklu: hi omm il-Knisja, omm Ġesù li saret omm il-Knisja.  Nintelqu f’idejha sabiex l-Ispirtu s-Santu jinżel bil-qawwa bl-abbundanza fuq il-Knisja ta’ żmienna, jimla’ l-qlub tal-insara kollha u jħeġġeġ fihom in-nar tal-imħabba tiegħu.

 

Wara r-Regina Ceoli l-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

qiegħed inkompli nsegwi bi tbatija f’qalbi u tħassib serju l-ġrajjiet tal-ħafna nies li qed jaħarbu fil-Golf ta’ Bengala u fil-baħar ta’ Andamane.  Nuri l-apprezzament tiegħi għall-isforzi li qed isirmu minn dawk il-Pajjiżi li qed jilqgħu fosthom lil dawn il-persuni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ tbatija kiefra u periklu kbir.  Inħeġġeġ lill-Komunità internazzjonali biex tipprovdilhom l-għajnuna umanitarja.

Bħal-lum mitt sena ilu l-Italja daħlet fil-Gwerra l-Kbira, dik l-“istraġi għalxejn”: nitolbu għall-vittmi, u waqt li nitolbu lill-Ispirtu s-Santu għad-don tal-paċi.

Ilbieraħ, f’Salvador u fil-Kenja, ġew imħabbra Beati isqof u soru.  L-ewwel wieħed hu Mons. Oscar Romero, arċisqof ta’ San Salvador, maqtul għall-mibegħda tal-fidi waqt li kien qiegħed jiċċelebra l-Ewkaristija.   Dan ir-ragħaj ħabrieki, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, għażel li jkun f’nofs il-poplu tiegħu, speċjalment il-foqra u l-imjassra, anke għall-prezz ta’ ħajtu.  Is-soru hija Irene Stefani, Taljana, tal-Missionarie della Consolata, li qdiet il-poplu tal-Kenja bil-ferħ, bil-hniena u b’ħafna ħlewwa.  L-eżempju erojku ta dawn il-Beati jqajjem f’kull wieħed minna ix-xewqa ħajja li nkunu xhieda tal-Vanġelu b’kuraġġ u biċ-ċaħda tagħna nfusna.

Insellmilkom, għeżież Rumani u pellegrini: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet.   B’mod partikulari nsellem lill-insara ġejjin minn Bretagne, minn Barcelona, minn Freiburg, u l-kor taż-żgħażagħ ta’ Herxheim.  Insellem il-komunità Dumnikana ta’ Ruma, l-insara ta’ Cervaro (Forsinone), il-militari tal-Aeronautica allokati f’Napli, is-Sacra Corale Jonica u dawk li se jagħmlu l-Griżma f’Pievidizzo (Brescia)

Illum, nhar il-festa ta’ Marija Awżiljatriċi, insellem il-komunità Sależjana: jalla l-Mulej jagħtiha l-qawwa twassal ‘il quddiem l-ispirtu ta’ San Ġwann Bosco.

U lilkom ilkomm nixtieqilkom il-Ħadd ta’  Għid il-Ħamsin it-tajjeb. Nitlobkom, tisewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u nsellmilkom.

 

 

Miġjub għall-Maltin mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia.